Omelija għall-Ġimgħa l-Kbira, 2026

Minn D. Edward Vella

Huwa impressjonanti fir-rakkont li smajna kemm kapaċi jiżbalja l-bniedem u jiżbalja bil-goff: l-appostli li telquh u ħarbu, Ġuda li jittradih, Pietru li ċaħdu, s-saċerdoti li frott l-għira, kif jintebaħ sew Pilatu, jikkundannaw għall-agħar mewt immaġinabbli lil dak li ma kienx għamel ħlief ġid, Pilatu li għax dgħajjef jaċċetta li joqtol lil Ġesù, l-akbar innoċeta li qatt eżista u li qatt jista’ jeżisti.

Però il-fatt li l-bniedem jiżbalja u jiżbalja anke bil-goff ma hijiex l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel jew l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilu lill-bniedem; l-agħar ħaġa hija meta l-iżbalji kbar tagħna jiġu abbinati mas-suppervja, jiġifieri mal-pretensjoni li aħna perfetti u ma niżbaljawx, jew ma rridux nidhru li żbaljajna. Infatti dawk li semmejna kollha żbaljaw iżda Pietru u 10 appostli oħra, jaċċettaw l-iżball tagħhom, jersqu mill-ġdid lejn il-Mulej li jaħfrilhom u fl-aħħar mill-aħħar l-iżbalji tagħhom servewhom biex ħabbewh aktar.  Jien, int x’nagħmlu quddiem l-iżbalji tagħna? Lil min nixbħu?

Jolqtok ħafna l-fatt li Ġesù, kien jaf bit-tbatija li ġejja għalih u jitlob bil-ħerqa: meta nħossu t-toqol tas-salib aħna x’nagħmlu nirrabjaw u forsi anke nitkellmu ħażin, nirribellaw, naraw f’min ser inwaħħlu jew bħal Ġesù insibu mument ta’ skiet u nitolbu?

Mument ieħor li jeħtieġ nirriflettu dwaru huwa x’ħin Ġesù fuq is-salib jiġi mgħajjar bil-mirakli tiegħu u biex jinżel mis-salib jekk hu Alla: iżda Ġesù ma niżilx mis-salib, mhux għax ma kellux il-ħila jinżel kieku ried, iżda għaliex li jinżel mis-salib kien tkun turija ta’ poter u qawwa, li jibqa mdendel hemm sal-mewt kien ifisser imħabba bla limiti, dik l-imħabba li ssir dgħufija għal min tħobb. Infatti jekk mal-ewwel daqqa t’għajn lejn is-salib naraw tbatija u ħruxija li wieħed lanqas jiflaħ iħares lejha, iżda jekk aħna nieqfu u nirriflettu u nikkontemplaw lil Ġesù msallab aħna nilmħu l-kobor tal-Imħabba t’Alla għalina. Kos hux hemm relazzjoni intima bejn it-tbatija u l-imħabba tant li huwa impossibli li tħobb verament jekk ma tbatix għal min tħobb.

X’ħin tieqaf taħseb il-ġrajja tal-lejla hija taħlita ta’ dnub, tbatija u mħabba. Id-dnub li jġib ħafna tbatija u l-imħabba li tirbaħ id-dnub u t-tbatija. Quddiemna l-lejla qegħda sseħħ il-ġrajja tal-ġrajjiet – ma ninsewx jekk għalina dan seħħ 2000 sena ilu, għal Alla dan qiegħed isseħħ illum, issa u hawnhekk: huwa l-bniedem li ma jemminx li jorbat din il-ġrajja fil-passat tal-istorja u f’post wieħed; il-bniedem li jemmen jaf li Alla il-lum issa qed joffri lil Ibnu għal fidwa tagħna, u llum jien u int għandna l-akbar għażla x’nagħmlu li jew inħallu din il-ġrajja fil-passat tal-istorja jew bil-qawwa tal-Fidi nemmnu li aħna msejħa biex insiru ħaġa waħda mal-misteru tal-Ħajja, Mewt u Qawmien ta’ Ġesù, dal-Misteru li fih biss il-ħajja tagħna ssib sens.  

Nistaqsu lilna nfusna: jien quddiem l-imsallab x’nagħmel? Kemm naċċetta u nirrifletti li Ġesù qed iġorr is-salib li kien imiss lili, huwa msammar mas-salib biex jeħles lili? Kemm naċċetta li Alla ħabbni tant li lanqas lil Ibnu stess ma żamm għalih imma tah għalija fuq is-salib. Kemm jien qalbi miftuħa biex nilqa dan l-akbar riġal li qatt ngħatali u li qatt jista’ jingħatali?

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading