Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Ħamis ix-Xirka

QUDDIESA IN COENA DOMINI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Ġwann Lateran
Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2026

Għeżież ħuti,

Il-liturġija solenni tal-lejla ddaħħalna fit-Tridu Mqaddes tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej. Qed nirfsu din l-għatba mhux bħala spettaturi, lanqas għax ta’ bilfors, imma għax inħossuna mdaħħla b’mod speċjali minn Ġesù nnifsu: bħala mistednin għall-Ikla li fiha l-ħobż u l-inbid isiru għalina s-Sagrament tas-salvazzjoni. Fil-fatt aħna nieħdu sehem f’ikla ta’ festa li tulha Kristu “li kien ħabb lil tiegħu, li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1): l-imħabba tiegħu ssir ġest u ikel għal kulħadd, u tikxef il-ġustizzja ta’ Alla. Fid-dinja, proprju hemm fejn il-ħażen jiqliel, Ġesù jħobb għall-aħħar, għal dejjem, b’dak kollu li hu.

Matul din l-Aħħar Ċena, hu jaħsel riġlejn l-Appostli tiegħu, u jgħid: “Jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Il-ġest tal-Mulej iwaħħad kollox mal-mejda li għaliha hu stedinna. Huwa eżempju tas-sagrament: waqt li jikkonferma s-sens tiegħu, jagħtina ħidma li rridu nwettqu bħala nutriment għal ħajjitna. L-evanġelista Ġwanni jagħżel il-kelma Griega upódeigma biex jirrakkonta l-ġrajja li għaliha hu kien preżenti: tfisser “dak li jidher proprju taħt l-għajnejn”. Dak li l-Mulej jurina, meta jaqbad l-ilma, iż-żinġla u l-fardal, hu ħafna aktar minn mudell morali. Fil-fatt hu jagħtina l-istess forma tal-ħajja tiegħu: li taħsel ir-riġlejn hu ġest li jagħmel sintesi tar-rivelazzjoni ta’ Alla, sinjal eżemplari tal-Verb li sar laħam, memorja tiegħu li ma tistax tikkonfondiha. Meta jagħmel tiegħu l-kundizzjoni tal-qaddej, l-Iben juri l-glorja tal-Missier billi jżarma l-kriterji mondani li jħammġu l-kuxjenza tagħna.

Flimkien mas-sorpriża muta tad-dixxipli tiegħu, imqar il-kburija umana tiftħilna għajnejna fuq dak li qed iseħħ: bħal Pietru, li għall-ewwel jirreżisti għall-inizjattiva ta’ Ġesù, aħna wkoll irridu “nifhmu dejjem mill-ġdid li l-kobor ta’ Alla hu differenti mill-idea tagħna ta’ kobor, […] għax aħna sistematikament nixtiequ Alla tas-suċċess u mhux tal-Passjoni” (Omelija tal-Quddiesa in cœna Domini, 20 ta’ Marzu 2008). Dawn il-kelmiet tal-Papa Benedittu XVI jirrikonoxxu b’mod ċar li aħna minn dejjem konna ttentati li nfittxu Alla li “jaqdina”, li jrebbaħna, li jkun ta’ siwi għalina bħall-flus u l-poter. Imma ma nifhmux li Alla jaqdina tabilħaqq, iva, imma bil-ġest gratuwitu u umli tal-ħasil tar-riġlejn: din hi l-omnipotenza ta’ Alla. Hekk isseħħ ir-rieda li jagħti ħajtu għal min, mingħajr dan id-don, ma jistax jeżisti. Il-Mulej jinsab għarkupptejh biex jaħsel lill-bniedem, għall-imħabba tiegħu. U d-don divin jittrasformana.

Fil-fatt, bil-ġest tiegħu Ġesù jsaffi mhux biss ix-xbieha tagħna ta’ Alla mill-idolatriji u d-dagħa li ħammġuha, imma jsaffi x-xbieha tagħna tal-bniedem, li jħossu potenti meta jiddomina, li jrid jirbaħ billi joqtol lil min hu ugwali għalih, li jħossu kbir meta l-oħrajn jibżgħu minnu. Veru Alla u veru bniedem, Kristu jagħtina eżempju ta’ għotja, ta’ servizz u ta’ mħabba. Għandna bżonn tal-eżempju tiegħu biex nitgħallmu nħobbu, mhux għax m’aħniex kapaċi, imma proprju biex nedukaw ruħna, lil xulxin, għall-imħabba vera. Li nitgħallmu nġibu ruħna bħal Ġesù, Sinjal li Alla jistampa fl-istorja tad-dinja, hija l-missjoni ta’ ħajja sħiħa.

Huwa l-kriterju awtentiku, l-“Imgħallem u l-Mulej” (Ġw 13:13) li jneħħi l-maskri kollha tad-divin u tal-uman. L-eżempju tiegħu ma joffrihx meta kulħadd ferħan u jħobb lil xulxin, imma fil-lejl li fih ġie ttradut, fid-dalma tal-inkomprensjoni u tal-vjolenza, biex joħroġ ċar li l-Mulej ma jħobbniex għax aħna tajbin u safjin: iħobbna, u għalhekk jaħfrilna u jsaffina. Il-Mulej ma jħobbniex jekk inħallu l-ħniena tiegħu taħsilna: iħobbna, u għalhekk jaħsilna, biex nistgħu nikkorrispondu għal imħabbtu.

Nitgħallmu minn Ġesù dan is-servizz reċiproku. Fil-fatt hu ma jitlobniex li nrodduhulu lura, imma li naqsmuh bejnietna: “Għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:14). Hekk ikkummenta l-Papa Franġisku: dan hu “dover li jiġini mill-qalb. Inħobbu. Inħobbu dan u nieħu pjaċir nagħmlu għax il-Mulej hekk għallimni” (Omelija tal-Quddiesa in cœna Domini, 28 ta’ Marzu 2013). Hu ma kienx qed jitkellem fuq xi imperattiv astratt, kmand formali u vojt, imma esprima l-ħeġġa ubbidjenti tiegħu għall-imħabba ta’ Kristu, għajn u eżempju tal-imħabba tagħna. Fil-fatt, l-eżempju li tana Ġesù ma jistax jiġi imitat għall-konvenjenza, b’nofs qalb jew b’wiċċ b’ieħor, imma biss bi mħabba.

Għalhekk, li nħallu lill-Mulej jaqdina hi kundizzjoni biex nisygħu naqdu bħalu. “Jekk ma naħsillekx saqajk”, jgħid Ġesù lil Pietru, “ma jkollokx x’taqsam miegħi” (Ġw 13:8): jekk ma tilqagħnix bħala qaddej, ma tistax temmen fija u timxi warajja bħala Mulej. Meta Ġesù jaħslilna ġisimna, hu jsaffi r-ruħ tagħna. Fih, Alla ta eżempju mhux ta’ kif taħkem, imma ta’ kif teħles; ta’ kif tagħti ħajtek, mhux ta’ kif teqridha.

Allura, quddiem umanità għarkupptejha minħabba diversi eżempji ta’ brutalità, ejjew ninżlu għarkupptejna aħna wkoll bħal aħwa ta’ dawk li jinsabu maħqura. Huwa b’dan il-mod li rridu nimxu fuq l-eżempju tal-Mulej, billi nwettqu dak li smajna fil-ktieb tal-Eżodu: “Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira” (Eż 12:14). Iva, l-istorja kollha tal-Bibbja tinġabar f’Ġesù, il-ħaruf veru tal-Għid. Permezz tiegħu l-figuri antiki jsibu sinifikat sħiħ, għax Kristu l-Feddej jiċċelebra l-Għid tal-umanità, u jiftaħ għal kulħadd il-mogħdija mid-dnub għall-maħfra, mill-mewt għall-ħajja ta’ dejjem: “Dan huwa ġismi, li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24).

Waqt li nġeddu l-ġesti u l-kelmiet tal-Mulej, proprju llejla qed nagħmlu tifkira tat-twaqqif tal-Ewkaristija u tal-Ordni Sagri. Ir-rabta intrinsika bejn iż-żewġ Sagramenti tirrappreżenta l-għotja perfetta ta’ Ġesù, il-Qassis il-kbir u l-Ewkaristija ħajja għal dejjem: fil-fatt fil-ħobż u fl-inbid ikkonsagrati hemm “sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ unità, rabta ta’ karità, l-ikla tal-Għid li fiha nirċievu lil Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja ġejjiena” (Kostituzzjoni dommatika Sacrosanctum Concilium, 47). Fl-isqfijiet u fil-presbiteri, magħmula “saċerdoti tal-Patt il-ġdid” skont l-amar tal-Mulej (Konċilju ta’ Trento, De Missæ Sacrificio, 1), hemm is-sinjal tal-imħabba tiegħu għall-Poplu kollu ta’ Alla, li aħna msejħin naqdu, maħbubin ħuti, b’dak kollu li aħna.

Ħamis ix-Xirka huwa għalhekk jum ta’ gratitudni ħerqana u ta’ fraternità awtentika. L-adorazzjoni Ewkaristika tal-lejla, f’kull parroċċa u komunità, ħa tkun ħin biex nikkontemplaw il-ġest ta’ Ġesù, aħna u ninżlu għarkupptejna kif għamel hu, u nitolbu l-qawwa li nixbhuh fil-qadi bl-istess imħabba.

Mijub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading