Santu Wistin f’Ruma u Milan

Il-Ħames Ktieb tal-Istqarrijiet

Dan il-ktieb huwa mument kruċjali fil-mixja ta’ Wistin għaliex jimmarka t-tranżizzjoni tiegħu mill-Afrika għall-Italja u d-diżillużjoni tiegħu mill-Manikejiżmu.

Iftaħ minn hawn il-Ħames Ktieb tal-Istqarriet ta’ Santu Wistin (pdf)

​Fil-Ħames Ktieb ta’ din l-awtobijografija spiritwali, Santu Wistin jeħodna fil-ġrajja ta’ qasma, kemm waħda fiżika bil-baħar, kif ukoll dik intellettwali. Wara snin jipprova jsib it-tweġibiet tiegħu fis-setta tal-Manikej, f’dan il-kapitlu ta’ ħajtu narawh jibda jiddubita u fl-aħħar mill-aħħar saħansitra jitlaq biex ifittex oriżżonti ġodda.

​Id-Diżappunt minn Fawstu

​Il-bidu tal-ktieb jiffoka fuq il-laqgħa tant mistennija ma’ Fawstu, l-isqof Manikew li kien meqjus bħala l-għaref kbir tas-setta. Wistin kellu bosta mistoqsijiet x’jagħmillu dwar ix-xjenza u l-astronomija, domandi li fil-kotba tal-Manikej ma sabx soluzzjoni loġika għalihom.

​Għalkemm Fawstu kien bniedem elokwenti u dħuli, Wistin induna li r-raġunament tiegħu kien jikkonsisti fi tweġibiet vojta. Huwa jikteb li l-elokwenża mhijiex verità, u d-diżappunt li huwa kellu f’dan Fawstu kien għalih l-ewwel pass lejn il-firda totali tiegħu minn dik is-setta li kien ilu fiha disa’ snin.

​It-Tluq lejn Ruma u l-Ingann lil Ommu

​Wieħed mill-aktar mumenti umananament emozzjonali tiegħu f’dan il-ktieb huwa meta Wistin jiddeċiedi li jitlaq lejn Ruma. Huwa ma telaqx biss għal raġunijiet spiritwali, iżda għax kien jippreferi d-dixxiplina li kellhom l-istudenti Rumani milli n-nuqqas ta’ dixxiplina tal-istudenti f’Kartaġni.

​Naraw ukoll id-dgħufija ta’ Wistin meta huwa inganna lil ommu, Monika, billi qalilha li kien sejjer biex isellem lil wieħed ħabib fuq il-vapur, filwaqt li l-pjan veru tiegħu kien dak li jitlaq mingħajrha. Ix-xena ta’ Monika tibki fuq ix-xtajta waqt li tara l-vapur jisparixxi hija xhieda tal-kunflitt bejn l-ambizzjoni umana u l-imħabba tal-familja.

​Milan u l-laqgħa ma’ Sant’Ambroġju

​Wara waqfa f’Ruma, fejn marad serjament u kważi miet, Wistin intbagħat Milan bħala professur tar-retorika. Hemmhekk iltaqa’ mal-Isqof Ambroġju. Għall-ewwel, Wistin kien imur biss biex jisemagħu ħalli jara jekk l-elokwenża tiegħu kinitx tajba daqs kemm kienu jgħidu dwaru.

​Madankollu, bil-mod il-mod, il-kliem ta’ Ambroġju beda jidħollu f’qalbu. Huwa beda jifhem li l-Iskrittura tista’ tkun interpretata b’mod spiritwali wkoll u mhux litteralment biss. Hekk, ftit ftit, bdew imorrulu d-diffikultajiet intellettwali li kienu qed iżommuh lura mit-twemmin nisrani.

​Konklużjoni

​Għalhekk nistgħu ngħidu li dan il-Ħames Ktieb huwa r-rakkont ta’ bniedem f’nofs ta’ triq. Wistin mhuwiex aktar Manikew f’qalbu, iżda lanqas ma huwa għal Nisrani għal kollox. Għadu fi stat ta’ mistoqsijiet kontinwi. Qed jistenna l-mument li l-grazzja t’Alla tmissu b’mod sħiħ. Dan il-ktieb jgħallimna li t-triq lejn il-verità, spiss tgħaddina minn mumenti ta’ dubju u anke minn bosta deċiżjonijiet diffiċli, saħansitra ma dawk l-istess persuni li nkunu tant inħobbu.

Aktar dwar Santu Wistin …

Aktar dwar l-Isqarrijiet ta’ Santu Wistin …

Email: … tsrp@agostinjani.org

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading