Minn Angelo Xuereb

Id-Demm ta’ Kristu


Kitba ta’ Angelo Xuereb – Ix-xahar ta’ Lulju huwa dedikat propju għad-Demm ta’ Kristu …

Nistgħu niżviluppaw teologija tad-demm ta’ Kristu mingħajr ma naqgħu fl-esaġerazzjonijiet filwaqt li nibbażaw kollox fuq l-Bibbja.

Fil-poplu Lhudi kien hemm l-idea li l-ħajja tinsab fid-demm. L-idea tagħhom kienet li l-ħajja tinsab fid-demm tal-bniedem jew tal-annimal. Din l-idea nsibuha tidwi sa mill-ktieb tal-Ġenesi “Qal il-Mulej: x’għamilt? Isma’! id-demm ta’ ħuk jgħajjat lejja mill-art; għalhekk misħut int, bgħid mill-art li fetħet fommha biex tilqa’ d-demm ta’ ħuk minn idejk” (Ġen 4,10). Jekk ninnutaw  f’din is-sentenza  l-kelma demm hija msemmija darbtejn. Id-demm ta’ Abel huwa wkoll figura tad-demm ta’ Kristu. L-awtur tal-ittra lil-Lhud iqabbel id-demm ta’ Abel ma’ dak ta’ Kristu “lejn Ġesù, medjatur ta’ rabta gdida, u lejn id-demm tat-tisfija li jitkellem aħjar minn dak ta’ Abel” (Lh  12,24).

Jekk naqraw l-istorja ta’ Ġużeppi  fit-Testment il-Qadim naraw l-enfasi fuq id-demm. “U żied jgħidilhom Reuben: “La ixxerdux demm, ixħtuh f’dan il-bir li hawn fix-xagħri, u la tmiddux idejkom fuqu” (Ġen 37,22). Huma  mbagħad “ħadu l-libsa ta’ Ġużepp u qatlu gidi u bellew il-libsa fid-demm” (Ġen 37,31). Il-Lhud kellhom liġi li biha ma setgħux jieklu  d-demm “Imma żomm sħiħ li ma tikolx id-demm għax id-demm huwa l-ħajja, u ma għandekx tiekol il-ħajja mal-laħam” (Dewt 12,23).

Infatti l-patt bejn Alla u l-poplu Lhudi fuq il-muntanja Sinaj kien issiġillat  permezz tad-demm. “Ħa mbagħad Mosè nofs id-demm u qiegħdu fil-bwieqi, u n-nofs l-ieħor raxxu fuq l-artal. U ħa ktieb il-għaqda u qrah li jisimgħu l-poplu; qalu: Kull ma qal il-Mulej nisimgħu u nagħmluh. U ħa Mosè d-demm l-għaqda li rabat il-Mulej magħkom fuq dan il-kliem kollu” (Eż 24, 8-9). B’dan il-mod l-ewwel patt kien issiġillat permezz tad-demm. Hekk it-tieni patt kellu jkun issiġillat permezz tad-demm mhux tal-annimali iżda ta’ Kristu stess. Il-Profeta Żakkarija jsemmi wkoll il-patt li kien issiġillat permezz tad-demm. “Int ukoll, minħabba d-demm tal-għaqda tieghek”  (Żak  9,11).

Hekk l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jagħmel espożizzjoni tat-tieni patt ta’ Kristu li huwa għamel permezz ta’ demmu. “Imma Kristu, li  ġie bħala qassis il-kbir tal-ġid li għandu jiġi u għadda minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhix maħduma bl-id, jiġifieri, mhix ta’ dan il-ħolqien, daħal darba għal dejjem fis-santwarju mhux bid-demm tal-bdabad u tal-għoġiela, imma b’demmu, wara li kiseb fidwa għal dejjem. Għax, jekk id-demm tal-bdabad u tal-għoġiela u r-rmied tal-għoġla mraxxax iqaddes l-imniġġsin billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li, bi spirtu ta’ dejjem, offra lilu nnifsu bla għajb lil  Alla, inaddaf  il-kuxjenza tagħkom mill-għamil mejjet biex tistgħu sservu lil Alla ħaj?” (Lh 9, 11-14).

Huwa fatt li jaqbel miegħu kulħadd li Sidna Ġesù Kristu tilef  ħafna demm waqt il-passjoni, bil-flaġellazzjoni u permezz tat-tislib. Sa mill-ġnien tal-Ġetsemani San Luqa jirrakkonta dan il-fenomenu u “sar l-għaraq tiegħu bħal qatriet tad-demm neżlin fl-art” ( Lq 22,44).

San Ġwann Griżostmu jsostni li jekk id-demm tal-ħaruf tat-Testment il-Qadim kien ineħħi d-dnubiet, kemm issa d-demm ta’ Kristu l-Ħaruf veru jneħħilna d-dnubiet u jħarisna mill-Ħazin.

“Trid taf x’qawwa għandu d-demm ta’ Kristu? Immorru lura bil-ħsieb tagħna fuq id-demm l-ieħor mogħti b’eżempju tiegħu, niftakru f’dak li fl-imgħoddi kien xbieha tiegħu u naraw xi tgħid l-Iskrittura taż-żmien ta’ qabel. Oqtlu ħaruf ta’ sena, qal Mosè, u roxxu d-demm tiegħu fuq il-bibien X’inti tgħid, Mosè? Huwa demm il-bhejjem jista’ jeħles lill-bniedem f’ruħu? Jeħilsu ħafna, qal, mhux għax hu demm, imma għax bih jingħata eżempju ta’ demm il-Mulej. Għalhekk issa l-għadu iżjed  u iżjed jaħrab xħin jilmah mhux id-demm tax-xbiha mraxxax fuq il-blata tal-bibien, iżda d-demm tal-Ħaruf veru ta’ Alla jħammar fuq xofftejn il-fidili, id-demm li jikkonsagra l-blatiet tat-tempju ta’ Kristu.” Huwa jkompli jikteb “Għax kif l-omm, taħt il-qawwa tal-ġibda naturali, tfittex tgħajjex lil binha bil-ħalib u d-demm tagħha, hekk ukoll Kristu bid-demm tiegħu jgħajjex lil dawk li jagħtihom tnissil ġdid.” (Katekeżi, 3, 3-19)

 Jekk inkomplu  nqallbu l-Bibbja naraw ukoll li San Pawl ukoll jitkellem mid-demm ta’ Kristu li jġib l-fidwa: “li jagħmilhom ġusti b’xejn, bil-grazzja tiegħu, bis-saħħa tal-fidwa li hi f’Ġesù Kristu, li Alla qiegħdu bħala maħfra  b’demmu, bil-fidi biex juri l-ġustizzja tiegħu” (Rum 3,24-25). Fl-ittra lir-Rumani jerġa jikteb “Aktar u aktar issa li aħna ġustifikati b’demmu nkunu meħlusin mill-għadab” (Rumani 5,9). Fl-ittra lill-Kolossin San Pawl isemmi li Kristu għamilna ħbieb ma’ Alla permezz ta’ demmu. “Bih Alla għoġbu jerġa jħabbeb kollox miegħu: bid-demm tiegħu, mxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1,20).

It-tema tad-demm ta’ Kristu  nsibuha wkoll fil-Liturġija tas-Sigħat f’innu ta’ Tifħir ta’ Sbiħ il-jum tal-Ġimgħa Mqaddsa:

Sqewh ħall, sawtuh bil-qasba,

nifduh bl-imsiemer, b’lanza;

mill-ġisem safi ħareġ

u gelgel demmu kollu.

Oh, f’liema xmara nħaslu

is-sema, l-art u l-kwiekeb.

Dan l-innu fi strofa oħra jerġa’ jagħmel dan il-kumment għas-salib “maħsul fid-demm imqaddes li tah il-Ħaruf t’Alla”.

Biex nifhmu aħjar it-teologija tad-demm ta’ Kristu, irridu nifhmu li aħna konna mtebbgħa bid-dnub u Kristu saffiena permezz ta’ demmu. L-awtur tal-ittra lil-Lhud jgħid li kull tindif isir permezz tad-demm “u tista’ tgħid kollox jissaffa bid-demm skond il-ligi, u bla tixrid ta’ demm m’hemmx maħfra” (Lh 9,22).

Kristu stess qabel ma miet tana ġismu u demmu … taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid … Meta qabad il-kalċi huwa qal: “Ixorbu minn dan ilkoll, għax dan hu demmi tal-patt, li jixxerred għal  ħafna, għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt 26,28).

Hekk aħna nkunu nuru apprezzament għad-demm tal-Iben t’Alla meta nersqu għat-tqarbin li m’huwiex  ħlief il-ġisem u d-demm ta’ Kristu mogħti lilna qabel il-passjoni. Kif Sidna Ġesù Kristu  għamel il-mogħdija għal għand il-Missier permezz ta’ demmu kif ukoll wettaq il-patt il-ġdid, aħna permezz tal-Ewkaristija nkunu qegħdin nieħdu l-ġid minn dan il-patt filwaqt li l-ġisem u d-demm ta’ Kristu jgħinuna ħalli ngħaddu għal għand il-Missier għall-eternità.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s