L-Isqof Mario Grech fil-Festa tal-Madonna tas-Sokkors f’Kerċem, dwar is-solidarjetà mal-immigranti


Il-Ħadd, 8 ta’ Lulju 2018: L-omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Festa tal-Madonna tas-Sokkors f’Kerċem, dwar is-solidarjetà mal-immigranti.

20180708_131749.jpg

“KONT BARRANI U LQAJTUNI”

Hija tassew ħasra li għal ħafna minna l-ġrajja tal-kruċifissjoni ta’ Ġesù tilfet is-seħer tagħha! Irridu l-Kurċifiss bħala parti mill-għamara tagħna, imma mbagħad tgħidilniex nidħlu fil-qalba tal-esperjenza li għadda minnha Kristu msallab. Wieħed jista’ jagħżel jekk jiksibx kurċifiss tal-ġibs, tal-ivorju jew tal-fidda; imma wieħed ma jistax jagħżel li jagħti tifsira egoista ta’ din il-ġrajja (bħal meta nersqu quddiem Ġesù msallab nitolbuh xi grazzja), inqas u inqas li jbattalha minn kull tifsira.

Ġesù msallab huwa konferma ta’ kemm hija wiesgħa l-qalb ta’ Alla; imma l-Kurċifiss jgħidilna wkoll kemm tista’ tkun kiefra l-qalb tal-bniedem. Għax jekk Ġesù miet biex isalvana, kienu l-bnedmin li tawh għall-mewt. Il-Kalvarju jikxef kemm il-qalb tal-bniedem taf tfur bil-mibegħda, bl-għadab, il-qilla, l-aggressività u l-vjolenza, u la tibqa’ tħoss u anqas tara. Il-bniedem kapaċi jitlef qalbu!

Il-kruċifissjoni ta’ Ġesù ġrat elfejn sena ilu, imma ma waqfitx hemm. Għadha għaddejja. Jekk il-filosfu Blaise Pascal jgħid li “Kristu jinsab fl-agunija mhux biss fil-Ġnien taż-Żebbuġ, imma jibqa’ hekk sal-aħħar tad-dinja, u għalhekk hemm bżonn li ma nħalluhx waħdu”, aħna nistgħu ngħidu li Kristu jibqa’ fuq is-salib sal-aħħar tad-dinja u m’għandniex nabbandunawh. Kristu jinsab fl-agunija kull fejn il-bniedem qiegħed jissielet kontra l-biża’, il-qtigħ il-qalb, l-inġustizzja, is-swat, il-faqar, u l-bqija. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn lil Ġesù agonizzant fuq is-salib, imma żgur nistgħu nagħmlu xi ħaġa għal Ġesù preżenti fil-bniedem maħbut ta’ żmienna. Għax fil-bniedem maħqur, hemm Kristu jinħaqar. Ġesù stess jgħidilna: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35).

Elie Wiesel kien għadu tfajjel meta sab ruħu f’Auschwitz u ra lin-Nażisti jdendlu tfajjel ma’ travu. Xħin kien qed iħares lejh mgħallaq, sema’ lil ta’ maġenbu jistaqsi kollu rabja: “Fejn hu Alla tiegħek?”. Wiesel jgħid li dak il-ħin sema’ vuċi interjuri twieġeb: “Alla qiegħed hemm… imdendel mal-forka”. Fid-dawl ta’ din l-esperjenza kiebja, jekk quddiem l-imwiet ta’ eluf li jegħrqu fil-baħar ta’ madwarna, xi ħadd jistaqsina: Fejn hu Alla tagħkom?, it-tweġiba li għandna nisimgħu tidwi fil-kuxjenza hija l-istess li sema Wiesel: Alla qiegħed hemm mgħarraq f’dak il-baħar li ngħumu fih.

F’dan il-kuntest nixtieq niftakru f’dawk l-eluf ta’ nies li minħabba li f’pajjiżhom għandhom kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi wegħrin, qed ikollhom jaqsmu l-baħar tal-Mediterran biex ifittxu futur. Meta wieħed iqis li dawn ikollhom jinfirdu mill-familji tagħhom, iħallsu flejjes kbar lit-traffikanti bla kuxjenza, fuq kollox verament jirriskjaw ħajjithom għax ma jkollhom ebda garanzija li ser jaslu l-art, bilfors ikollok tgħid li dawn ma humiex jaqsmu b’kapriċċ.

Hija tassew skandaluża u tal-mistħija l-attitudni ġenerali tal-Ewropa quddiem dan l-eżodu epokali. In-nuqqas ta’ sinċerità u rieda politika min-naħa tal-vertiċi istituzzjonali wassal biex xi pajjiżi mhux biss ħadu miżuri li jżommu lil dawn l-immigranti milli jaslu salvi fil-port, imma saħansitra ħadu deċiżjonijiet li waqqfu milli ssir ħidma ta’ salvataġġ fil-baħar ta’ madwarna minn gruppi mhux governattivi. Il-gravità ta’ deċiżjonijiet bħal dawn toħroġ mill-fatt li liġi antika tal-baħħara, liġi li tiġi qabel kull trattat, tgħid li “fil-baħar wieħed irid jagħti s-sokkors”. Huwa minnu li dawn il-pajjiżi, fosthom pajjiżna, ma jistgħux jitħallew jerfgħu waħidhom il-piż tal-immigranti li jaslu l-art – anzi, pajjiżna diġà laqa’ l-kwota li tmissu, u jekk l-Ewropa tibqa’ tagħżel li tkun dik ta’ Kajjin, mhux biss tkun parteċipi f’dan il-ġenoċidju, imma tkun ukoll tqiegħed taħt it-takkuna liċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi membri. L-inkapaċità li qed turi l-Ewropa biex tindirizza din il-kriżi umanitarja tikxef li hija marida serjament u tilfet ir-ruħ soċjali tagħha. L-Ewropa tefgħet il-baħar il-prinċipji fondanti tagħha, bħalma hija s-solidarjetà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, u l-bqija.

Kif qal il-Papa “quddiem l-isfidi migratorji tal-lum, l-unika tweġiba bis-sens hi dik tas-solidarjetà u tal-ħniena; tweġiba li ma toqgħodx tagħmel wisq kalkoli, imma titlob qsim indaqs tar-responsabbiltajiet, valutazzjoni onesta u sinċiera tal-alternattivi, u mod prudenti ta’ kif wieħed jimxi. Politika ġusta hi dik li tkun għas-servizz tal-persuna, tal-persuni kollha interessati; li tipprevedi soluzzjonijiet adatti biex tiggarantixxi s-sigurtà, ir-rispett tad-drittijiet u tad-dinjità ta’ kulħadd; li taf tħares lejn il-ġid tal-pajjiż waqt li żżomm quddiem għajnejha dak tal-pajjiżi l-oħra” (5 ta’ Lulju 2018).

Imma dan l-atteġġjament kriminali tal-Ewropa ma għandu qatt jiġġustifika li aħna l-Maltin nagħmlu għażliet li bihom nipperikulaw il-ħajja ta’ dawn l-immigranti. Qatt ma nistgħu nużaw mezzi li huma moralment ħżiena biex nilħqu għanijiet tajba. Is-salvagwardja tal-ħajja umana tiġi qabel kull kalkolu ekonomiku u politiku. L-appell tiegħi huwa lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex ma jċedux għall-populiżmu, u filwaqt li jfittxu li jagħmlu front wieħed quddiem l-Ewropa, flok ma jużaw il-muskoli bil-konsegwenza li aktar ħajjiet jinżlu taħt l-ilma, ikunu solidali maż-żgħir. Importanti wkoll li f’qasam daqshekk delikat ma ssirx diskriminazzjoni istituzzjonali bejn barranin li għandhom il-beni u l-foqra, bejn dawk ġejjin mil-Lvant u dawk mill-Afrika.

Forsi llum ikun hawn min jitkaża jaqra fil-Vanġelu li meta ħaqru u sallbu lil Ġesù fuq il-Kalvarju, “il-poplu waqaf hemm iħares” (Lq 23:35) u ma għamel xejn biex jiddefendi lil min ħajtu kienet mhedda! Imma llum is-sitwazzjoni mhix aħjar, għax ħafna fl-Ewropa qed iġibu ruħhom ma’ dawn l-immigranti bl-istess mod. Filwaqt li xi wħud saħansitra jgħajtu: “Sallbu, sallbu”, oħrajn jippreferu jibqgħu ‘gallarija’ biex ma jċappsux idejhom b’dawn l-immigranti li jaslu mdennsa! Min jibża’ jew ma jridx iċappas idejh bihom, ikun qed jagħżel li jdejh iċappashom bid-demm innoċenti ta’ dawk li huma maħqura, misruqa u maqtula fil-baħar.

L-indifferenza quddiem dan il-komplott diżuman hija xi ħaġa li twaħħax. Hija indifferenza li tixbah lil dik ta’ żmien id-deportazzjoni tal-Lhud fis-seklu l-ieħor. Liliana Segre, Lhudija Taljana li ħarġet ħajja mill-kamp ta’ Auschwitz, tgħid li l-indifferenza kienet fattur ċentrali fis-snin tat-totalitarjaniżmi. Darba qalet: “Fuq il-mafkar tax-Shoah tiktbux ‘vjolenza’, ‘razziżmu’, ‘dittatura’ u kliem ieħor ovvju, imma iktbu ‘indifferenza’. Għax dak li qatilna qabel ma daħħluna fil-kamp, ma kinitx il-vjolenza tal-SS u l-argużini Faxxisti, imma dawk li kienu t-twieqi sokkjużi, is-silenzju ta’ min seta’ jgħajjat imma baqa’ sieket”. Kif dakinhar is-skiet quddiem l-attroċitajiet tal-oħrajn kien il-kawża tat-tħassir tal-kuxjenza kollettiva, illum ukoll l-istess skiet qed jirrendina sħab f’dan il-proġett kriminali u qed jeqred il-kuxjenza kollettiva.

Huwa inkwetanti li fis-soċjetà tagħna għandna dan ir-razziżmu u din l-indifferenza; imma ninkwieta aktar meta anki aħna, in-nies tal-Knisja, iddakkarna minn dan kollu. Kif nibqgħu nieħdu sehem fil-quddies, niċċelebraw il-festi lill-qaddisin…, imbagħad ma ninteressawx ruħna f’dan il-fenomenu jew ikollna l-lanżit għall-immigranti? Lanqas nifhem kif waqgħu fuq widnejn torox is-sejħat li għamilt fl-imgħoddi biex kull komunità parrokkjali tadotta familja tal-immigranti. Sal-lum kien hemm żewġ familji li ngħataw il-kenn – waħda assumietha parroċċa u oħra d-Djoċesi. Din hija kontradizzjoni oħra serja fil-ħajja tagħna bħala Knisja. Kif nistgħu nħallu lil Kristu, lil dak li huwa preżenti fil-barrani, waħdu fl-agunija fuq is-salib? Għaliex nagħlqu widnejna għall-Kelma ta’ Alla li jgħidilna: “La taħqarx il-barrani u la tgħakksux, għax intom ukoll kontru barranin fl-art tal-Eġittu” (Eż 22:21)? Kif tilef il-qawwa tiegħu l-kliem ta’ Ġesù meta jgħidilna: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu… għax kont barrani u ma lqajtunix” (Mt 25:41,43)? Din is-saħta ta’ Alla tixbah ħafna lil dik li Alla jikkomunika lil Kajjin meta qatel lil ħuh: “Issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta’ ħuk minn idejk” (Ġen 4:11). Għal Ġesù, meta wieħed jiċħad l-għajnuna lil ħuh, dan ikun joqtlu.

Ir-rakkont tal-mara Kangħanija li tersaq għand Ġesù titolbu jfejqilha lil bintha (Mt 15:21-28) jitfa’ dawl fuq x’għandu jkun l-atteġġjament tagħna ma’ dawn il-barranin. Għal-Lhud din il-mara kienet barranija tant li d-dixxipli jgħidu lil Ġesù biex jeħles minnha. Hi wkoll kienet konxja li kienet barranija u inferjuri għalihom, tant li lil Ġesù tgħidlu li tikkuntenta ruħha anki b’dak li jixħtu lill-ġriewi. Fi kliem ieħor, konxja li l-Lhud riedu jirriservaw il-ħobż għal uliedhom, hi kienet lesta li tiftaħ dirgħajha għall-frak! Agħar minn hekk, din il-mara kienet taf li l-Lhud jgħajruha “kelba” għax kienet barranija! Kemm hemm xebh bejn din il-ġrajja u l-ġrajja tagħna llum! Aħna llum nirrifjutaw lill-barrani għax irridu li l-ħobż nikluh waħdina – ma rriduhomx magħna biex ma jeħdulniex xogħolna! Fostna hawn min bla ebda skruplu jsejjaħ lill-immigranti “klieb” jew kliem dispreġġattiv ieħor. Imma kellha tkun din il-mara barranija li lil-Lhud wasslithom biex jifhmu li m’hemmx ulied u klieb, dawk li jistħoqqilhom u dawk skartati, dawk li għandhom id-drittijiet u dawk li ma għandhomx – imma li lkoll jieħdu sehem mill-istess ħobża! Kienet din il-barranija li tħabbar li l-kompassjoni u l-imħabba ma għandhomx barrieri ta’ razza, etniji, kulur jew reliġjon.

Meta nħallu lill-barrani waħdu jissielet għall-ħajja f’tant perikli, nirriskjaw li nwassluh biex minn fuq is-salib huwa jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”, u bħal Ġesù jsir ateista. Aħna li ngħidu li nemmnu, bin-nuqqas ta’ azzjoni tagħna naslu biex intellfu l-fidi lill-barrani. Għax Ġesù fuq is-salib ġarrab xi tfisser tkun mitluq minn kulħadd, anki minn Alla. Hemm żewġ tipi ta’ ateiżmu: dak attiv, jiġifieri ta’ dawk li jiddeċiedu li jiċħdu lil Alla; u l-ateiżmu passiv, jiġifieri ta’ dawk li jħossuhom rifjutati minn Alla. Fuq is-salib, Ġesù għadda mill-esperjenza ta’ dawn tal-aħħar – jiġifieri għadda wkoll mill-esperjenza ta’ dawn l-immigranti li minħabba t-telqa jew ir-rieda ħażina tagħna l-Insara, jgħaddu minn din il-kriżi ta’ fidi. Dan japplika mhux biss għall-immigranti Nsara jew Musulmani, imma wkoll għal dawk li ma għandhom ebda twemmin partikulari. Dwar l-esperjenza kiefra tal-Lhud fil-kampijiet tal-konċentrament, Primo Levi qal: “Ladarba kien hemm Auschwitz, Alla ma jeżistix!”. Nittama li ma għadx nisimgħu min jgħidilna li ladarba kien hawn dan il-ġenoċidju fil-Mediterran, Alla ma jeżistix.

San Ġwann fil-Vanġelu jgħidilna li ħdejn Ġesù fuq is-salib, baqgħet wieqfa Ommu Marija. Fuq il-Kalvarju, Marija tagħti s-sokkors tagħha lil Binha fl-agunija. Hi ma taħrabx mix-xena u hekk tabbanduna lill-imsallbin – lil Binha u t-tnejn l-oħra. Ma beżgħetx li tiġi assoċjata mal-imsallab. Ma marritx mal-kotra opportunista, imma baqgħet mal-ftit mibżuqa mill-istituzzjonijiet politiċi u reliġjużi. F’widnejha dwiet il-karba ta’ bniedem li qed imut fgat. Imnifsejha mtlew bir-riħa tad-demm u tal-mewt. Hija taf it-toqol tas-silenzju tal-bniedem u ta’ Alla. Hija taf xi jfisser il-lejl mudlam ta’ min ġie msallab.

Kif fuq il-Kalvarju Marija hija s-sokkors għal Binha fl-agunija, hekk ukoll illum hija s-sokkors ta’ kull min hu msallab, b’mod partikulari mal-immigranti. Jekk is-Santi Padri jgħidu li ħadd ma resaq jitlob is-sokkors lil Marija u baqa’ ma nstemax, kif jista’ jkun li l-Omm tagħna tas-Sokkors ma tismax it-talb ħerqan tal-ommijiet tal-immigranti jew ta’ wlied l-istess immigranti? Min jaf kemm l-istess immigranti jitolbu lill-Madonna twassalhom qawwijin u sħaħ? Jien konvint li f’widnejn l-Omm tal-Imsallab u l-imsallbin jidwi l-ilfiq tal-immigranti li qed jegħrqu; hija taf it-toqol tas-silenzju tagħna, kemm bħala komunità ċivili u kemm bħala komunità ekkleżjali. Hija taf xi jfisser id-dlam mhux biss tal-iljieli twal fuq jew ġewwa l-ilma, imma wkoll id-dalma tas-sensi u tal-ispirtu li jġarrbu dawn l-immigranti.

Dan is-sokkors ta’ Marija, partikularment l-għożża tagħha lejn il-foqra, jasal għand il-bniedem permezz tal-Knisja. Għandna ħafna eżempji ta’ dan fl-istorja tal-Knisja. Hekk, ngħidu aħna, insibu ittra ta’ San Girgor il-Kbir fejn jgħid li fil-festi tal-Madonna l-Insara kienu jqassmu flus, ħobż, inbid, żejt, ilbiesi, tiġieġ u annimali oħra lill-foqra. U San Ġwann Damaxxenu, meta jikteb dwar id-devozzjoni lejn il-Madonna, jgħid: “Aħna nagħtuha ġieħ billi nuru miżerikordja u solidarjetà ma’ dawk li huma fil-bżonn” (Omelija II fuq id-Dormizzjoni). Madwar ħafna santwarji Marjani ngħata bidu għal diversi opri soċjali kbar. Matul iż-żmien twaqqfu ordnijiet reliġjużi b’għan karitattiv, bħalma kienu l-Mercedari f’Barcellona li kienu jeħilsu lill-Insara li kienu jittieħdu bħala lsiera. Mhux li kien id-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna tiġi tradotta f’impenn serju favur dawk li qed jixxennqu biex ikollhom ħajja dinjituża, bħal fil-każ tal-immigranti – impenn biex tintrebaħ kull għamla ta’ inġustizzja!

Kif qal jumejn ilu l-Papa Franġisku, “il-Mulej iwiegħed serħan u ħelsien lill-maħqurin kollha tad-dinja, imma għandu bżonn tagħna biex il-wegħda tiegħu jagħmilha effikaċi. Għandu bżonn ta’ għajnejna biex jara l-ħtiġijiet ta’ ħutna. Għandu bżonn ta’ dirgħajna biex jgħinhom. Għandu bżonn ta’ leħinna biex jikkundanna l-inġustizzji li jsiru fis-skiet – xi kultant kompliċi – ta’ bosta. Fuq kollox, il-Mulej għandu bżonn tal-qalb tagħna biex juri l-imħabba ħanina ta’ Alla lejn dawk li huma fl-aħħar post, mormijin, imwarrbin, emarġinati”.

Għalhekk, quddiem din l-istraġi umana, wara li smajt il-Kulleġġ tal-Kappillani, qed nagħmel sejħa lill-komunitajiet parrokkjali biex bħala sinjal ta’ solidarjetà ma’ dawn l-immigranti, il-ġbir kollu li jsir fil-jum tal-festa titulari jingħata lill-Jesuits Refugee Services ta’ pajjiżna. B’din l-inizjattiva, aħna qegħdin ngħidu li għalkemm qegħdin fl-istaġun tal-festi parrokkjali, ħsiebna huwa f’dawn ħutna li għaddejjin minn din it-traġedja. Fuq kollox, b’din l-inizjattiva nixtiequ nsaħħu l-kuxjenza nazzjonali favur azzjonijiet li jgħinu u mhux ifixklu t-twettiq tal-ħolma ta’ dawn l-immigranti. Importanti li nżommu ċar f’moħħna li s-solidarjetà li għandna nuru magħhom mhix xi għamla ta’ karità, imma għax huwa jedd tagħhom – jedd rikonoxxut mid-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u mnaqqax fil-kuxjenza ta’ kull wieħed minna.

6 thoughts on “L-Isqof Mario Grech fil-Festa tal-Madonna tas-Sokkors f’Kerċem, dwar is-solidarjetà mal-immigranti”

    1. Sur Spiteri, grazzi tal-kumment tiegħek. Meta jkollna recording jew filmat, aħna ninkluduh mat-test, imma dan mhux dejjem ikun possibli.

    2. Għażiż Sur Spiteri. Xtaqt ninfurmak li bl-għajnuna tal-kollaboraturi tagħna għadna kif tellajna r-recording tal-Omelija li għamel l-Isqof Mario Grech f’Kerċem.

  1. Nirringrazzja lill-Isqof Mario Grech tal-impenn kontinwu u ħabrieki. Kienet priedka li tħallik tirrefletti wisq u kienet addattata ħafna f’dan il-jum ta’ festa. Ma nistgħux nibqgħu ndifferenti jekk aħna ngħidu li aħna nsara. Din il-publikazzjoni nixtieq li titqassam lill-għaqdiet kattolici kollha.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.