Aħna rridu niltaqgħu mal-Mulej fil-proxxmu tagħna u fis-sagramenti

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Awwissu 2018: L-Arċisqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa u jikkonsagra l-altar il-ġdid.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Bażilika Minuri, il-Mosta

Jekk ikollna nirriflettu sewwa fuq l-atteġġjament ta’ Ġesù, nirrealizzaw kemm kellu għal qalbu t-tempju ta’ Ġerusalemm u kemm kien jivvenera ż-żewġ artali li kien hemm fit-tempju: l-artal tal-inċens kif ukoll l-artal tas-sagrifiċċju.

Tgħiduli: ‘Kif u meta?’ Biżżejjed niftakru fil-mument li għalina jissorprendina ta’ meta Ġesù rrabja ħafna għaliex irrealizza li t-tempju tal-Mulej kien sar suq ta’ tpartit u ta’ kummerċ. Ħin minnhom jgħidilhom: “(Dari) għamiltuha għar tal-ħallelin” (Mt 21:13). U tiftakru li dakinhar Ġesù fir-rabja tiegħu qabad sawt u qaleb l-imwejjed u hemmhekk indunajna li l-Mulej, għalkemm qalbu ħelwa u umli—bħalma ngħidu bejnietna fit-triq, kultant taqbiżlu—u dakinhar mhux biss qabżitlu ċ-ċinga imma użaha ċ-ċinga.

L-altar tas-sagrifiċċju
Darb’oħra, f’polemika mal-kontemporanji tiegħu staqsihom: “X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-altar li jqaddes l-offerta” (Mt 23:18). Mhux l-altar? U hawnhekk nindunaw kemm il-Mulej kien iqis bħala għażiż is-sinjal tal-altar. U ma jistax ikun mod ieħor għaliex l-altar, fis-sinifikat profond tiegħu, ifisser l-istess Mulej Ġesù. U ħin minnhom Ġesù qabbel lilu nnifsu, il-ġisem tiegħu, mat-tempju: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:19). L-evanġelista jgħidilna li kien qed jirreferi għat-tempju li hu l-ġisem tiegħu (ta’ Ġesù).

Imma anke meta jitkellem fuq l-altar, il-Mulej jirrealizza li hu kellu jitla’ fuq altar u jsir sagrifiċċju, isir offerta li lilna teħlisna mill-jasar tax-xitan u tagħtina ħelsien veru, is-salvazzjoni. Bħal Iżakk, li missieru Abram poġġieh fuq l-altar u dak il-ħin ibnu Iżakk sar offerta. U l-Mulej ħelsu mill-qatla u mill-mewt għaliex kien tiegħu; Abram ta lil ibnu lil Alla u Alla ħa ħsiebu. U Alla ma ħelishiex lil ibnu; meta ibnu tela’ fuq l-altar tas-salib, ġiegħlu jixrob il-kalċi tal-qerda, il-kalċi tar-rifjut tagħna, il-kalċi tar-rabja u tad-dnub tagħna sal-aħħar qatra. Il-Mulej Ġesù kien qallu: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26:39). U fuq l-altar tas-salib il-Mulej iħabbeb lilna l-midinbin ma’ Alla billi jidħol għalina bħala avukat tagħna.

Li tirranġa ma’ ħuk ifisser li tgħix fil-maħfra u fl-imħabba.

L-offerta fuq l-altar hija tant għażiża għal Ġesù li ma jridhiex tiċċappas mill-qalb li għandha xi tgħid ma’ xi ħadd minn ħutha. “Mela jekk tkun qiegħed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5, 23-24). Li tirranġa ma’ ħuk ifisser li tgħix fil-maħfra u fl-imħabba.

… ma jagħmilx sens li aħna nressqu l-offerti fuq l-atal u jkollna l-lanżit għal xulxin.

Aħna u noffru dan l-altar ġdid, sabiħ, qegħdin nimpenjaw ruħna bħala komunità biex ngħixu dawn il-prijoritajiet ta’ Ġesù. L-offerta li se nġibu fuq dan l-altar li llum qegħdin nikkonsagrawh, ma tistax tinfired mill-imħabba ta’ bejnietna. Fi kliem ieħor, ħa ngħidha kif ngħiduha fil-pjazza: ma jagħmilx sens li aħna nressqu l-offerti fuq l-altar u jkollna l-lanżit għal xulxin. Ma jagħmilx sens li aħna ntellgħu l-offerti fuq l-altar imbagħad fl-ewwel opportunità li jkollna nweġġgħu lil xulxin bi kliemna jew bl-għemil tagħna fuq il-midja kollha tad-dinja, bi kwalunkwe mod.

Il-Mulej jistedinna biex neżaminaw lilna nfusna: il-qalb tiegħi fejn qiegħda? Qabel ittella’ l-offerta fuq l-altar, qis li l-qalb tiegħek tkun qalb nadifa. U tgħiduli: ‘Aħna lkoll midinbin’. Il-Mulej jaf, u għalhekk minn fuq dak l-altar il-Mulej mhux se jagħti l-premju imma se jagħti l-mediċina, mhux se jagħti l-kastig imma se jagħti l-ħobż tal-ħajja. Jalla aħna, meta nirċievu l-offerta li nkunu ppreżentajna, nilqugħa b’qalb safja.

Id-destin tagħna
Mal-altar aħna se nippreżentaw lill-Mulej it-tifkira tal-qaddisin tiegħu għaliex l-altar ifakkarna li d-destin tagħna huwa li niċċelebraw l-ikla tal-Mulej fis-saltna mġedda. Bħalma qal hu stess: “Ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri” (Mt 26:29). Id-destin tagħna għandu jkun dan: li aħna u nħarsu lejn l-altar ikkonsagrat, nixxenqu għall-ġenna bħalma meta nħarsu lejn l-Assunta u nixxenqu li nkunu magħha. L-altar irid ikun ukoll sinjal tal-komunità tagħna, mhux biss l-altar tas-sagrifiċċju imma l-mejda tal-altar. Għalhekk il-Mulej jinsisti li l-ewwel nirranġaw ma’ ħutna, imbagħad intellgħu l-offerta tagħna.

… aħna u nħarsu lejn l-artal ikkonsagrat, nixxenqu għall-ġenna

Ħafna patrijarki fit-Testment l-Antik ikkonsagraw l-altari biex jiċċelebraw il-laqgħa tagħhom mal-Mulej: Noè wara d-dilluvju, Abram biex jiċċelebra l-Patt, Ġakobb biex jiċċelebra u jfakkar il-laqgħa tiegħu ma’ Alla, Mosè. Dawn kollha kkonsagraw biż-żejt altari li kienu jfakkruhom fil-laqgħa tagħhom ma’ Alla. Jalla dan l-altar li qegħdin nikkonsagraw, li huwa espressjoni tal-ġenerożità u tal-imħabba tagħkom, ifakkarna dejjem li aħna rridu niltaqgħu mal-Mulej fil-proxxmu tagħna u fis-sagramenti.

Dawn iż-żewġ elementi, l-ambone u s-sedja, iħarsu lejn l-altar, għaliex mis-sedja s-saċerdot u b’mod speċjali l-isqof, jippresiedi f’isem Ġesù. Mill-ambone jsemmgħalna l-Kelma tal-Mulej, u l-Kelma tal-Mulej u l-presidenza tas-saċerdot fuq l-altar iressquna ma’ Alla għaliex bil-kelma tas-saċerdot li jirrepeti l-Kelma tal-Mulej, il-ħobż isir il-ġisem ta’ Ġesù u l-inbid isir id-demm ta’ Ġesù.

Fuq dan l-altar li se nikkonsagraw, l-Ispirtu qaddis tal-Mulej iwettaq it-trasformazzjoni fundamentali, l-ikbar trasformazzjoni fl-univers. Qed niftakar fil-kliem sabiħ ta’ Pierre Teilhard de Chardin meta jitkellem fuq il-Quddiesa u fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu jittrasforma l-ħolqien bil-preżenza ħajja ta’ Ġesù. Dan kollu jseħħ fuq din il-mejda tal-irħam illum, aħna se nagħtuha biex tkun kollha kemm hi tal-Mulej u tal-Mulej biss. Din il-ħaġa tfakkarni li aħna wkoll kollna kemm aħna tal-Mulej u tal-Mulej biss.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 28, 11-18
Salm:95, 1-7
Qari II: Apk 8, 3-4
Evanġelju: Mt 5, 23-24

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading