Omelija tal-Arċisqof J. Scicluna waqt il-festa ta’ Santa Marija fl-Imġarr


Il-Ħadd, 19 ta’ Awwissu 2018: Omelija tal-Arċisqof J. Scicluna waqt Quddiesa fil-festa ta’ Santa Marija.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, l-Imġarr

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1, 46-47). Illum ningħaqdu ma’ Sidtna Marija f’dan l-innu ta’ tifħir lil Alla għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, hu li hu setgħani għamel mal-qaddejja tiegħu ħwejjeġ kbar.

X’niċċelebraw f’Santa Marija?
X’qegħdin niċċelebraw? Qegħdin niċċelebraw il-fatt li aħna l-Insara, b’mod speċjali l-komunità ta’ Ġerusalemm, wara li kienet għaddiet mill-esperjenza li tiskopri li l-qabar ta’ Ġesù kien qabar vojt li ma rax it-taħsir, reġgħet għamlet l-istess esperjenza wara l-mewt ta’ ommu; il-qabar li fih indifnet il-Madonna f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ, qabar li għadu magħna sal-lum, kien vojt għalkemm kienu difnu l-Madonna fih, u ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ taħsir fih.

Il-qabar ta’ Marija ta’ Nazaret kien ukoll qabar vojt, qabar li kien il-bieb għall-ħajja ġdida tal-irxoxt.

Il-fidi tal-komunità Nisranija kienet fidi sempliċi u ċerta. Dak il-qabar vojt mingħajr l-ebda sinjal ta’ korruzzjoni u taħsir, kien rifless: ġara fih dak li ġara fil-qabar il-ġdid li kien fil-ġnien qrib il-Golgota u li fih kienu qiegħdu lil Ġesù ta’ Nazaret. Il-qabar ta’ Marija ta’ Nazaret kien ukoll qabar vojt, qabar li kien il-bieb għall-ħajja ġdida tal-irxoxt. Jekk il-Mulej qam bil-qawwa tiegħu nnifsu għax huwa l-Iben ta’ Alla, fil-każ ta’ ommu kienet il-qawwa tal-iben li lil omm tatha li tirxoxta, li l-ġisem tagħha ma jarax it-taħsir.

Il-fidi tagħna hija allura bħalma jgħallimna San Pawl fit-Tieni Qari li: ilkoll kemm aħna se nieħdu sehem mill-irxoxt ta’ Kristu. Fl-Ittra lill-Korintin l-Appostlu Missierna jgħidilna: “Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll”—u dan il-bniedem hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, Ġesù—“iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu” (1Kor 15, 21-23).

U aħna hawnhekk qed naraw iċ-ċelebrazzjoni tal-irxoxt tal-Mulej Ġesù fl-irxoxt ta’ ommu, fil-qawmien mill-imwiet ta’ ommu. Għax din hija l-festa u dan hu li niċċelebraw fl-Assunta: li omm Ġesù, li kienet imħarsa mid-dnub hi u dieħla fid-dinja, ġiet imħarsa mit-taħsir tal-mewt hi u ħierġa mid-dinja. Imma b’liema qawwa? Mhux bil-qawwa tagħha imma bil-qawwa ta’ binha u għalhekk meta hi tfaħħar lill-Mulej, tgħidlu li “Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:47) għax Alla ħarisha mid-dnub fit-tnissil għax huwa s-Salvatur, li mhux biss jeħles imma wkoll għandu l-qawwa jħares mid-dnub.

Is-salvatur tagħna
Is-salvazzjoni tiġi jew billi tħares lil xi ħadd mid-dnub jew billi teħilsu mid-dnub. Bħalma bniedem jgħidlek: ‘Inti salvajtni mill-ħabs’ Kif? Jew billi ħaristni u ma mortx il-ħabs jew inkella billi kont il-ħabs u ħlistni. U inti xorta tista’ tgħidlu: ‘Inti s-salvatur tiegħi għax ħlistni mill-ħabs’. Mela fl-ewwl każ ma mortx u fit-tieni każ kont u ħriġt bil-qawwa ta’ dan il-benefattur kbir li bir-raġun il-priġunier jgħidlu ‘salvatur’.

Il-Madonna, meta lil Alla tgħidlu ‘salvatur’, qed tifhem li hu ħelisha mid-dnub imma huwa wkoll salvatur tagħha, bħalma hu salvatur għalina, anke fil-mewt tagħha. U kif fit-tnissil tagħha kellha l-privileġġ li titħares mit-taħsir tad-dnub, hekk ukoll fil-mewt tagħha. Il-Mulej ried li hi ma tarax it-taħsir, il-ġisem tagħha ma jarax it-taħsir.

Dan li qegħdin niċċelebraw llum: li l-Mulej għażel lil dik it-tfajla li kellha tara lil binha msallab tibda tgawdih immedjatament wara l-mewt ta’ din il-ħajja fil-glorja tiegħu …

Dak li l-komunità sabet f’Ġerusalemm kien qabar vojt, qabar vojt mimli bil-fwieħa tal-qawmien mill-imwiet. U dan li qegħdin niċċelebraw llum: li l-Mulej għażel lil dik it-tfajla, il-mara—għax imbagħad kibret fl-età u ma baqgħetx it-tfajla li ltaqa’ magħha u żarha Gabrijel—li kellha tara lil binha msallab u tibda tgawdih immedjatament wara l-mewt ta’ din il-ħajja fil-glorja tiegħu, u tissieħeb miegħu fil-glorja tal-irxoxt tiegħu.

Bir-raġun fis-Salm Responsorjali kantajna dwar sultana li qiegħda fid-dawl tal-glorja, li qiegħda mlibbsa bid-deheb ta’ Ofir: “Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk; f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir” (S 44:10). Mela hemm sultan imma miegħu ukoll hemm sultana u din is-sultana hija mżejna bit-tiżjin sabiħ li biha żejjinha binha stess għaliex dak kollu li aħna ngħidu fuq Santa Marija huwa turija ta’ mħabba ta’ binha, turija tal-ħniena tal-Missier u tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Biża’ mill-Mulej
“Dan huwa s-sinjal kbir li deher fis-sema: Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apk 12:1). Din il-mara hija għalina sinjal li dak li wegħedna l-Mulej u li fuqu tkellem Missierna San Pawl mhuwiex ħlieqa, invenzjoni ta’ min jgħix il-ħajja ta’ nies, għax id-destin tagħna huwa destin verament sabiħ. Id-destin tagħna huwa li aħna nkunu fil-glorja bħalma hi fil-glorja Santa Marija.

Xi tisser li inti tibża’ mill-Mulej? Li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi tal-ħajja lill-Mulej tagħtih l-ewwel post.

U għalhekk il-Madonna meta tħares lejn id-dinja tirringrazzja lil Alla li fis-setgħa tiegħu dejjem jieħu ħsieb iċ-ċkejken, dejjem jieħu ħsieb lil min forsi bir-regoli tad-dinja huwa mkasbar. L-innu li l-Madonna tgħid fid-dar ta’ Eliżabetta f’Għajn Karem, huwa innu ta’ profezija; huwa innu ta’ kliem qawwi ħafna: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). U b’xi mod qed tfisser li hi l-qaddejja tal-Mulej hija l-ewwel nett hija dixxplu tal-Mulej li tibża’ mill-Mulej. Xi tisser li inti tibża’ mill-Mulej? Li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi tal-ħajja lill-Mulej tagħtih l-ewwel post.

Issa meta aħna nħarsu lejna nfusna nirrealizzaw kemm aħna dgħajfin, kemm kultant aħna lil Alla ma nagħtuhx l-ewwel post. Ikollna l-għażla bejn l-ubbidjenza lejh u lejn it-tpaxxija tal-istint tagħna u nċedu! Għax ngħidu: ‘Mhux dak l-aħjar? Ħa neħles u nċedi!’ U jkun naqas fina l-biża’ ta’ Alla. Imma Sidtna Marija li hija esperta fl-umanità għax hija wkoll esperta fl-imħabba, tgħid: “Il-ħniena tiegħu” (Lq 1:50)”, “Qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49), “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50), “Ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:54). Ara kemm-il darba l-Madonna tinsisti fuq il-ħniena li wera Alla s-Salvatur magħha u fil-ħniena li Alla juri magħna.

Aħna kif se ninħelsu mit-taħsir tad-dnub? Kif se nirbħu fuq it-taħsir tal-mewt li hija regola fissa għal kull wieħed u waħda minna? Billi minkejja dnubietna u bil-qawwa tal-ħniena ta’ Alla, induru lejh u ngħidulu: ‘Sinjur Alla, jiena veru m’għażiltekx, imma ħenn għalija, iġbidni lejk bil-ħniena tiegħek. Ħenn għad-dgħufija tiegħek. Agħdirni għax nixtieq inħobbok imma kultant nogħtor fit-triq, anzi mhux kultant, ħafna drabi’. Ejjew nammettuha din il-ħaġa.

Ix-xewqa ta’ kull omm

Kull omm lil uliedha tixtieqhom b’saħħithom, kuntenti u jgħixu ħajja tajba.

U għalhekk għandna bżonn l-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija, għax aħna dgħajfin; għandna bżonn l-interċessjoni biex tgħinna ta’ Sidtna Marija fid-deċiżjonijiet li rridu nagħmlu kuljum, tilluminana bl-imħabba ta’ omm biex nagħmlu għażliet tajba. Mhux dan li tixtieq kull omm għal uliedha? Kull omm lil uliedha tixtieqhom b’saħħithom, kuntenti u jgħixu ħajja tajba. Għaliex? Għax tixtiqilhom l-aqwa ġid! U aħna nistgħu niddubitaw minn din il-ħaġa meta nħarsu lejn il-Madonna? Il-Madonna, li Ġesù msallab fuq is-salib tahielna bħala ommna, nistgħu aħna niddubitaw fuq din il-ħaġa li hi tixtieqna b’saħħitna fir-ruħ u fil-ġisem, kuntenti fir-ruħ u fil-ġisem, u ngħixu ħajja tajba fir-ruħ u fil-ġisem? Wara kollox, hi mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, irxuxtata fil-glorja bħalma hu d-destin tagħna, tgħallimna li Alla jsalva kollox minn dak li ħalaq.

Meta jħares lejna u jarana fid-dgħufija tagħna, ma jistmerrx dak li jara, ma jħarisx ’l hemm. Aħna veru ngħidulu: ‘La tħarisx lejn dnubietna’ imma ngħidulu wkoll: ‘Ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek’. Illum aħna u nħarsu lejn il-Madonna sabiħa li b’idejha u bil-ħarsa tagħha tgħidilna biex inħarsu ’l fuq għax il-ħarsa tagħna trid tkun lejn is-sema għaliex il-Mulej “qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49). “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu” (Lq 1:51) meta lilna ħelisna minn kull għawġ u niżżel is-setgħana ta’ din id-dinja, dawk li jaħqru lill-proxxmu, dawk li jagħmlu l-inġustizzji, dawka niżżilhom minn fuq it-tron tagħhom, l-għonja li jagħmlu flushom billi jaħqru l-ħaddiem, il-Madonna tgħid: “Bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1:53). Imma lil min hu bil-ġuħ, kemm bil-ġuħ tal-istonku kif ukoll bħalma jgħid binha “bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja,” il-Mulej jimlihom bil-ġid.

Dan huwa l-kliem ta’ Santa Marija: kliem li għalkemm iġegħelna nħarsu lejn is-sema, jġegħelna nistaqsu wkoll: ‘Aħna kif qed ngħixu ħajjitna? Ma’ liema għana qegħdin norbtu qalbna u l-għana tagħna huwa mbierek jew misħut?’ Għax jekk l-għana tagħna hu frott l-inġustizzja, huwa għana misħut imma jekk l-għana tagħna huwa għana frott il-bżulija, frott it-tjubija, frott il-ġustizzja, huwa għana mbierek. Il-Mulej ikattarhulna.

Aħna u nħarsu lejn Santa Marija nitolbuha timla l-qalb tagħna bil-ferħ u bit-tama. Meta intom, b’qalb kbira, bil-qalb kbira tal-Imġarrin, tgħajtu l-għajta sabiħa biex issellmu lil Marija, ifhmu li qegħdin tirringrazzjaw lil Alla tad-destin li taha u li ħejja għalina u għall-għeżież tagħna li telqu qabilna u fl-istess ħin qed jagħtina wkoll il-qawwa bl-interċessjoni tagħha biex f’din id-dinja sakemm nibqgħu hawn ngħixu ta’ nies, bħan-nies.

Sidtna Marija, inti li tfaħħar il-kobor tal-Mulej, li l-Ispirtu tiegħek jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħek, int ukoll ixħet fuqna l-ħarsa ta’ ħniena, inti li inti Sultana tas-sema u tal-art, int li inti l-mimmi ta’ għajnejn il-Missier, omm l-għażiża ta’ ibnek Ġesù, għarusa tal-Ispirtu s-Santu, illum nifirħulek fl-irxoxt tiegħek, fit-tlughħ is-sema tiegħek li sar bil-qawwa tal-imħabba u tal-għożża ta’ ibnek, illum flimkien ngħidulek: Viva Santa Marija.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.