Riflessjoni għall-Jum il-Missjoni


Minn Angelo Xuereb

Fit-tielet Ħadd ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. Dan tagħmlu sabiex tfakkarna fid-dmir missjunarju tagħna.

Infatti l-kelma ‘missjoni’ ġejja mill-kelma Latina ‘mittere’ li tfisser tibgħat. Intużat din il-kelma billi min imur ixandar il-Vanġelu, ma jagħmilx dan minn rajh iżda għax ikun mibgħut mill-Knisja. Mod kif nesprimu din ir-realtà hija li meta wieħed iħalli pajjiżu fuq xogħol missjunarju qabel jitlaq jingħata s-salib b’mod solenni.

F’dan il-jum filwaqt li niftakru fuq is-sagrifiċċji li għamlu missjunarji fil-passat u anki fil-preżent, ejjew inħarsu lejn il-mudell tagħhom li huwa Sidna Ġesù Kristu. Huwa ġie mibgħut mill-Missier biex jagħmel biċċa xogħol partikulari fid-dinja. Din kellha tkun li jsir bniedem bħall- bnedmin l-oħra, jgħix fosthom, jippriedka, jagħmel il-ġid filwaqt li jinkuruna dan kollu permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu.

Fil-predikazzjoni tiegħu kien jgħid ċar u tond li huwa ma ġiex f’ismu iżda huwa l-mibgħut tal-Missier. It-teoloġija dommatika tesprimi l-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu bħala missjoni viżibbli. Il-kelma viżibbli tfisser xi ħaġa li tidher. U bir-raġun kollu l-inkarnazzjoni u l-fidwa huma missjoni viżibbli. Ifisser li l-“Iben” ġie mibgħut b’mod li jidher. Ġesù ma kienx xi fantażma iżda bniedem veru mnissel mill-Ispirtu s-Santu fil-ġuf ta’ Marija u mwieled fil-għar ta’ Betlem.

Il-Prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann jagħmilha ċara: “Il-Kelma saret bniedem u għammret fostna” (Ġw 1, 14). Infatti Ġesù ma qagħadx biss għal-liġijiet tan-natura; jiekol, jorqod, jixrob u jistrieħ iżda ssottometta ruħu lejn il-liġijiet ċerimonjali tal-poplu ta’ Iżrael. Ġużeppi u Marija għamlulu ċ-ċirkumċiżjoni, ippreżentawh fit-tempju, u filwaqt li meta kiber baqa’ jmur hemmhekk u jippriedka fis-sinagogi.

Kien jitħallat man-nies u jara fihom dinjità kbira. Għalkemm  kien l-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu mhux biss tbaxxa meta sar bniedem iżda libes ukoll il-libsa tal-umiltà perfetta. Dan nistgħu narawh f’żewġ mumenti ta’ ħajtu. Twieled fqir fil-maxtura ta’ Betlem u miet minxur fuq il-għuda tas-salib.

Għalkemm fil-missjoni tiegħu Kristu ħabbeb il-bniedem ma’ Alla ma tantx nistgħu ngħidu li kellu suċċessi li jidhru fil-post li fih wettaq il-ministeru tiegħu. Għalkemm ħafna emmnu fih, ħafna oħrajn kienu jaraw fih sinjal ta’ kontradizzjoni; jiġifieri sinjal li jmeruh kif kien ħabbar stess Xmun il-Profeta lil Marija.

Fil-Vanġeli naraw lil Kristu jibgħat lill-Appostli u lid-dixxippli. Din is-silta meħuda mill-Vanġelu ta’ San Luqa turina kemm id-dixxiplu huwa l-mibgħut: “Wara dan għażel il-Mulej tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn quddiem f’kull belt u post fejn kellu jmur hu. U qalilhom: ‘Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit, itolbu mela lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiem għall-ħsad tiegħu. Morru iva, qiegħed nibgħatkom bħall-ħrief qalb l-ilpup’ ” (Luqa 10, 1-3). Meta deher l-ewwel darba lid-dixxipli nhar l-ewwel Għid qalilhom: “Bħalma bagħatni l-Missier, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20, 21).

Imbagħad qabel ma tela’ s-sema ordnalhom anzi tahom il-mandat missjunarju b’mod formali billi qalilhom: “Morru mela għallmu lill-ġnus kollha u għamduhom fl-isem tal-Missier, ta’ Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mt 28, 11). Hawnhekk naraw lil Kristu jagħti dimensjoni missjunarja lill-Knisja u ddestinaha li tħaddan lill-ġnus kollha. Għalhekk il-Knisja nsejħulha ‘Kattolika’ jiġifieri universali mingħajr distinzjoni ta’ razza jew kundizzjoni soċjali.

Il-mandat ta’ Kristu jolqot lill-insara kollha. Kull nisrani huwa msejjaħ biex ikun appostlu fl-ambjent tiegħu billi jagħti xhieda tassew nisranija. Iżda l-ġurnata missjunarja tfakkarna fuq il-fatt li l-għalqa tan-nisrani hija d-dinja kollha. Huwa veru li mhux kulħadd anzi l-ftit huma imsejħin biex imorru fl-artijiet tal-missjoni; ħafna minn dawn l-artijiet huma fqar ħafna u għalhekk jitolbu diversi sagrifiċċji. Iżda kulħadd  huwa obbligat li jħaddan kultura missjunarja f’qalbu.

Forsi wieħed jistaqsi: X’inhija din l-kultura missjunarja?

  1. Viżjoni li tħaddan id-dinja kollha. Fl-antik u anki sfortunatament fi żmienna meta d-dinja qiegħda ssir ‘villaġġ globali’ ħafna baqgħalhom mentalità magħluqa u jaħsbu li l-kamp appostoliku huwa dak tar-raħal jew il-pajjiż tagħhom. Mingħajr ma jkunu jafu dawn in-nies jkunu qegħdin ifaqqru lill-Knisja. Illum wieħed faċli li jħaddan kultura missjunarja, peress li bil-mezzi tal-kommunikazzjoni li għandna, ikun jista’ jikseb informazzjoni mid-dinja kollha.
  2. Ħeġġa biex Kristu jkun magħruf u maħbub. Infatti Kristu miet għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien. Iżda jekk inħarsu lejn id-dinja kollha naraw li ħafna għadhom ma semgħux Bih. Dan ifakkarna fid-dmir tagħna li nxandrulhom il-Vanġelu. Min iħobb tassew lil Kristu ma jkunx kuntent li għarfu iżda jrid li l-bnedmin kollha jgħaddu mill-esperjenza li għadda huwa stess. Il-fidi ma hijiex xi ħaġa personali biss iżda hija don li naqsmuha u ngħadduha lil xulxin. Jekk wieħed jgħid li jħobb verament lil Kristu u ma għandux ħeġġa biex jgħaddih lill-oħrajn, ikun għadu biss fl-ewwel tarġa.
  3. Tagħrif mill-Knisja fil-missjoni. Biex naraw il-qagħda tal-Knisja fil-pajjiżi missjunarji, irridu nkunu familjari mal-ġrajjiet li għaddejha minnhom. Jeżiztu rivisti li jittrattaw il-missjonijiet. Dawn jistimulawna biex nirrealiżaw kemm il-Vanġelu jeħtieġ li jixtered aktar. Barra milli jqajmu kuxjenza missjunarja, dawn ir-rivisti jistgħu jkunu ta’ tħejjija għal dawk li jkun sejrin jaħdmu fil-missjoni.
  4. Talb. Meta wieħed jagħraf kemm għad hawn bnedmin li ma għarfux lil Ġesù, in-nisrani veru jiftakar fit-talb tiegħu. Kien Kristu stess li kkmandana biex nitolbu lil sid il-ħsad ħalli jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu.
  5. Għotja ġeneruża. Din il-konverżjoni personali tinkuruna ruħha meta Alla jsejjaħ lil xi persuna adattata biex tmur f’dawn il-pajjiżi; wara li tkun għamlet dixxerniment spiritwali u jkollha l-permess tas-superjuri.

F’dan il-jum  lanqas ma nistgħu ninsew il-fatt li kulħadd jista’ jkun missjunarju fl-ambjent li jkun qiegħed jgħix. Niftakru li hawn ħafna wkoll fil-pajjiżi sviluppati li għadhom ma għarfux sewwa lil Kristu jew li ħallew il-fidi. Niftakru fil-ħafna wkoll persuni tat-tielet dinja li qegħdin jgħixu fil-pajjiżi sviluppati. Nagħmluha ċara li l-iskop tal-Knisja kif jgħid il-Papa Franġisku mhux li tagħmel proselitiżmu iżda li tagħti xhieda ħajja ta’ Kristu.

Proprju f’din il-ġurnata missjunarja għandna nżommu f’moħħna dak li wegħidna Kristu: “Jiena nibqa’ magħkom sa l-aħħar taż-żminijiet” (Mt 28, 20).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.