Attenti mix-xjaten edukati


Il-Ġimgħa 12 ta’ Ottubru 2018. Waqt l-omelija tal-lum il-Papa wissiena biex noqogħdu attenti mix-‘xjaten edukati’. L-essenza tad-demonju hi li jeqred jew direttament bil-vizzji u l-gwerer inkella jipprova jagħmel dan b’mod ‘edukat’, għax bil-fin iwasslek biex tgħix bl-ispirtu tal-mondanità. Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-omelija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, huwa u jirrifletti dwar il-Vanġelu li nqara fil-liturġija tal-ġurnata, meħud minn San Luqa.

Meta d-demonju jirkeb il-qalb ta’ persuna, jibqa’ jgħammar fiha qiesha d-dar tiegħu, u ma jkunx irid jitlaq, qal il-Papa, li kompla jispjega li meta Ġesù jkeċċi x-xjaten, dawn jagħmlu minn kollox biex jirvinaw lill-persuna, biex jagħmlulha ħsara anke fiżika.

Bosta drabi Ġesù keċċa x-xjaten, għedewwa tiegħu u tagħna. It-taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin kultant tidher donnha wisq astratta, issokta Franġisku, li saħaq li l-ewwel taqbida seħħet bejn Alla u s-serpent l-antik, bejn Ġesù u x-xitan. Dit-taqbida, wissa l-Papa, tinsab fina lkoll. Kull wieħed u waħda minna nitqabdu bla ma nindunaw li ninsabu fi gwerra.

Fil-bidu tal-Vanġelu tal-lum naqraw li xi nies akkużaw lil Ġesù li kien qed ikeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Belżebul. Dejjem issib l-ilsna ħżiena! B’hekk tqanqlet diskussjoni bejn Ġesù u dawn il-persuni.

L-essenza tad-demonju hi li jeqred, tenna Franġisku, li kompla jispjega li l-vokazzjoni tax-xitan hi proprju dik li jeqred l-opra t’Alla. Ir-riskju kbir, wissa l-Papa, hu li nkunu bħat-tfal li jsoffu sebagħhom u nemmnu li mhux minnu, li dawn huma qlajjiet tal-qassisin. Iżda d-demonju jeqred, u meta ma jkunx jista’ jagħmel dan wiċċ imb wiċċ, għax quddiemu jsib il-qawwa ta’ Alla li tiddefendi l-persuna, peress li hu makakk aktar mill-volpi, moħħu jilħaqlu, ifittex mod ieħor kif ijassar taħtu lil dik il-persuna.

Il-Qdusija Tiegħu dawwar ħsiebu l-aktar lejn l-aħħar parti tal-Vanġelu li fiha naqraw li meta l-ispirtu mniġġes joħroġ mill-persuna, jibda jħuf fid-deżert ifittex is-serħan, iżda, innota Franġisku, meta ma jsibux jgħid: ‘Ħa nerġa’ lura lejn dari’ – minn fejn kien imkeċċi minn Ġesù – ‘minn mnejn ħriġt.’

Anke f’diskorsu jippreżenta ruħu b’mod ‘edukat’, jgħid ‘ħriġt’ meta fil-fatt kien safa mkeċċi, osserva l-Papa. X’ħin jerġa’ lura jsib id-dar miknusa u nadifa, u għalhekk iġib miegħu seba’ spirti eħżen minnu. Għalhekk, żied jgħid, meta x-xitan ma jkunx jista’ jeqred il-persuna bil-vizzjijiet, jew lil xi poplu sħiħ bil-gwerer u l-persekuzzjonijiet, ifassal strateġija oħra: l-istrateġija li juża magħna lkoll.

Aħna Nsara, Kattoliċi, issokta l-Papa, immorru l-quddies, nitolbu… kollox ikun jidher fl-ordni. Minnu li għandna d-difetti tagħna, id-dnubiet żgħar tagħna, imma kollox jidher fl-ordni. U huwa, ‘l-edukat’, imur, jara, ifittex klikka li togħġbu, iħabbat il-bieb – ‘Jekk jogħġbok, nista’ ngħaddi?’ Iċempel il-qanpiena. U dawn ix-xjaten edukati huma agħar minn ta’ qabilhom għax int lanqas tinduna li qegħdin f’darek.

Dan huwa l-ispirtu mondan, l-ispirtu tad-dinja. Id-demonju jew jeqred direttament bil-vizzjijiet, bil-gwerer, bl-inġustizzji, jew jeqred ‘bl-edukazzjoni’, diplomatikament, bil-mod li jiddeskrivilna Ġesù. Bla ma jagħmlu ħsejjes, isiru ħbieb, jipperswaduk – ‘Le, mur xorta waħda, b’daqshekk,… sa hawn tista’ tasal…,’ u jpoġġuk fit-triq tal-medjokrità, jagħmluk biered, jitfgħuk fit-triq tal-mondanità.

Għalhekk, Franġisku wissiena biex noqogħdu attenti li ma naqgħux f’dil-medjokrità spiritwali, f’dan l-ispirtu tad-dinja li jnawwarna minn ġewwa. Jien, stqarr il-Papa, nibża’ aktar minn dawn ix-xjaten milli minn dawk tal-ewwel. Meta jgħiduli li hemm bżonn eżorċista għax persuna tkun maħkuma mix-xitan, inħabbel rasi anqas minn meta nara lil dawn in-nies li fetħu bwiebhom għax-xjaten ‘edukati’, għal dawk li minn ġewwa jipperswaduk li mhumiex għedewwa tiegħek.

Kultant nistaqsi lili nnifsi, kompla jgħid Papa Bergoglio: X’inhi l-agħar ħaġa fil-ħajja tal-bniedem, dnub ċar, jew li l-bniedem jgħix bl-ispirtu tad-dinja, tal-mondanità? Illi d-demonju jitfgħek fi dnub – aktar minn wieħed, imma ċar li huma dnubiet, li inti tistħi minnhom – jew li d-demonju joqgħod miegħek fuq il-mejda u jgħix, jgħammar miegħek, u kollox jidher normali, iżda jkun qed isefsef u jirkbek l-ispirtu tal-mondanità?

Dan hu l-ispirtu tal-mondanità, dak li jġibulek ix-xjaten ‘edukati’, issokta l-Papa, li fakkar fit-talba ta’ Ġesù fl-Aħħar Ikla: ‘Ħarishom mill-ispirtu tad-dinja.’ Għaldaqstant il-Papa ħeġġiġna biex nishru u nżommu l-kalma.

Quddiem dawn id-demonji edukati li jridu jidħlu mill-bieb tad-dar qieshom mistednin għat-tieġ, ngħidu: sahra u kalma.

 

Sahra: dan hu l-messaġġ ta’ Ġesù, is-sahra nisranija. X’qed jiġri f’qalbi? Għaliex jien tant medjokri? Għaliex jien tant biered? Kemm hemm xjaten ‘edukati’ jgħixu f’dari mingħajr ma jħallsu l-kera?, temm il-Papa Franġisku.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.