Evanġelju tat-Tlieta 27 ta’ Novembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 21, 5-11

Il-ġens kontra ġens qam u għadu jqum, l-art kienet u għada titheżżeż bil-kbir, il-ġuħ kien u għadu hawn u mard li jittieħed ukoll, is-sinjali tal-biża’ fis-sema u fl-univers seħħew u llum sirna iktar konxji tagħhom, nistgħu nosservawhom aħjar.

Dan kollu tant seħħ u għadu magħna li drajnieh. Dak li kif iseħħ jissorprendina u forsi jbeżżana wkoll, malajr jintesa’ u, wara ftit minuti ta’ ħasda, nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna.

Ma nimmaġinawx dinja bla gwerer għax trabbejna magħġunin fihom, anzi llum qed nippjanaw li għada jkollna ‘green wars’ gwerer li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u minkejja li nidhru li rridu nwaqqfu l-gwerer biex isaltan is-sliem bejn il-popli, min għandu l-interess li jdawwar sold minnhom, jibqa’ jrewwaħ il-ġamar tal-gwerra biex butu ma jiżvujtax; għall-mard nibnu l-isptarijiet u nfittxu l-kuri, u għall-ġuħ spiss nagħmlu xi ġabra; għas-sinjali straordinarji nippruvaw insibu spejagzzjoni razzjonali, u fejn ma jirnexxilniex, nikkunslaw li għad insiru nafuha. U l-ħajja tkompli.

Ħafna jinnutaw u ħafna jaraw, iżda jew leħinhom jinfaga mill-għajta ta’ min jaqbillu jnessi, jew inkella huwa leħen imxekkel u għajjien, tant li ma jirnexxilux jgħaddi minn bejn ix-xuftejn. Huwa leħen bla arja, imnissel iżda abortit qabel jitwieled. U l-ħajja tkompli.

Il-ħajja tkompli anke b’aljenazzjoni fina u sottili li trawwem il-bniedem biex jitfa’ l-attenzjoni fuqu nnifsu, fuq kemm hu sabiħ, kemm hu mportanti, kemm jista’ jibqa’ żgħażugħ, kemm jista’ jikkontrolla kullma jdawru, kemm jista’ jbiddel il-mixja tal-ħajja bit-tmun tal-arroganza. Il-ħajja tkompli bil-bini ta’ bnedmin, gżejjer żgħar, li jaħsbu li huma ċ-ċentru u l-fus tal-ħolqien kollu, imdawrin bil-baħar tas-solitudni, u l-imħabba u r-relazzjonijiet sbieħ u f’saħħithom jistgħu biss jitkissru fuq ix-xtut tagħhom. Negattiv? Jista’ jkun! Rejalistiku? Jista’ jkun iktar.

Araw li ma titqarrqux. Xejn ma jibqa’ għal dejjem, u l-bejjiegħa tal-idejaliżmi u l-mentalitajiet li jqiegħdu lil kull bniedem fil-quċċata tal-ħolqien ma huma jagħmlu xejn ħlief ikabbru d-deżert fejn il-ħajja u l-imħabba jinxfu u jsiru rmied. Tmorrux warajhom.

Ġesù qed jitkellem fit-tempju. Kemm hu sabiħ it-tempju, xi ġmiel! Huwa sabiħ vera, imma sabiħ iktar għax huwa mimli bil-bnedmin li jgħixu fih, saqajhom mal-art imma b’għajnejhom fis-sema. Il-ġmiel ta’ dak li hu barra jista’ jtellifna milli nagħrfu l-ġmiel li hemm ġo fina u jagħmina għall-ġejjieni li jista’ jkollna. Ġesù jitkellem dwar l-illużjoni, il-ħolma li tibqa’ ħolma, ix-xewqa li ma tissarraf qatt. Ħarstek fis-sema u saqajk mal-art.

Il-kuraġġ li jiġi mit-tama li ma nħallux l-illużjoni tpexpxilna għajnejna jiddi minn kliem Ġesù. Il-ġid materjali, jlellex kemm ilellex ma jibqax ġebla fuq oħra minnu, imma aħna nibqgħu. Iċ-ċpar tal-prosperità xi darba jdub fix-xejn imma x-xemx, li d-dawl tagħha jurina dak li hu b’dak li hu, titla’ fuq kulħadd, b’mod jew ieħor. M’għandniex għalfejn ninħasdu, m’għandniex għalfejn nitfixklu.

Il-‘jien hu’ huwa wieħed. Lilu biss għandna nisimgħu u warajh biss għandna nimxu. Iż-żmien veru jasal tassew għal kulħadd. Għalkemm għaġġla m’għandniex, j’Alla meta jasal, inkunu mħejjija għalih.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading