Il-Papa f’Santa Marta: Għaqli naħsbu fit-tmiem


It-Tlieta, 27 ta’ Novembru 2018: Kif se jkun it-tmiem tiegħi? Kif nixtieq li jsibni l-Mulej meta jsejjaħli? Huwa għaqli li naħsbu dwar it-tmiem, jgħinna nimxu ‘l quddiem, jgħinna nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar xinhu dak li għandi nirranġa u x’irrid inżomm għax hu tajjeb. Il-Papa Franġisku ddedika l-omelija li għamel fil-kappella tad-dar Santa Marta llum it-Tlieta 27 ta’ Novembru, għat-tmiem tad-dinja u tal-ħajja personali għax tul din l-aħħar ġimgħa tas-sena liturġika l-Knisja tridna nirriflettu dwar dan. Din hija grazzja, ikkummenta l-Papa, għax aħna ma tantx inħobbu naħsbu dwar it-tmiem, dal-ħsieb dejjem inħalluh għal għada.

Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Apokalissi, San Ġwann jitkellem dwar l-aħħar tad-dinja bil-metafra tal-ħsad, bi Kristu u l-Anġlu armati bil-minġel. Meta tasal is-siegħa tagħna nkunu rridu nuru l-kwalità tal-qamħ tagħna, il-kwalità ta’ ħajjitna. Forsi xi ħadd minnkom jgħidli: tkunx daqshekk makabru, dawn l-affarijiet ma jogħoġbuniex… imma din hi l-verita, insista l-Papa Franġisku.

Ikun żmien il-hsad fejn kulħadd jiltaqa’ mal-Mulej. Tkun laqgħa fejn kull wieħed u waħda minna jgħid lill-Mulej: Din hi ħajti. Dan hu l-qamħ tiegħi. Din kienet il-kwalità ta’ ħajti. Żbaljajt? – ilkoll irridu ngħidu dil-kelma għax kulħadd jiżbalja -. Għamilt affarijiet tajbin, għax kulħadd jagħmel affarijiet tajbin u xi ftit jew wisq nuru l-qamħ tagħna lill-Mulej.

Kieku l-Mulej issejjaħli llum, x’se ngħidlu? Ngħidlu, kont aljenat u ma ndunajtx? Ma jiswa xejn li int żagħażugħ: ara kemm żgħażagħ jitilqu, ikunu msejħin. Ħajjet ħadd m’hi inxurjata. Imma huwa żgur li kulħadd jasal fit-tmiem. Meta? Alla biss jaf.

Matul dil-ġimgħa, issokta Franġisku, jagħmlilna tajjeb naħsbu ftit fit-tmiem. Jekk il-Mulej isejjaħli llum, x’se nagħmel? X’se ngħid? Liema qamħ se nurih? Il-ħsieb tat-tmiem jgħinna nibqgħu mexjin ‘il quddiem: dan mhux ħsieb statiku, huwa ħsieb li jterraq ‘il quddiem bis-saħħa tal-virtù, bis-saħħa tat-tama.

Se jkun hemm it-tmiem u dak se jkun laqgħa mal-Mulej. Inkunu rridu nagħtu kont ta’ dak li għamilna, imma tkun ukoll laqgħa mal-ħniena, mal-ferħ, mal-hena. Li naħsbu dwar it-tmiem tal-ħolqien, tal-ħajja tagħna, huwa għaqal: l-għaqlin hekk jagħmlu.

Għalhekk il-Knisja matul dil-ġimgħa tistedinna biex nistaqsu lilna nfusna: kif se jkun it-tmiem tiegħi? Kif nixtieq li jsibni l-Mulej meta jsejjaħli, żied jgħid il-Papa. Hemm bżonn li nagħmel eżami tal-kuxjenza u niżen x’għandi nikkoreġi għax mhux sejjer tajjeb! X’irrid inżomm għax hu tajjeb? Kull wieħed u waħda minna għandna t-tajjeb tagħna. U f’dal-ħsieb m’aħniex waħedna għax megħjunin mill-Ispirtu s-Santu.

Matul dil-ġimgħa, temm Franġisku, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu l-għaqal taż-żmien, l-għaqal tat-tmiem, l-għaqal tal-qawmien, l-għaqal tal-laqgħa eterna ma’ Ġesù. Nitolbuh biex jgħinna nifhmu dan l-għaqal li jinsab fil-fidi tagħna. Ikun jum ta’ ferh, jum il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Nitolbu biex il-Mulej iħejjina. U dil-ġimgħa kull wieħed u waħda minna għandu jtemmha bi ħsiebu fit-tmiem: Jien se nintemm. Minix se nibqa’ hawn għal dejjem. Kif nixtieq nispiċċa?

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.