Il-Lhudija
EKU
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. – Luqa 1:46
Hekk kif l-anġlu jitlaq minn ħdejha, Marija minnufih tmur “tħaffef” lejn belt tal-Lhudija (ara Lq 1:39). Il-pellegrinaġġ tagħha ’l isfel lejn il-Lhudija jeħodha għand kuġintha Eliżabetta. Dritt mal-wasla tagħha, Marija tirċievi t-tislima ta’ Eliżabetta u mbagħad twieġeb bl-ewwel noti tal-Magnificat kbir tagħha: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46).
Aħna nafu li bħala Omm Alla, Marija kienet persuna unika. Imma, kif jista’ bniedem jgħolli fil-ġieħ lil dak li hu ogħla minnu? Dun Scott Traynor jgħinna nifhmu kif ruħ Marija tfaħħar lil Alla permezz tax-xbieha li jagħtina ta’ Echo Canyon, Colorado. Echo Canyon għandu dehra tal-għaġeb, kull rokna tiegħu qisha kartolina. Imma mhux famuż biss għax-xenarju tiegħu. Jekk issib il-post it-tajjeb u tgħajjat ismek, il-ħoss tiegħek jibqa’ jidwi mal-kanjon kollu, b’eku wara eku u l-ħoss dejjem jogħla. Echo Canyon, peress li ġie ddisinjat perfettament biex jagħmel dan, jirċievi kelma mitkellma u jkabbarha b’mod perfett biex tismagħha d-dinja kollha. Għalhekk Echo Canyon mhuwiex aqwa mil-leħen tiegħek, lanqas jista’ joħloq xi ħaġa waħdu. Imma għax hu mfassal b’mod perfett, il-kanjon jamplifika l-leħen tiegħek biex tista’ tisimgħu d-dinja kollha.
Marija tgħolli lill-Mulej. Ir-ruħ ta’ Marija, bħal Echo Canyon, tilqa’ b’mod perfett lil Alla, u u dak li tisma’ tagħmlu jidwi bħal eku mad-dinja kollha. Tiftakru l-vojt? Fih jista’ jkun hemm eku perfett.
F’ċertu sens, aħna wkoll bħal Echo Canyon. Ruħna ġiet maħluqa biex tfaħħar lil Alla u tagħmel li l-glorja tiegħu tidwi biex tismagħha d-dinja kollha. Imma, ruħna (il-kanjon) hi miġruħa, imħarbta, u tilfet it-tonalità tagħha, u għalhekk ħafna drabi ma nkunux eku ta’ dak li jlissen Alla. Nispiċċaw inħallu tidwi f’ħajjitna xi ħaġa għalkollox differenti.
Kif inhu l-eku tiegħek? Kemm hi battala ruħek minn kull ħaġa li tista’ żżommok milli tħalli tidwi b’mod perfett il-Kelma divina? X’hemm bżonn tbattal minn ħajtek biex ruħek tista’ tagħmel eku kif għamlet dik ta’ Marija?
Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob b’1 Samwel. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod 1 Samwel 2:1-10. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija b’Luqa 1:46. Imbagħad, għid din it-talba:
“Missier, nitolbok il-grazzja ta’ eku perfett. Nitolbok turini kull ħaġa li qiegħda żżomm lil ruħi milli tkabbar il-leħen tiegħek”.
Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?