Avvent ma’ Marija – It-Tieni Ġimgħa – Il-Ġimgħa


VULNERABBLI

“Int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti”. – Salm 139:2

48377194_1067544926758124_5009627790807400448_nMeta l-anġlu Gabrijel isellem lil Marija “ifraħ”, ftit minna jistgħu jistħajlu li r-realtà tat-taqbida u tal-istennija kienu se jagħmlu parti mill-ferħ tagħha. Imma forsi dan mhux preċiżament dak li ħafna minna jsibu bħala sfida llum? Ftit hemm żminijiet oħra fis-sena li fihom niġu mistiedna nfittxu dan fil-fond ta’ qalbna. Iż-żmien bejn il-bidu tal-Avvent u l-festa tal-Milied jistedinna nifirħu bi gratitudni, fil-familja, u għall-Inkarnazzjoni. Imma għal ħafna minna dan iż-żmien tas-sena jista’ jidher vulnerabbli.

It-taqbid tal-ħajja aktarx joktor fi żmien l-Avvent. Dak li hu tajjeb fil-ħajja taż-żwieġ tagħna jew tal-familja aktarx jidher isbaħ u aħjar. Imma dak li jinten fil-ħajja taż-żwieġ jew tal-familja wkoll aktarx jidher ikbar.

Il-vaganzi jagħfsu fuqna bi pressjonijiet differenti. Hemm deċiżjonijiet li jridu jittieħdu – pjanijiet tas-safar, preparazzjonijiet familjari, u l-finanzi, dawn kollha jitfaċċaw. U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, għall-ġenituri, il-btajjel mat-tfal jintroduċu firxa ġdida ta’ ħtiġijiet li jistgħu jinfluwenzaw il-ftehim jew nuqqas ta’ ftehim li l-koppji jkollhom fil-filosofija tagħhom tat-trobbija ta’ wliedhom. Imbagħad żid il-qraba, l-aħwa, u l-familja estiża tiegħek. Kulħadd donnu għandu opinjoni x’jesprimi u jixtieq jippjana hu għalik.

Fi kliem sempliċi, forsi l-ebda żmien ieħor tas-sena ma jsibna daqshekk vulnerabbli bħall-vaganzi. Ħafna minna jfittxu kif jaħarbu mill-vulnerabbiltà. Jew naħarbu, u nippretendu li kollox sew, jew ninxteħtu b’ruħna u ġisimna f’ritmu mgħaġġel iżżejjed u mimli ġenn matul il-vaganzi, u nipprovaw nikkontrollaw b’mod żbaljat it-taqbida ta’ ġo fina. Forsi l-mistoqsija mhix jekk aħniex inħossuna vulnerabbli jew le, imma fuq min sa nduru fil-vulnerabbiltà tagħna.

Marija ħasset din il-vulnerabbiltà tal-istennija hi u tistenna lil Ġużeppi. Marija tista’ tgħallimna x’għandna nagħmlu jekk inħallu lil qalbha tkellem lil qalbna. Ftakar, Marija baqgħet f’relazzjoni ma’ Alla. Ftakret f’dak li Alla kien għamel fl-imgħoddi u din għaliha kienet ankra biex tafda fih fil-mument preżenti. Fuq kollox, Marija ma qagħditx tixtarr fil-biża’ jew l-ansjetà tagħha. Minflok, qasmet dak kollu li kellha f’qalbha mal-Mulej. Kienet ittarraflu kollox. Għax kienet taf ma’ min qed titkellem, kienet kapaċi titlaq il-kontroll minn idejha biex setgħet tilqa’ iktar dak li jagħtiha Alla.

La tibżax. Kun onest fuq ħajtek, imma f’dan kollu la tibżax. Għaddi ftit ħin ma’ Marija u itlobha tgħallmek x’għandek tagħmel fil-vulnerabbiltà.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 139. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 139:1-16. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, illum nitolbok il-grazzja li nduq l-imħabba personali tiegħek għalija. Nitolbok tgħinni nistenna flimkien miegħek fil-vulnerabbiltà tiegħi”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?