It-triq tal-intimità. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tal-Għid.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?’. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”. Ġwanni 14, 1-12

  1. Riflessjoni/talba:

i. “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?’.

Bħala bniedem inħoss il-bżonn
dak il-post li jgħinni nagħraf
li jien niswa fl-għajnejn ta’ xi ħadd.

L-ispazji diġitali m’humiex biżżejjed!

Hemm post għalija fil-qalb ta’ Alla!

Irrifletti:
• X’għarfet Santa Teresa t’Avila meta qalet: “Tħallix xi jħabbtek, tħallix xi jtaqqlek. Min għandu ‘l Alla ma jonqsu xejn.”

ii. Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

It-triq għall-qalb t’Alla
hija l-istess qalb li dehret għalina
fi Kristu Ġesù.

Għix miegħu, bl-istil tiegħU!

Timxi, u tasal
u tinduna li l-imħabba hija vera
u li l-verità hija mħabba

u tinduna li l-verità t’Alla tagħti ħajja
u l-ħajja vera hija imħabba.

Irrifletti
• Fejn qbadt triq u sibt sqaq li jagħlaq? Ġesù kif differenti?

iii. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

Mur poġġi kejl
għall-imħabba li toħroġ minn qalb li temmen!

Kif tista’ tagħmel limitu
għall-ġid li jsir min qalb magħquda m’Alla?

Emmen, ħalli lil Alla jgħammar fik,
u ssib li kulma tagħmel ikollu l-marka t’Alla.

Irrifletti

• Stagħġeb bil-wegħda ta’ Ġesù: “min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel”.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading