Evanġelju tal-Ħadd 16 ta’ Diċembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 3, 10-18

Ġwanni l-Battista, li l-Liturġija tal-Avvent introduċitilna l-Ħadd li għadda, huwa l-Evanġelista tal-Evanġelju; huwa dak li San Luqa jippreżentah bħala dak li jwassal l-aħbar it-tajba li l-aħbar it-tajba qiegħda fil-qrib, waslet, qiegħda magħna. Kull aħbar tinħtieġ sfond u kuntest biex tiftiehem, inkella t-tajjeb tal-aħbar jintilef, jew l-aħbar ma tkun aħbar xejn, tkun waħda mill-ħafna li nisimgħu u naqraw.

L-isfond hu li l-bniedem huwa konxju li jeħtieġlu jagħmel xi ħaġa biex itejjeb ħajtu u jirriforma ruħu, jiżbor fejn hu meħtieġ u jsaqqi u jdemmel biex is-siġra ta’ ħajtu tikber dritta u tiżbieħ u tagħti l-frott. Il-kuxjenza tal-bniedem, anke l-iktar waħda mraqqda, kultant issemma leħinha, u ddaħħal dubju san li jġiegħelu jieqaf u jaħseb, imqar għal ftit, jekk ħajtu hux ta’ valur jew le. It-tweġiba għal dan id-dubju mhux dejjem tkun ċara u għalhekk il-bniedem iħoss li għandu bżonn min imexxih, min jindikalu t-triq: x’għandna nagħmlu?

F’din is-silta l-ewwel ħaġa li nsibu ma wiċċna hi li dan il-bżonn mhux ta’ individwu iżda ta’ kategorija, ta’ grupp ta’ nies. In-nies staqsew lil Ġwanni flimkien. Il-publikani resqu lejh u staqsewh. Staqsewh ukoll is-suldati. Kollha resqu biex jitgħammdu bl-ilma għax ħassew il-bżonn li jindmu, li jitnaddfu u jissaffew fl-intenzjonijiet u l-għemil tagħhom, iżda għarfu li l-ħasil waħdu mhux biżżejjed; il-ħasil irid iwassal għall-bidla fl-imġieba: x’għandna nagħmlu.

Il-parir ta’ Ġwanni, dan il-bniedem stramb li jgħix waħdu jiġġerra fid-deżert ma’ ġnub ix-xmara Ġordan, liebes ilbies skomdu u jiekol dak li jsib, huwa wieħed konkret. Ir-riforma ma sseħħx fl-ajru, mhux astratta li ma tifhimiex, hija riforma li sseħħ jekk il-bniedem iridha sseħħ u jekk ikun determinat li jwettaqha.

L-ewwel parir huwa li tkulħadd jieħu ħsieb xulxin. Huwa l-parir għall-ġustizzja soċjali, li min għandu jaqsam li għandu ma’ min m’għandux. Ħadd m’għandu jgħix nieqes minn dak li hu essenzjal. Ġwanni jsemmi l-ilbies u l-ikel; l-għata li tkennen u tagħti dinjità u l-ikel li jsostni u jgħajjex. Ħadd ma hu maħluq biex jgħix waħdu, iżda faċli ħafna tagħżel ma’ min tgħix u taqsam kullma hu tajjeb u tħalli barra lil min taħseb li ma jistħoqqlux ikun bħalek. Il-ġustizzja soċjali mhix karità. Dak li hu żejjed għandek huwa nieqes għand ħaddieħor. Li tagħti dak li ħaqqu lil min ħaqqu huwa l-ewwel pass fl-eżerċizzju tal-għotja sħiħa li għarrafna iktar tard dak li fi ftit jiem niċċelebraw bil-kbir bl-iskuża tat-twelid tiegħu. U jekk fil-jiem tal-Milied nisħċu tant li f’dawn il-jiem ħadd m’għandu jkun nieqes jew imdejjaq għax m’għandux biex jgħix kif tgħix int, għaliex mhux fil-jiem kollha tas-sena? Ħadd ma hu fqir, waħdu jew imnikket fi żmien il-Milied biss, iżda kull jum ta’ ħajtu. Ir-riforma mhix biss għal ftit jiem, iżda bidla ta’ ħajja. Il-ġustizzja soċjali mhix festa ta’ karità u ġenerożità iżda stil ta’ ħajja li jagħmel mill-ħajja festa.

Għand Ġwanni resqu wkoll il-pubblikani, dawk li, minħabba xogħlhom u kif kienu jwettquh ħafna minnhom, ma kien jaħmilhom ħadd. Lil dawn Ġwanni jagħtihom il-parir li juru ħniena. Mhux jikkundanna l-ħlas tat-taxxa, iżda l-ġustizzja u l-ħniena fil-ġbir tagħha. Ġwanni jħeġġiġhom biex ma jabbużawx biex iħaxxnu bwiethom u fejn jaraw li m’hemmx minn fejn ma jagħmlux is-sitwazzjoni ta’ min għandu jħallas agħar milli hi. Fi żmienna wkoll inħossu li hemm min jabbuża minn dak li hu afdat f’idejh; aħna wkoll kultant inħaddmu s-setgħa tagħna, żgħira kemm hi żgħira biex inkissru lil ħaddieħor, anke bi kliemna li joħroġ fil-beraħ dak li jkun hemm f’qalbna. Il-manipulazzjoni, il-qerq, l-abbuż huma frott tan-nuqqas ta’ sodisfazzjoni li nħossu f’ħajjitna, jew mill-kilba li nisserdqu fuq ħaddieħor biex nuru li aħna ikbar u aqwa u biex ngħollu l-pedestalli li nibnu għalina nfusna għax iktar ma għandna iktar irridu.

Is-suldati wkoll jersqu bil-fehma li jridu jagħmlu xi ħaġa li ma jafux x’inhi. Ġwanni ma jħallihomx fil-għama. Iwissihom kontra s-serq bil-miftuħ bit-theddid u l-qerq: il-biża’ u l-gideb. Ma kienux kuntenti bil-pagi tagħhom u allura kienu jwerwru u jigdbu biex jieħdu dak li jridu; jużaw l-awtorità militari tagħhom biex jiggwadanjaw minn fuq dahar min kien jibża minnhom, min isir vittma tal-qerq tagħhom. Il-frustrazzjoni tagħhom kienu jiżvugawha fuq min ma kellux is-setgħa tagħhom.

Hawnhekk ukoll naraw kompliċità fl-abbandun għal dak li hu mgħawweġ u pervers iżda wkoll karba kollettiva ta’ gwida ġejja mix-xewqa li l-affarijiet isiru aħjar. Il-Milied iġib il-ferħ, għax inissel tama li f’kulħadd hemm xewqa sinċiera għat-tajjeb u l-aħar it-tajba li ġejja mingħand it-tarbija li titwieled, huwa qabża fil-kwalità tal-ħajja, mill-ġustizzja tajba tal-bnedmin għall-ġustizzja li ġejja mill-imħabba ta’ Alla.

X’għandna nagħmlu?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.