Il-Ġimgħa 4 ta’ Jannar 2018: Il-Papa Franġisku wara li stieden lill-Isqfijiet Amerikani biex jagħmlu rtir li fih jirriflettu dwar is-sitwazzjoni tal-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti fid-dawl tal-iskandlu tal-abbużi sesswali, offra lil Fr. Raniero Cantalamessa, il-Predikatur tiegħu, biex imexxi dan l-irtir. L-irtir li se jdum ġimgħa qed isir fis-Seminarju ta’ Mundelein, f’Chicago. Dan hu l-akbar seminarju fl-Istati Uniti u fih bħalissa hemm jistudjaw aktar minn 200 seminarist minn madwar 40 djoċesi differenti fl-Amerika u pajjiżi oħra.
Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li t-tema tal-irtir li qed jitmexxa minn dan il-Patri Kapuċċin, magħruf ħafna għall-predikazzjoni tiegħu, hi: “Hu għażel Tnax biex ikunu Miegħu u jibgħathom Jippriedkaw”.
L-Insara fl-Istati Uniti huma mħeġġa biex jitolbu għall-Isqfijiet waqt li dawn ikunu qed ifittxu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu biex isibu l-aħjar soluzzjonijiet għall-problemi li kienet qed tiffaċċja l-Knisja fl-Amerika.
Cantalamessa kien spjega li dawn il-ġranet għandhom iservu biex l-Isqfijiet jirriflettu “bogħod mill-ħidma tagħhom ta’ kuljum, f’atmosfera ta’ talb u silenzju u jiltaqgħu personalment ma’ Alla. B’hekk jirċievu s-saħħa u d-dawl tal-Ispirtu s-Santu biex isibu l-aħjar soluzzjonijiet għall-problemi tal-Knisja fl-Amerika”.
Matul dan l-irtir barra r-riflessjonijiet ta’ Patri Cantalamessa, l-Isqfijiet Amerikani se jkollhom ukoll ħin għat-talb, riflessjoni, meditazzjoni, quddies u ħin għal talb personali u għall-qrar.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija