Forum internazzjonali taż-żgħażagħ konsegwenza tas-Sinodu


Il-Ġimgħa 11 ta’ Jannar 2019: Fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali u wkoll fid-dawl tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jkun iċċelebrat dax-xahar fil-Panama, id-dikasteru tal-Vatikan għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, ħabbar li bejn it-18 u t-22 ta’ Ġunju li ġej se jiltaqqa’ forum internazzjonali taż-żgħażagħ biex ikompli l-ħidma tal-mixja sinodali.

L-għan se jkun biex ikunu eżaminati r-reazzjonijiet fuq livell internazzjonali ibda mid-dokument finali u wkoll id-dokument post-sinodali li aktarx il-Papa Franġisku jkun ippubblika sa dak iż-żmien.

Se jkunu mistednin delegati mill-Konferenzi Episkopali u l-movimenti u l-komunitajiet ekkleżjali ewlenin b’laqta internazzjonali wiesa ħafna.  Hemm it-tama wkoll li wħud miż-żgħażagħ li kienu udituri waqt is-sessjonijiet tas-Sinodu jkunu preżenti biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom u se jkunu preżenti wkoll operaturi pastorali internazzjonali speċjaliżżati fil-pastorali taż-żgħażagħ

Saret intervista dwar din l-inizjattiva lis-Segretarju tad-dikasteru għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, patri Alexandre Awi Mello.

Patri Alexandre qal li l-Eżortazzjoni appostolika tal-Papa tipprevedi mhux biss it-tħejjijiet u ċ-ċelebrazzjoni tal-avveniment iżda wkoll żmien li fih dak li sar fis-Sinodu jitqiegħed fis-seħħ kemm mill-Knejjes partikolari kif ukoll mill-Konferenzi Episkopali u l-organiżmi tal-Kurja Rumana.

Hu b’dan l-għan li se jitlaqqa’ dal-forum bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju li ġej.  Se jkun forum speċjali għax se jkun opportunità biex issir riflessjoni fuq dak kollu li l-movimenti u l-konferenzi episkopali jistgħu jagħmlu ħalli s-Sinodu ma jibqax biss kliem sabiħ fuq il-karta.

Il-kelliem ossereva li bħalissa l-Knisja għaddejja minn żmien ta’ grazzja dwar iż-żgħażagħ għax qed tismagħhom u qed tagħti kashom b’mod speċjali.  Fil-fatt is-Sinodu għandu jibqa’ għaddej u matul dis-sena l-ħsieb hu li ssir ħidma aktar sfiqa fuq dak li nkiteb biex kull dokument ma jibqax maqful fil-kexxun imma jingħata l-ħajja.

Il-Knisja hi preokkupata, ikkummenta patri Alexandre, biex ma tiddeludix liż-żgħażagħ għax huma qed jistennew li ssir xi ħaġa konkreta favurihom, ħalli huma wkoll iħossuhom protagonisti u parteċipi fil-ħajja tal-Knisja.  Il-forum se jkun opportunità biex iż-żgħażagħ jerġgħu jsemmgħu leħinhom u jgħidu x’jistgħu jagħmlu fil-pajjiżi fejn jgħejxu, fid-djoċesijiet u fil-movimenti li huma mseħbin fihom.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.