It-tagħlima li l-martri ta’ dixxendenza Maltija tagħti lill-Insara


Il-Ħadd, 13 ta’ Jannar 2019: Omelija waqt Quddiesa fil-festa tal-Magħmudija ta’ Sidna Ġesù Kristu u radd il-ħajr lil Alla tal-beatifikazzjoni ta’ Sor Angele-Marie Littlejohn.

83871a35-2184-48de-bdd2-0bd44b29acf6.154772564605.jpeg

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Għargħur

L-Evanġelju ta’ San Luqa jippreżenta lil Ġesù jiddeċiedi jidħol fil-kju ta’ dawk li qed jistennew li Ġwanni jgħammidhom. Ġwanni kien ħabbar magħmudija ta’ ndiema.

Il-kelma ‘magħmudija’ għandha żewġ tifsiriet importanti ħafna. L-ewwel nett hija li inti tgħaddas lil xi ħadd fl-ilma, bil-Grieg tiġi ‘baptizzo’ u għalhekk bl-Ingliż hemm il-kelma ‘baptism’, bit-Taljan hemm il-kelma ‘battesimo’, u ‘baptismus’ bil-Latin. Imma l-lingwa tagħna meta titkellem fuq is-sagramenti għadha tuża l-kelma li ġejja mill-Grieg antik, ‘magħmudija’, li hija qrib ħafna l-kelma li kien jużaw Ġwanni u Ġesù fl-Aramajk.

Imma l-magħmudija hija propju li inti tinżel fl-ilma u kważi tindifen fih, full immersion biex niftehmu. Hekk kien ikun ir-rit li jagħmel Ġwanni: togħdos fix-Xmara Ġordan, post li minn dejjem kien meqjum u li aħna għadna nżuru meta mmorru l-Art Imqaddsa jew min-naħa ta’ Iżrael jew min-naħa tal-Ġordanja, imma x-xmara hija l-konfini allura tmiss iż-żewġ naħat ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi.

Il-magħmudija tal-Mulej
F’dan il-post li huwa ftit ’il bogħod minn Ġerusalemm, ġew ħafna nies u ġie Ġesù wkoll. Qabel ma jersaq Ġesù, in-nies jistaqsu lil Ġwanni jekk huwiex il-Messija (ara Lq 3:15). Hu jispjegalhom li l-magħmudija tiegħu hija magħmudija ta’ tħejjija “ħejju t-triq għall-Mulej” (Lq 3:4), u t-tħejjija għal min ġej warajh hija l-indiema u l-indiema hija dik il-karba mill-qalb tagħna li lill-Mulej ngħidlu: ‘Sinjur Alla, jiena dgħajjef, għandi bżonnok’. Dik hija l-indiema vera.

Imma l-indiema vera hija li fuq kollox tirrealizza li imingħajr Alla ma tista’ tagħmel xejn.

Ħafna drabi nagħmlu xi ħmerija, niżolqu fin-niexef u jiddispjaċina. Imma l-indiema vera hija li fuq kollox tirrealizza li imingħajr Alla ma tista’ tagħmel xejn. Niftakru fil-Kelma ta’ Ġesù: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Il-magħmudija ta’ Ġwanni tfakkarna li aħna rridu ngħumu f’dan il-bżonn. M’għandniex għalfejn la niddejqu u lanqas nistħu. Aħna għandna bżonn inkunu fully immersed, ngħumu f’dan il-bżonn li għandna ta’ Alla; huwa l-għatx tal-ilma t-tajjeb, is-saħħa li għandha bżonn id-dgħufija tagħna, huwa l-grazzja u l-maħfra li għandhom bżonn id-dnubiet tagħna. Aħna għandna bżonn lil Alla.

Imiss lil Ġesù jitgħammed u Ġwanni jgħidlu: ‘Ġej xi ħadd warajja li jgħammidkom bl-ilma u bin-nar’ (ara Lq 3:16). U dan in-nar huwa n-nar tal-Ispirtu s-Santu. Iktar ’il quddiem fl-Evanġelju Ġesù stess jgħid: ‘Huwa n-nar u kemm nixtieq li jaqbad. Jiena ġejt biex inġib in-nar fid-dinja,’ dan in-nar tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. Dan huwa n-nar li jħeġġeġ fil-qalb tagħna u li ħassewh iħeġġeġ fil-qalb tagħhom id-dixxipli ta’ Għemmaws dakinhar tal-Għid il-Kbir: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (Lq 24: 32). In-nar li jsemmi Ġwanni, in-nar li jixxennaq lil Ġesù, huwa l-istess n-nar li ħassew id-dixxipli dakinhar tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dan huwa n-nar li jħeġġeġ f’kull wieħed u waħda minna meta nkunu qegħdin ngħumu fir-rieda tiegħu u meta nkunu qegħdin nagħmlu u norbtu qalbna mar-rieda tiegħu, in-nar li jħeġġeġ fil-qalb ta’ min huwa tassew xhud ta’ Ġesù.

Ġesù wieħed minna
Ilum ltqajna hawn biex infakkru l-Magħmudija tal-Mulej imma fil-magħmudija tiegħu l-Mulej jagħmel ġest ta’ umiltà kbira: jersaq fl-kju mal-midinbin, magħna, biex jieħu l-magħmudija tal-indiema. Ħin minnhom Ġwanni joġġezzjona, imma l-Mulej jirsisti. Il-Missier, hu u jħares lejn l-umiltà tal-Iben, isemma’ leħnu: “Dan hu ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Lq 3:22), xi ħaġa li mbagħad jerġa’ jtenniha fuq il-Muntanja Tabor u dakinhar mal-istess kliem iżid xi ħaġa oħra għax jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7). Ġesù ma jiddejjaqx iqis lilu nnifsu bħala wieħed minna. Ħa ngħidha bi kliem iebes: ma jiddejjaqx jiċċappas magħna.

Kif tista’ taqta’ qalbek minn Ġesù jekk hu qatt mhu se jaqta’ qalbu minnek?

Kultant b’ċertu disprezz ngħidu: ‘Int se tiċċappas ma’ dan?’ Bejnietna nużaw il-kelma ‘tiċċappas’ u ovvjament f’dik il-kelma jkun hemm ġudizzju iebes. Ġesù ma stmerrx jiċċappas magħna, bħalma ngħidu wkoll fit-Te Deum. Dan hu wkoll dak li qegħdin niċċelebraw illum. Kif tista’ taqta’ qalbek minn Ġesù jekk hu qatt mhu se jaqta’ qalbu minnek? Qatt mhu se jaqta’ qalbu minnek! Imma Ġesù mhux biss jinżel fl-ilma tal-Ġordan u jissieħeb magħna fil-miżerja tagħna, imma meta jogħla ’l fuq jerfagħna miegħu.

Il-ħajja tal-Beata Angele-Marie Littlejohn
Aħna llum qegħdin nfakkru wkoll il-Beata Angele-Marie Littlejohn. Bla ma trid din il-martri ma setgħetx ma tkunx devota tal-isem Ġwanni għaliex fil-magħmudija fit-22 ta’ Novembru 1933 twieldet fit-Tuneżija, semmgħuha Jeanne, Giovanna, imma kunjomha kien diġà Littlejohn, ‘Giovanni piccolo’, allura din kienet Giovanna Littejohn. Ma setgħetx taħrab mill-isem Ġwanni. U l-isem Ġwanni jfisser Alla ħanin, Yohannan. Din il-martri fl-isem tal-magħmudija tagħha u f’kunjomha tfakkarna fil-ħniena ta’ Alla. L-oriġini tal-kunjom ‘Littlejob’ ġej mill-Iskozja u nistgħu ngħidu li f’ħajjet il-Beata Angele-Marie Littlejohn hemm esperjenza qawwija tal-emigrazzjoni. L-Iskoċċiżi jiġu Ħal Għargħur, imbagħad minn Ħal Għargħur imorru t-Tuneżija, u din il-beata mit-Tuneżija tmur l-Alġerija u mill-Alġerija tgħaddi għall-ġenna. It-triq kienet diffiċli, imma waslu. Aħna x’se nagħmlu?

Fid-dokumenti dejjem jissemma’ missierha William, jew aħjar Guglieme, għaliex dak iż-żmien fit-Tuneżija kien jiġi mitkellem l-Għarbi jew il-Franċiż, bħall-Alġerija wkoll. Għalkemm ta’ nisel Skoċċiż, missierha dejjem jissemma’ li twieled u tgħammed fil-parroċċa ta’ Ħal Għargħur. Fir-reġistru li l-Kappillan Dun Chris qed jesebixxi llum, hemm in-nota ta’ żwieġ ħieni ta’ William jew Guglieme Littlejohn. Il-beata tagħna Jeanne jew Angele-Marie hija wild it-tieni żwieġ. Interessanti ħafna li ommha kienet minn Sardenja, gżira oħra fil-Mediterran imma ikbar minn tagħna.

L-istorja tgħid li Skoċċiż minn Malta u tfajla minn Sardenja jiltaqgħu fit-Tuneżija u jkollhom it-tfal: tifel u tliet ibniet. Ġara li r-raġel imut fl-1941 jiġifieri Jeanne, li twieldet fl-1933, kienet għadha tifla żgħira meta tilfet lil missierha. L-erbat itfal ġew afdati f’idejn ir-reliġjużi; it-tifel kien afdat lis-Sorijiet tal-Karità u t-tliet ibniet ġew afdati lis-Sorijiet Missjunarji ta’ Nostra Signora degli Appostoli, Our Lady of the Apostles.

Meta kellha 15-il sena Jeanne rċeviet il-Griżma fit-Tuneżija, u mbagħad trabbiet mas-sorijiet u tħajret issir soru. Fl-1956 Jeanne Littlejohn għamlet sena Lourdes f’riġlejn il-Madonna bħala parti mill-formazzjoni tagħha. Imbagħad daħlet postulanta u għamlet il-postulantat tagħha fi Franza f’post qrib ħafna ta’ Lyon. Bħalma kien isir dak iż-żmien, meta mbagħad ħadet il-libsa ta’ soru, Jeanne bidlet isimha għal Angele-Marie. L-ewwel professjoni tagħha ħaditha f’Jum il-Vitorja fit-8 ta’ Settembru 1959 u din is-sena tagħlaq 60 sena mill-ewwel professjoni tagħha.

Eżattament wara kellha tmur taqdi l-vokazzjoni tagħha fl-Alġerija. Għalkemm kienet mit-Tuneżija, diġà 60 sena ilu din is-soru ntbagħtet mis-sorijiet fl-Alġerija. Sor Angele-Marie kienet soru f’kulleġġ għall-bniet u mhux biss kienet tieħu ħsieb it-tfal u ż-żgħażagħ imma kienet magħrufa wkoll bħala ħaddiema tal-bizzilla u tar-rakkmu. Fil-fatt hemm ritratt li juri lis-superjura tagħha u li nqatlet flimkien ma’ Sor Angele-Marie, ma’ xi rakkmu li kienu għamlu. Peress li kienet taħdem ħafna xogħol tal-id, fl-1964, waqt li Malta saret indipendenti, bagħtuha fi skola tal-arti industrijali ġewwa Bilcourt. Kien it-8 ta’ Settembru 1965 meta Sor Angele-Marie ħadet il-voti perpetwi u dakinhar issiġillat l-imħabba ta’ ħajjitha ma’ Ġesù.

Sor Angele-Marie Littlejohn kienet magħrufa bħala persuna li titħallat ħafna mal-ambjent fejn kienet tgħix. Kienet iżżur il-familji u kienet magħrufa wkoll għal kemm kienet taf tiżfen magħhom. Għax il-qaddisin mhumiex tal-ġibs verġni, hi verġni imma mhux tal-ġibs! Hi kienet magħrufa wkoll għat-trillo, jiġifieri għall-mod partikulari ħafna ta’ kant li għandhom in-nisa tal-Magreb. Dan kien il-mod kif jesprimu l-ferħ tagħhom u Sor Angele-Marie kienet magħrufa wkoll għal din l-espressjoni ta’ ferħ tipikament fit-Tuneżija u l-Alġerija wkoll.

…l-qaddisin huma bħalna.

Imma Sor Angele-Marie kienet magħrufa wkoll għar-ras iebsa li kellha. Tajjeb li nsemmu xi difett tal-qaddisin għaliex ħafna drabi nħossuhom ’il bogħod u wisq perfetti, imma l-qaddisin huma bħalna. Aħna lkoll mimlijin bid-difetti. Hawn xi ħadd li ma jkollux rasu iebsa kultant?

Fil-bijografija uffiċjali ta’ din il-beata laqtitni din il-frażi: “Era capace anche di intestardirci”. Meta fl-Alġerija beda l-inkwiet kontra l-Insara u anke kontra l-Iżlam moderat, u l-madre qaltilha biex jerġgħu lura fit-Tuneżija, Sor Angele-Marie weġbitha: Jiena noqgħod fejn drajt, fejn in-nies jafuni’.

It-tislima ta’ dawn is-sorijiet kienet tkun li jsejħu lit-tfajliet u lin-nisa ħbieb tagħhom bħala wlied. Kemm hi sabiħa r-reċiproċità tas-sorijiet! Għaliex in-nisa anzjani kienu jaraw lis-sorijiet bħala wliedhom u s-sorijiet kienu jirreferu għan-nisa anzjani bħala ommijiet. Imbagħad is-sorijiet kienu jirreferu għaż-żgħażagħ bħala wliedhom u min-naħa tagħhom iż-żgħażagħ iħarsu lejn is-sorijiet bħala ommijiet. Kemm hi sabiħa li l-missjunarji tagħna jintegraw fl-ambjent li jkunu fih u joħolqu familja ġdida.

Il-ħajja ta’ soru kienet ħajja sempliċi. Aħna hawnhekk magħna llum għandna soru tal-Franciscan Missionaries of Mary li kien taf personalment lil Sor Angele-Marie Littlejohn. Dawn huma nies li tajjeb li nsiru nafuhom għaliex il-qaddisin huma qrib tagħna.

Il-martri tal-Alġerija
Fit-3 ta’ Settembru tal-1995 Sor Angele-Marie u s-superjura tagħha Sor Bibiane Leclercq, Franċiża, marru għall-quddies għand is-sorijiet Franġiskani. Fis-7:15 ta’ filgħaxija ħarġu mill-kappella tas-sorijiet Salesjani u bdew mexjin għat-triq fejn kienu joqgħodu fin-numru 105. Fin-numru 92 kien hemm xi ħadd lest għalihom u sparalhom diversi tiri ta’ arma tan-nar u qatilhom.

Flimkien ma’ dawn is-sorijiet, bejn l-1994-1996 fl-Alġerijia mietu 17-il persuna oħra. Din il-lista ta’ 19-il beatu ġdid, fosthom anke Sor Angele-Marie, ġiet imħabbra u kkonfermata fit-8 ta’ Diċembru li għadda. Fost il-beati hemm fratell Marista u soru tal-Assunzjoni li mietu fit-8 ta’ Mejju 1994; żewġ sorijiet Agostinjani missjunarji li nqatlu fit-23 ta’ Ottubru 1994; erba’ saċerdoti missjunarji tal-White Fathers li nqatlu fis-27 Diċembru 1994. Iż-żewġ sorijiet li tkellimna dwarhom, Angele-Marie u Bibiane, inqatlu fit-3 ta’ Settembru 1995. Soru tal-Little Sisters of the Sacred Heart inqatlet fl-10 ta’ Novembru 1995; 7 monaċi Trappisti li nqatlu fil-21 ta’ Mejju 1996. Imbagħad l-aħħar martri huwa l-isqof Dumnikan Pierre-Lucien Claverie li nqatel fl-1 ta’ Awwissu 1996.

Sor Angele-Marie Littlejohn… tfakkarna li għalkemm aħna miżgħudin bid-difetti, aħna msejħin nkunu xhieda ta’ Ġesù…

Nitolbu bl-interċessjoni ta’ dawn il-martri li huma nies bħalna li nqatlu b’mibegħda kbira għax ħabbew lil Ġesù imma llum qegħdin igawdu l-glorja bħal martri li aħna nivveneraw. Intom hawnhekk fil-parroċċa ta’ Ħal Għargħur għandkom devozzjoni u mħabba kbira lejn San Bartilmew, appostlu u martri, imma l-martri nsibuhom f’kull żmien! U Sor Angele-Marie Littlejohn—wild William Littlejohn, iben din il-parroċċa—tfakkarna li għalkemm aħna miżgħudin bid-difetti, aħna msejħin nkunu xhieda ta’ Ġesù, u lil Alla ma niddejqux ngħidulu: ‘Inti ma ddejjaqtx tiċċappas magħna, aħna mhu se nitilquk qatt’. “Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla.”

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta