Lectio Divina tat-2 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

Vanġelu (Gw 2, 1-11): Ġwanni jagħti ċerta mportanza għall-fatt tal-lum, u jsejjaħlu l-ewwel sinjal (miraklu) li għamel Ġesu’, fejn “wera s-sebħ tiegħu u d-dixxipli emmnu fih.”  

Hawn min isaqsi li, jekk il-mistednin kienu ġa xorbu tant li spiċċa l-inbid kollu, kien hemm għalfejn Ġesu jipprovdi 600 litru ieħor ta’ nbid?  U kien hemm bżonn miraklu?  Setgħu jagħmlu ġabra u jmorru jixtru ftit ieħor, u Ġesu’ kien iħalli l-mirakli għal xi ħaġa aktar importanti (e.g. qawmien ta’ Lazzru).  U Ġesu’ kif sejjaħ lil ommu “mara” u mhux “Ma”?  It-tweġiba għal dawn id-domandi hi din: Biex nifhmu dar-rakkont ma nistgħux inħarsu lejh bħala fatt sempliċi ta’ kronaka, imma bħala “sinjal” miktub b’lingwaġġ u immaġini Bibliċi li rridu ninterpretaw sew fil-fond biex nifhmu l-messaġġ ta’ din is-silta.

  1. “Sar tieġ f’Kana tal-Galilija.”  L-ewwel ħaġa li tolqotna hi li Ġwanni ma jsemmix l-għarajjes.  Ma jgħidux kelma l-anqas meta l-kap tal-mejda jlumhom għax żammew l-ifjen inbid sal-aħħar.  Dan għaliex Ġwanni qed jitkellem fuq “tieġ” ieħor.  Il-Battista se jgħid: “Jien mhux l-għarus imma l-ħabib tiegħu.  Naqbeż bil-ferħ meta nisma’ l-leħen tal- Għarus riesaq lejja.”  F’ikona orjentali tat-Tieġ ta’ Kana insibu l-għarus liebes tunika ħamra (simbolu tan-natura Divina) u mantell ċelesti (in-natura umana).  Dan jindika li Ġesu’ hu l-Għarus.   L-għarusa hi l-umanita’.  Ġesu’ niżel fid-dinja biex jagħti bidu għal din il-festa ta’ dan it-tieġ li tant tkellmu fuqu fl-Antik Testment, fejn Alla meqjus bħala l-Għarus tal-poplu magħżul, Israel: “Jien nagħmlek l-għarusa tiegħi ħalli tagħmel esperjenza tas-sbuħija tal-imħabba Tiegħi” (Ħosegħa).  Mela Alla ma qiesx ruħu bħala padrun tal-Lhud li jaqduh bħala servi bil-paga.  “Kif l-għarus jifraħ bl-għarusa, hekk Alla tiegħek jifraħ bik”  (Isaija). Alla jifraħ meta jara l-għarusa Tiegħu ferħana. “Anki jekk il-muntanji jiċċaqalqu, l-imħabba Tiegħi lejk ma titbigħedx” (Isaija).  U jekk l-għarusa titilqu, dan l-Għarus ma jistax jagħmel mod ieħor ħlief li jmur jiġri warajha biex iġibha lura.  In fatti, ulied Israel ma kellhomx rapport ta’ mħabba m’Alla imma wieħed kummerċjali: “intik ħa ttini, noffrilek sagrifiċċju tal-ħruq fil-ħin eżatt stabbilit (inkella ma jgħoddx!)  u inti tixħet xita ta’ barkiet fuqi, fuq familti, ir-raba u il-bhejjem tiegħi.”  Dan barra l-fatt li kienu jqisu ‘l Alla bħala mħallef sever li jikkastiga bl-aħrax kull ksur tal-liġi Tiegħu.  F’ Dewteronomju insibu tnejn u ħamsin minn dawn il-kastigi.  
  2. Imħabba f’hekk, kienu ffissati bil-purifikazzjoni.  Illum naraw sitt (numru imperfett) ġarar għall-ħasil.  Kienu tal-ħaġar bħat-twavel tal-liġi.  Kienu vojta, i.e. tilfu l-użu tagħhom.  Dir-reliġjon qatt ma setgħet tagħmel Lhudi ferħan, imma mimli ansjeta’ u biża’ li jikser xi wieħed mis-613-il preċett li vvintaw il-Fariżej.  Dawn naqashom l-inbid, i.e. iċ-ċelebrazzjoni tal-ferħ.  L-inbid jissemma’ 141 darba fl-Antik Testment u 34 fil-Ġdid.  “L-inbid iferraħ il-qalb” (Bin Sirak, Salm 104).  Kien hemm Lhud li kellhom rapport ta’ mħabba mal-Mulej, e.g. il-profeti u s-Salmisti:  “Int ma titlaqnix fl-imwiet, mhux se tħalli l-maħbub Tiegħek jara l-korruzzjoni” (Salm 16), i.e. “ma jistax ikun li din l-imħabba se tintemm fil-qabar.”  Bil-fors li trid tkompli għal dejjem.
  3. Min jinduna li naqas l-inbid?  Mhux l-Iskribi u l-Fariżej  imma omm.  Din l-omm hi Marija, imma qed tirrapreżenta l-poplu Lhudi, l-għarusa magħżula tal-Mulej.  Mill-ġuf  ta’ din ‘l-għarusa’ ħareġ Ġesu’ biex jikkoreġi dil-attitudni kummerċjali m’Alla.  Għal dir-raġuni Ġesu’ jindirizza ‘l ommu bħala “mara”, u mhux biex jonqos mir-rispett.  L-istess se jagħmel fuq il-Golgota meta  Ġesu’ jgħid lil Ġwanni: “Tinsiex li ommok hija Israel.”  F’Kana Ġwanni jgħid “m’għandhomx (mhux naqas) inbid,” i.e. qatt ma kellhom – m’hemm l-ebda ferħ f’dan it-tieġ (tort tal-imġieba kummerċjali).  Allura dik il-parti ta’ Israel li kellhom rapport kif suppost m’Alla,   issa, permezz ta’ Marija,  jirrikorru għand Ġesu’ biex itihom l-ilma li se jsir  għajn ta’ ħajja u ferħ.    
  4. “Is-siegħa tiegħi għadha ma ġietx.”  Din traduzzjoni stramba, għax Ġesu’ ġie biex iġib il-ferħ.  Aktarx Ġesu’ għamel domanda mhux stqarrija: “Taħseb li waslet is-siegħa li nagħmel miraklu?”  U Marija twieġeb billi tgħid lis-servi: “Kull ma jgħidilkom għamluh,” għax kienet taf li Ġesu’ jġib il-ferħ permezz tal-ilma, simbolu tal-Ispirtu Tiegħu.  Il-ġarar vojta jindikaw li f’dat-tieġ m’hemmx ferħ, għax maħnuq bit-tradizzjonijiet tar-rabbini.  Aħna jiġrilna l-istess jekk moħħna jkun biss biex naqilgħu merti u indulġenzi bħala ħlas immedjat.  X’jiġik f’rasek meta tisma’ “prattika tar-reliġjon” jew “ħajja fil-kunvent”?  Ferħ, festa u kant jew sagrifiċċji, dwejjaq  u geddum?  Kemm naraw nies almenu jitbissmu fil-Quddiesa tal-Ħadd? Nafu li kull Quddiesa hija Ikla ta’ Tieġ?  Fejnu l-ferħ ta’ dawk li qed jiċċelebraw l-imħabba kbira li Kristu (L-Għarus) għandu għalihom (l-għarusa)? Jew jattendu kemm kemm ma jagħmlux dnub mejjet?  Mhux ta’ b’xejn li qed ingerrxu ħafna nies,  l-aktar żagħżagħ, ‘il bogħod mill-Knisja.
  5. “Il-qaddejja mlew il-ġarar sax-xfar.” Dawn huma l-katekisti u lajċi mpenjati oħra li jiddedikaw ħajjithom biex  jimlew il-ġarar vojta bl-ilma biex dan jinbidel fl-inbid tal-ferħ. “Newluh lill-kap tal-mejda.”  Dan suppost li kellu jieħu ħsieb ta’ kollox, imma l-anqas biss induna li m’hemmx inbid.  Dan simbolu tar-Rabbini li naqsu jippreparaw festa ta’ ferħ, imma ħanquha bi preċetti bla għadd u bla sens biex iħaxxnu bwiethom.  Dal-kap isemmi l-inbid it-tajjeb (is-sabiħ) u dak anqas tajjeb.  Illum hawn min joqgħod jixxennaq għal kif konna fl-antik.  Li nduru lura għat-tagħlim  mimli ansjeta’ fejn inpinġu Alla li jikkastiga u jpattiha bl-infern,   hija tentazzjoni: “Min ikun xorob l-inbid il-qadim, ma jkunx irid il-ġdid” (Lq 5).  Dan hu ta’ periklu kbir.  Mela,  ejjew naċċettaw bil-ferħ ir-riformi li saru u għadhom qed isiru fil-Knisja li jferrgħu l-inbid is-sabiħ tal-ferħ f’ħajjitna. 
  6. “Wera s-sebħ Tiegħu”. Ġesu juri s-sebħ Tiegħu meta jirnexxilu jipperswadina kemm iħobbna.  Min hu persważ li Alla jħobbu, żgur li hu ferħan.

Sors: lachiesa.it/lituria/omelie/padrefernandoarmellini

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading