Evanġelju tal-Erbgħa 23 ta’ Jannar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 3, 1-6

Dan ir-raba’ konfront ma seħħx b’kumbinazzjoni. Forsi normalment ma tantx nagħtu kas li fl-Evanġelju ta’ San Mark, uħud mill-mirakli li wettaq Ġesù huma marbutin ma’ dawn il-konfronti bejnu u bejn il-mibgħuta tal-awtoritajiet reliġjużi f’Ġerusalemm, li parti minn xogħolhom kien li jmorru kullfejn imur hu u jissidnikaw kull kellma li jgħid u kull mossa li jagħmel.

Dan is-Sibt jista’ jkun xi ġimgħat wara li Ġesù ħareġ spirtu ħażin minn wieħed raġel. Għalkemm il-kelma tiġri bħar-riħ, imma rridu nżommu f’moħħna li vjaġġ bejn Ġerusalemm u Kafarnaum kien jieħu ftit jiem sew. Il-fatt hu li din id-delegazzjoni kienu mhux biss jissindikaw imma kienu diġa bdew jippruvaw jibnu allejanzi biex ikollhom qawwa ikbar.

Min għandu intenzjoni ħażina jipprova jsib kompliċi li ma jtellfuhx u li jgħinuh fil-ħsibijiet ħżiena tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li Ġesù nnifsu iktar ’il quddiem jgħid li ulied id-dlam jimxu bil-għaqal ħafna ma min hu tal-qata’ tagħhom, anke ma min ma hux. Id-dixxipli ta’ Ġwanni l-Għammiedi mhux bilfors kellhom intenzjonijiet ħżiena, għalkemm uħud minnhom setgħu ħassew li żmienhom kien qorob fi tmiemu mat-tixjin tal-imgħallem tagħhom u l-kobor jikber ta’ Ġesù, iżda id-delegazzjoni minn Ġerusalemm irnexxielha sseħibhom magħha, kontra Ġesù. F’din is-silta l-evanġelista jgħidilna li ssieħbu wkoll mal-Erodjani, li sa dak iż-żmien kienu jqisuhom għedewwa tagħhom minħabba li Erodi kien pupazz f’idejn ir-Rumani u r-Rumani kienu l-ħakkiema li jxekklu l-awtorità u s-setgħa li l-Fariżej u sħabhom seta’ kellhom. Għall-ħażin nissieħeb ma’ kulħadd, basta niskeb dak li rrid.

Għalkemm jidher li l-protagonista f’dan ir-rakkont dwar dak li ġara f’dak fis-Sibt f’dik is-sinagoga huwa r-raġel b’idu niexfa, Ġesù jibqa’ ċ-ċentru. Jidher li mhux tall m ajibżax minn dawn is-sindikajri, iżda jisfidahom. Ġesù jaf għalfejn qegħdin hemm. Diġa kienu kkonfrontawh dwar il-liġi tas-Sibt. Għalhekk lir-raġel jordnalu biex jersaq fin-nofs.

Dan ir-raġel, minn dak li jgħid l-evanġelista, jidher li ma kienx b’idu niexfa mit-twelid. Kienet kundizzjoni komuni ħafna f’dawk li jibnu. Jista’ jkun li l-kundizzjoni tiegħu kienet ikkawżata minn xi inċident jew inkella nuqqas ta’ ikel bnin. Hija kundizzjoni li tiżviluppa maż-żmien u li tirrendi l-parti tal-ġisem marida, jew il-ġisem kollu, bla saħħa. Jekk kien raġel tal-familja, kif x’aktarx kien, la seta’ jieħu ħsieb tiegħu innifsu u lanqas ta’ dawk li kienu afdati f’idejh, il-familja tiegħu, martu u wliedu. Kien tallab. Jgħix minn dak li jagħtih ħaddieħor. Biex iżid il-gravità tal-effett tal-kundizzjoni tiegħu, San Luqa jgħidilna li l-id niexfa kienet il-leminija.

X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt? X’jiswa li tagħmel dejjem! Issalva ħajja jew toqtolha. Kliem Ġesù juri li mill-fejqan ta’ dik l-id kienet tiddependi l-ħajja tal-bniedem. Kliem Ġesù juri li l-prijorità għandha tkun, dejjem u kullimkien, il-ġid tal-persuna. Mill-ftit ġid li tista’ ġġarrab, il-ħajja ta’ bniedem tista’ tinbidel mil-lejl għan-nhar. Ħadd, qatt u xejn m’għandu jżommna milli nagħmlu l-ġid. Minn jaf kemm-il darba ma nsibuha bi tqila xejn ngħidu kelma kontra xi ħadd u ndumu naħsbuha ġranet qabel niddefendu lil xi ħadd, jew ngħidu kelma ta’ ġid dwaru. Minn jaf kemm-il darba ma naħsbuha xejn biex inqarrqu, nisirqu, naħtfu, imkissru lil xi ħadd bi kliemna jew għemilna u mbagħad inkaxkru saqajna biex nagħmlu nitfa ġid; nitfa’ ġid litista’ tibdel ħajja ta’ bniedem.

Għalkemm għall-mistoqsija ta’ Ġesù il-mibgħuta baqgħu siekta, għax it-tweġiba kienu jafuha, fil-fond ta’ qalbhom jidher ċar li xorta riedu jkomplu bl-intenzjoni ħażina tagħhom. Ftit wara ħarġu u bdew jifthiemu kif jeqirduh. Dawn in-nies kienu jaħsbu li kellhom anke l-permess jeqirdu lil xi ħad dli jagħmel il-ġid.

Ġesù jħares lejhom b’ħarsa qalila u jitnikket minħabba l-għebusija ta’ qalbhom. In-niket tiegħu mhux dwar dak likienu jaħsbu fuqu, iżda għax qalbhom kienet magħluqa għall-ġid, li għada pitgħada seta’ jkun għalihom ukoll. Anke huma, li kieku kienu morda, kienu jixtiequ li jfiqu, hu x’inhu il-jum, hu fejn hu il-post.

Quddiem il-ġid m’hemm tfixkil u m’hemmx ħsibijiet. Il-ġid imqanqal mill-ispirtu ta’ ħniena u mogħdrija ta’ Alla, jiġi l-ewwel u qabel kollox għax bil-ġid li jsir jinbidlu l-ħajjiet tal-bniedem għall-aħjar. Iktar ’il quddiem San Pawl jgħid b’wiċċu minn quddiem li l-liġi toqtol imma l-ispirtu jaħji.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading