Quddiesa fl-Anniversarju tal-Parroċċa ta’ Fleur de Lys


Il-Ġimgħa, 25 ta’ Jannar 2019: L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fl-Parrocca ta’ Fleur de Lys, fil-Festa tal-Konverzjoni ta’ San Pawl li kienet ukoll il-ġurnata tal-Anniversarju tal-istess Parroċċa.

LAQGĦA LI ĠABET BIDLA RADIKALI

Il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl hi festa kbira għall-Knisja kollha. Pawlu kien wieħed mill-iktar bnedmin influwenti u figura importanti ħafna fil-Knisja tal-bidu. Imma għalina f’Malta Pawlu jfisser iktar, minħabba li nafu lil Pawlu l-bidu tal-fidi tagħna.

Il-festa tal-lum hi l-bidu tal-fidi Kattolika ta’ Pawlu, dak inhar li fih seħħet bidla radikali. Kollu ħeġġa hu kien jippersegwita l-insara, b’determinazzjoni kbira. Fit-triq lejn Damasku, jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu ħaj, u hawn isseħħ il-konverżjoni tiegħu.

Innutaw: il-konverżjoni ma sseħħx minħabba xi persuna, għax lil Pawlu jipperswadih xi ħadd. Lanqas ma sseħħ minħabba riflessjoni personali, wara li Pawlu għadda żmien jirrifletti. Lanqas ma hi konverżjoni li ġiet minħabba kriżi ta’ kuxjenza. Isseħħ minħabba l-laqgħa li kellu ma’ Kristu, li jgħidlu: “Jien Ġesù li int qed tippersegwita”.

Kienet din il-ġrajja li bidlitu. Għenitu jagħraf li l-isforzi kbar tiegħu kienu f’direzzjoni ħażina, kien qed jagħmel ħidma kbira imma fit-triq żbaljata. B’din il-ġrajja ntebaħ ħaġa importanti ħafna li mmarkat lil Pawlu għal ħajtu: li hu Ġesù Kristu li jsalva. Hu li jagħtina ħajja ġdida. Mhumiex l-isforzi tagħna, mhumiex il-merti tagħna. Għalhekk il-pitturi jġibuh jaqa’ mal-art, jitlef il-qawwa kollha li għaddej biha, u jitlef id-dawl ukoll.

Din kienet it-trasformazzjoni tiegħu li għamlitu appostlu tal-ġnus. Kienet trasformazzjoni li tatu ħajja ġdida. Fi Kristu, ma’ Kristu, bi Kristu. Iddedika ħajtu kollha għal Kristu ħaj, biex ixandru lill-ġnus. L-enerġija, l-isforzi użahom f’direzzjoni ġdida.

Il-festa tal-lum tagħtina messaġġ importanti, speċjalment lilkom li qed tiċċelebraw dan l-anniversarju tal-parroċċa ta’ Fleur de Lys.

Il-laqgħa personali ma’ Kristu

L-iktar importanti għalina individwali u bħala komunità parrokkjali hi l-laqgħa personali ma’ Kristu. Hu Kristu li aħna nxandru. Iktar ma aħna jkollna din il-laqgħa personali ma’ Kristu, kif Papa Franġisku jfisser tant tajjeb fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, iktar nilħqu l-għan ta’ ħajjitna. Hu b’dan il-mod li mbagħad nistgħu nwasslu lill-oħrajn għand Kristu, għax dak hu l-iskop ta’ kull ħidma pastorali li ssir. M’humiex l-attivitajiet fihom infushom, imma hu l-fatt li dawn jgħinu lin-nies f’din il-laqgħa ma’ Kristu. Marija stess, meqjuma b’devozzjoni f’din il-parroċċa taħt it-titlu tal-Karmelu, hi dik li tieħu lilna għand Kristu, dejjem twassalna għandu.

Insalvaw bil-qawwa ta’ Kristu

M’humiex il-merti tagħna, l-isforzi tagħna, li jsalvawna. M’huwiex it-tajjeb li nagħmlu li jġib lil Ġesù Kristu jħobbna, jew li jattirah lejna, imma hi l-imħabba tiegħu li taħdem fina u tgħinna biex nagħmlu t-tajjeb u biex l-enerġija tagħna tkun tassew għall-ġid. Dan hu messaġġ f’waqtu għalina individwali imma wkoll għall-komunità parrokkjali. Aħna nsalvaw bil-qawwa ta’ Kristu, u t-tajjeb li nagħmlu, nagħmluh bl-għajnuna tiegħu. Hu L-Ispirtu tiegħu li jaħdem fina u aktar ma niftħu qalbna għalih, aktar jista’ jaħdem.

Konverżjoni kontinwa

Aħna niċċelebraw illum il-konverżjoni ta’ San Pawl. Imma, fil-fatt, San Pawl jurina li l-konverżjoni hi meħtieġa tul ħajjitna kollha. Għal San Pawl stess ma kinetx bidla ta’ darba, imma trasformazzjoni fi Kristu li kompliet tul ħajtu kollha. Bis-saħħa ta’ dan, hu għen lill-Knisja fil-bidu tagħha biex tagħmel konverżjoni pastorali, tant meħtieġa dak iż-żmien ħalli tista’ toħroġ u tinfirex ’il barra. Kienet konverżjoni li ma ħallietx lill-Knisja maqfula f’komunità żgħira.

Din il-konverżjoni pastorali hi tant meħtieġa wkoll fi żmienna, kif Papa Franġisku jsostni fl-Evangelii gaudium, fejn juri x-xewqa li kull komunità tieħu dan l-impenn ta’ konverżjoni pastorali b’mod li dak kollu li jsir ikun intenzjonat biex l-Aħbar it-Tajba ma tibqax magħluqa fiċ-ċrieki tas-soltu imma tasal għand min jew ma semax bi Kristu jew tbiegħed minnu.

F’din iċ-ċelebrazzjoni, nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Marija u bl-ispirazzjoni ta’ Missierna San Pawl, biex din il-parroċċa, li llum qed tiċċelebra l-anniversarju tagħha, tissaħħaħ fil-ħidma taghha biex tlaqqa’ n-nies ma’ Ġesù Kristu ħaj, dak li jista’ jsalvahom, u tkompli bl-impenn tagħha għal konverżjoni pastorali.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju