Il-Ħamis, 7 ta’ Frar 2019: Biex niftħu qlub ħaddieħor u nistednuhom għall-konverżjoni neħtieġu l-manswetudni, l-umiltà u l-faqar, fuq il-passi ta’ Kristu. Dalgħodu l-Papa Franġisku għamel omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta li fiha rrifletta dwar is-silta mill-Evanġelju skont San Mark li ttina l-liturġija tal-lum: messaġġ ta’ fejqan.
Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu biex ifejqu, l-istess bħalma għamel Hu meta ġie fid-dinja biex ifejjaq l-għerq tad-dnub tagħna, id-dnub tan-nisel. Il-fejqan ifisser li toħloq mill-ġdid, innota l-Papa Franġisku: Ġesù ħalaqna mill-ġdid mill-għeruq u mbagħad mexxiena ’l quddiem bit-tagħlim tiegħu, bid-duttrina tiegħu li hi duttrina ta’ fejqan, dejjem. Imma l-ewwel kmandament li tana kien illi nikkonvertu.
L-ewwel fejqan huwa l-konverżjoni, jiġifieri li niftħu qalbna sabiex fiha tidħol il-Kelma t’Alla. Il-konverżjoni tfisser li tibda tħares lejn xi mkien ieħor. Dan jiftaħ il-qalb u b’hekk tara affarijiet oħra. Imma jekk il-qalb hi magħluqa ma tistax tfiq. U lilhom jgħidilhom: ‘Ikkonvertu, iftħu qlubkom.’ Aħna l-Insara nagħmlu ħafna affarijiet tajbin, osserva l-Papa, imma jekk qalbna hi magħluqa, kollox ikun lagħqa żebgħa minn barra. U mal-ewwel xita kollox jgħib. Allura l-Papa stedinna nistaqsu lilna nfusna: Inħossha jien din l-istedina għall-konverżjoni, li niftaħ qalbi biex titfejjaq, biex insib lill-Mulej, biex nimxi ’l quddiem?
Imma biex tħabbar il-konverżjoni lin-nies teħtieġ l-awtorità. Biex tinkiseb, Ġesù jgħidilna fl-Evanġelju: ‘Tiħux miegħek ħlief il-ħatar – la ħobż, la ħorġa u lanqas flus.’ F’kelma waħda l-faqar: l-appostlu, ir-ragħaj huwa dak li ma jfittixx il-ħalib tan-nagħaġ, li ma jfittixx is-suf tan-nagħaġ, qal Franġisku b’riferiment għal dak li afferma Santu Wistin li kien qal li meta wieħed ifittex il-ħalib, ikun ifittex il-flus, u min ifittex is-suf iħobb jiddandan b’rixu, huwa xabbatur li jfittex l-unuri.
Għaldaqstant hemm ħtieġa tal-faqar, tal-umiltà u tal-manswetudni, issokta Franġisku. U kif iħeġġiġna Ġesù fl-Evanġelju: jekk ma jilqgħukomx, morru xi mkien ieħor, farfru t-trab minn mas-sandli bil-manswetudni u l-umiltà, għax dan hu l-atteġġjament tal-appostlu.
Jekk appostlu, mistieden, xi ħadd minna, jersaq bi mnieħru mxammar, iħossu superjuri, jew ifittex xi interess personali għax jimmira għal xi post fil-Knisja, qatt mhu se jirnexxilu jfejjaq lil ħadd, għax ma jkollu ħila jiftaħ qalb ħadd, għax kelmtu tkun nieqsa mill-awtorità.
L-awtorità tad-dixxiplu hi li jimxi fuq il-passi ta’ Kristu: il-faqar – Alla li sar bniedem, ixxejjen, tneżża’ minn kollox! Hu Ġesù li jterraq it-toroq biex ifejjaq. B’dan l-atteġġjament tal-faqar, l-umiltà u l-manswetudni, l-appostlu jikseb l-awtorità biex jgħid ‘ikkonvertu’, biex jiftaħ il-qlub.
U wara l-konverżjoni, il-mistednin keċċew ix-xjaten bl-awtorità li jgħidu: Dan xitan, dan hu dnub, dan l-atteġġjament hu impur, ma tistax tagħmlu.
Iżda dan irid jingħad bl-awtorità tal-eżempju li nagħtu mhux bl-awtorità ta’ bniedem li jħares ’l isfel lejn in-nies għax mhux interessat fihom, saħaq il-Papa Franġisku. Atteġġjament ta’ superjorità mhux awtorità imma awtoritariżmu. Quddiem l-umiltà u s-setgħa f’isem Ġesù, ix-xjaten jaħarbu għax ma jifilħux jaraw lil min ifiq minn dnubu.
Imbagħad il-mistednin ifejqu wkoll il-ġisem biż-żejt tal-morda. Id-dilka hi t-tmellisa ta’ Alla. Infatti, issokta l-Papa, iż-żejt irattab il-ġilda u bih tħossok aħjar. Għalhekk l-appostli għandhom jitgħallmu ‘dan id-dehen tat-tmellisa ta’ Alla’.
B’hekk ifiq in-Nisrani, mhux biss is-saċerdot, l-isqof, imma lkoll kemm aħna. Nistgħu nfejqu b’kelma tajba, bil-paċenzja, b’xi parir tajjeb, b’ħarsa, imma dejjem bl-umiltà. Ilkoll neħtieġu l-fejqan għax ilkoll għandna l-mard spiritwali.
Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nfejqu kif kien ifejjaq Hu: bil-manswetudni, bl-umiltà, bis-setgħa fuq id-dnub, kontra x-xitan, u nibqgħu ninsistu biex infejqu lil xulxin għax dik hi l-komunità nisranija.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.