X’se ngħaddu lil uliedna? Mużewijiet jew fidi ħajja?


Il-Ħadd, 10 ta’ Frar 2019: Quddiesa mill-Arċisqof fil-festa ta’ San Pawl Nawfragu.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta

Ir-rakkont mill-Atti tal-Appostli li għadna kemm qrajna u li tant jagħmilna kburin, u bir-raġun, jippreżenta lil Pawlu l-Appostlu Missierna bħala protagonist waqt il-vjaġġ qalb it-tempesta. Jitkellem diversi drabi u jagħti mhux biss kuraġġ imma indikazzjonijiet ċari lill-ekwipaġġ u lill-passiġġiera.

Pawlu jagħraf li hu ta’ Alla u li jqim lil Alla.

L-ewwel darba li Pawlu tkellem waqt il-vjaġġ fil-qalba tal-Mediterran waqt grigalata straordinarjament vjolenti, huwa biex jikkomunika messaġġ li rċieva mingħand messaġġier qaddej tal-Mulej. Jippreżenta lilu nnifsu bħala dak li huwa ta’ dan Alla u jqimu (ara Atti 27:23). Il-messaġġier jirrapreżenta lil Alla, u Pawlu jagħraf li hu ta’ Alla u li jqim lil Alla. Hu jagħmlilhom kuraġġ. Jgħidilhom li hemm bżonn jafdaw, li hemm bżonn jagħmlu l-qalb u meta wara 14-il jum jiddeċiedi li hemm bżonn jitrejqu, jibda u jagħti l-eżempju. “Issa ġa ilkom 14-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb u trejjqu b’xi ħaġa ta’ l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu. Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol” (Atti 27, 33-35). Pawlu, li lilna l-Maltin u l-Għawdxin għallimna nħobbu mill-qalb, nimmaġinah jaqsam l-ħobża li kellu ma’ ħaddieħor.

Il-liġi tal-proporzjon
Il-miġja tiegħu fostna hija laqgħa ma’ poplu li, għalkemm Luqa jindikah bħala poplu li ma kellux il-kultura Griega u għalhekk isejħilna barbaroi, kienet ta’ sensibbiltà umana kbira u profonda. Ta’ kull sena jixraq li nfakkru ċerti karatteristiċi ta’ dawn in-nies ta’ Melitae li magħhom iltaqa’ Pawlu. Kienu nies li meta jaraw lil xi ħadd fil-bżonn, jagħmlu xi ħaġa ta’ ġid; li jilqgħu lil min kien nawfragat – u mhux qed ngħidu wieħed u tnejn, imma 267; jagħmlulhom ħuġġieġa “għax kienet biet niezla x-xita u kien il-bard” (Atti 28:2), u juruhom ġieħ kbir “Urewna magħna ġieħ kbir” (Atti 28:10).

Għandhom sens kbir ta’ ġustizzja. Meta jaraw il-lifgħa taqbad ma’ id Pawlu, ħadd ma qalilhom x’kien għamel, imma jiddeċiedu li hu qattiel. Hemm bżonn nifhmu għaliex jagħmlu hekk. Għaliex huma jifhmu li l-gidma tal-lifgħa se twassal lil Pawlu għall-mewt. Imma jifhmu li l-ġustizzja hija proporzjonata: li jmut għax qatel, mhux għax seraq. Imma la ġralu xi ħaġa li biha se jmut, mela huwa qattiel, għaliex min joqtol bil-proporzjon tal-ġustizzja li kienu jemmnu fiha, għandu jmut. Għajn għal għajn, sinna għal sinna. Għax anke dik hija l-liġi tal-proporzjon. Huma ma jsemmux xi alla falz, imma jsemmu l-ġustizzja: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!” (Atti 28:4). Huma nies ġenerużi għaliex wara li Pawlu ma jmutx, l-ewwel qalu li kien qattiel imma mbagħad qalu li hu Alla, minn estrem għall-ieħor fi ftit minuti!

Il-ħidma ta’ Pawlu fost il-Maltin
Aħna nafu li ġie hawn Malta għaliex wara mar Sirakuża. Bir-rispett kollu lejn il-Kroazja u d-Dalmazja, għax hemmhekk hemm belt oħra li jisimha Mileda imma jekk minn Mileda trid tmur Ruma, kif ried jagħmel Pawlu, l-ewwel trid tmur Brindisium (Brindisi) f’Bari u mhux tmur Sirakuża. Allura San Pawl żgur ġie hawn, ma noqgħodux nitlewmu fuq din il-ħaġa.

Irridu napprezzaw x’għamel magħna Pawlu. Fi ftit kliem Pawlu x’għamel? Laqqagħna ma’ Ġesù!

Minkejja li għaddew 2,000 sena u li fuq din il-gżira ġraw ħafna affarijiet, bħalma għamilna wkoll iżjed minn 200 sena nħaddnu reliġjon oħra u bħalma ġralu l-poplu Lhudi erġajna lura lejn il-merħla ta’ Ġesù, irridu nifhmu xi tfisser għalina llum din il-providenza. Irridu napprezzaw x’għamel magħna Pawlu. Fi ftit kliem Pawlu x’għamel? Laqqagħna ma’ Ġesù! Ngħidulu Magnus u ngħidulu sew, ngħidulu Missierna fil-Fidi u hekk hu, imma rridu nkunu nafu eżattament u nifhmu x’għamel Pawlu magħna u għaliex tant hu għażiż għalina: laqqagħna ma Ġesù! Laqqagħna ma’ Ġesù bl-istint ta’ ġenerożità tiegħu. Din hi xi ħaġa li jinsisti fuqha anke San Ġwann Grisostmu fil-kummentarju li aħna s-saċerdoti naqraw fil-liturġija tal-Knisja llum.

San Ġwann Grisostmu, li jagħmel kummentajru fuq l-Atti tal-Apppostli u li kien fan kbir tal-Appostlu Missierna San Pawl, jgħid: ‘Araw lil Pawlu. Huwa wieħed minn nawfragati, wieħed mill-267, imma jaqbad u jagħmel xi ħaġa. Qed jagħmlu ħuġġieġa l-Maltin biex juru l-benevolenza, il-merħba u l-umanità kbira tagħhom? Hu wkoll jagħti daqqa t’id!’ U għalhekk l-inċident tal-lifgħa. Fl-ikonografija Pawlina hawn Malta, għalina l-lifgħa hija dak kollu li hemm bżonn inpoġġu fil-ħuġġiega tan-nar, dak kollu li ġej mill-ħażen, mix-xitan, dak kollu li ma jagħmilniex nies, Pawlu jfarfru għal fin-nar. Il-poeta nazzjonali Dun Karm għandu diversi espressjonjiet simili fil-poeżiji li kien jikteb bħal-lum.

L-id rebbieħa ta’ Pawlu
Imma ikonografija importanti wkoll li x’aktarx bdieha Melchiore Gafà f’din l-istatwa għażiża li hija ta’ Pawlu li jurina l-ħames swaba tiegħu. Id Pawlu hija ikonografija tipika, id ħielsa mill-gidma tal-lifgħa. Din l-id hija tipika tal-ikonografija Pawlina Maltija u li kellha segwitu wara l-Gafà għax tagħmel sens. Anke l-Favray, kull meta kien ipinġi lill-Appostlu Missierna kien juża’ dan is-sinjal: araw idejja meħlusa mil-lifgħa, meħlusa minn kull theddida tal-mewt, meħlusa minn kull theddida tal-ħażen. Imma għaliex? B’liema qawwa? Bil-qawwa ta’ Pawlu? Pawlu stess, bħalma għamel f’Listra jgħidilna: ‘Ieqfu. Jien m’inix Alla. Imma jien se nurikom min hu Alla veru. Huwa Alla ta’ Ġesù Kristu. Alla l-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Alla li huwa mħabba. Alla li ibnu laqqagħni miegħu nnifsu fit-triq ta’ Damasku u li għax kont qed nippersegwita lid-dixxipli tiegħu, ma qallix x’qiegħed tagħmlilhom, imma qalli ‘Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegwitani?’’ Għax Ġesù fil-verità—u Pawlu dan jikkonfermahulna—iqis magħmul lilu nnifsu dak li aħna nagħmlu ma’ ħutna, ma’ xulxin u ma’ kull bniedem. “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni … Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (ara Mt 25, 35-40). F’Mattew Kapitlu 25 il-Mulej jitkellem ukoll fuq id-destin li aħna stess ninsġu bl-għażliet, bid-deċizjonijiet u bl-għemil tagħna.

Imma jekk Pawlu laqqagħna ma’ Ġesù, laqqagħna wkoll ma’ dak Alla li biex jispjegah jgħid: “Dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim”. Allura hu laqqagħna ma’ Ġesù fil-Magħmudija u fl-Ewkaristija. Għaliex hu huwa wieħed mill-appostli li tgħammed biex isir ħaġa waħda ma’ Ġesù. F’Damasku fis-Sirja l-Mulej laqqgħu ma’ Ħananija, li ismu jfisser Alla ta’ ħniena kbira, u Ħananija jgħidlu: ‘Sawl, x’qed tistenna? Itgħammed’. U dak il-ħin meta jieħu d-deċiżjoni li jaċċetta l-istedina ta’ Ħananija, Sawlu jaqgħulu l-qxur minn għajnejh u dak li ma setax jara, jibda jara fuq diversi livelli u f’ħafna sensi! Għax hu lill-Insara kien jarahom, imma jekk l-ewwel kien jarahom bħala għedewwa, issa beda jarahom bħala aħwa u membri ta’ Ġesù Kristu. “Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegitani?”. U Sawlu baqa’ jhewden fuq dan il-kliem li rċieva mingħand Ġesù, tgħammed u sar l-appostlu.

Ftit qabel ma jiġi Malta, il-Mulej jerġa’ jkellem lill-Appostlu Missierna, almenu hekk jirrakontaw l-Atti tal-Appostli miktuba mill-għażiż San Luqa. U l-Mulej jgħidlu: “Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw” (Atti 27:24). Ma ninsewx li bil-Grieg, il-lingwa li biha nkitbu l-Atti tal-Appostli, il-kelma ‘xhud’ tfisser ‘matri’: li inti tkun xhud, li tkun martri mhux biss billi jaqtgħulek rasek bħalma għamlu l-ISIS lil dawk il-21 Kopt fuq ix-xtajta tal-Mediterran ftit tax-xhur ilu, imma li b’ħajtek inti tkun xhud, li inti ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu.

Kliem Pawlu lill-Korintin
Pawlu laqqagħna ma’ Ġesù fil-Magħmudija bħalma hu fil-Magħmudija kien ħaġa waħda ma’ Ġesù f’Damasku. Imma laqqagħna wkoll fl-Ewkaristija ma’ dan il-Mulej li hu mħabba u għotja. “Għeżież tiegħi,” jikteb l-Appostlu Missierna lill-komunità ta’ Korintu, u li jiena nqis li dan il-kliem huwa wkoll ħiereġ minn qalb Pawlu għalina l-Maltin. “Għeżież tiegħi, aħarbu l-allat foloz. Lil nies għaqlin qiegħed inkellem; għarblu intom kulma ngħid. Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka, mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed, ilkoll kemm aħna, nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1Kor 10, 14-17).

Għaliex fil-Magħmudija aħna ngħidu le lil allat foloz tad-dinja, lill kull rebgħa, lil kull firda … lil kull inġustizzja għax dawk huma frott tax-xitan li huwa giddieb, għajjur u qattiel.

It-tagħlim tal-Appostlu Missierna fuq l-Ewkaristija huwa parti minn eżortazzjoni qawwija li aħna nibqgħu ngħixu l-magħmudija tagħna; il-magħmudija li rċieva hu u li wassal lilna meta għammidna fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Għaliex fil-Magħmudija aħna ngħidu le lil allat foloz tad-dinja, lill kull rebgħa, lil kull firda, lil kull għira, lil kull vjolenza, lil kull inġustizzja għax dawk huma frott tax-xitan li huwa giddieb, għajjur u qattiel. Imma San Pawl mhux qed jittrattana ta’ tfal: “lil nies għaqlin qiegħed inkellem”. Għarblu intom bil-moħħ tagħkom, bl-intelliġenza tagħkom, bil-qawwa u l-kapaċità tagħkom għarblu intom dak li qiegħed ngħid u kulma qiegħed ngħid.

Jekk m’għandniex iżjed għatx għall-Ewkaristija, ejjew nieqfu u nifhmu u ngħarblu l-kelma tal-Appostlu Missierna

Jiena nammirah ħafna lill-Appostlu Missierna għax il-komunitajiet tiegħu, inkluż tagħna, qatt ma stmagħhom ta’ tfal; kien konxju mill-awtorità tiegħu ta’ appostlu u kien hemm mumenti meta qal: “Mhux jien imma Ġesù fija qiegħed jgħidilkom hekk għaliex jekk timitaw lili timitaw lil Ġesù”. Kliem qawwija li forsi jidhru ta’ preżunzjoni imma Pawlu tant twaħħad ma’ Ġesù li bir-raġun seta jgħid dan il-kliem waqt li jirrispetta l-libertà u l-intelliġenza tal-komunitjiet tiegħu. Hu jfakkarhom fir-rit li hu introduċilhom fil-barka fuq l-inbid, il-barka fuq il-ħobż li jgħid li huwa xirka mad-demm ta’ Kristu, huwa xirka u għaqda mal-ġisem ta’ Kristu. Jekk m’għandniex iżjed għatx għall-Ewkaristija, ejjew nieqfu u nifhmu u ngħarblu l-kelma tal-Appostlu Missierna: “Għarblu intom kulma ngħid”. Qed ifakkarna li jekk aħna rridu nkunu ta’ Ġesù, jekk aħna rridu nkunu għaqda mad-demm, jiġifieri mal-ħajja ta’ Ġesù, u mal-ġisem ta’ Kristu li huwa l-ħobż imbierek, l-Ewkaristija, allura ma nistgħux niċħduh dan id-don kbir li ġabilna l-Appostlu Missierna.

Il-Misteru tal-Ewkaristija
Bir-raġun li fil-kappella ħelwa tas-Sagrament f’din il-knisja għażiża, il-Favray ipprova jesprimi mhux biss l-għeruq fl-Antik Testment tal-Misteru tal-Ewkaristija imma wkoll il-mument meta Ġesù jagħti lilu nnifsu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”.

L-Appostlu Missierna huwa dak li jagħti l-ewwel rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija. Fl-ewwel ittra li kiteb lill-Korintin, l-Appostlu Missierna jagħti għall-ewwel darba fl-istorja tal-kitba Nisranija, ir-rakkont tat-twaqqif ta’ dan il-misteru kbir. L-Evanġelji nkitbu wara din l-ittra u allura l-ewwel rakkont li nsibu huwa fl-ewwel ittra tal-Appostlu Missierna lill-Korintin. “Jiena rċevejt,” hekk jgħid Pawlu, “mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom jiġifieri li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: ‘Dan hu Ġismi li jingħata għalikom. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi’. Hekk ukoll għamel bil-kalċi. Wara li kielu qal: ‘Il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi. Agħmlu dan kull meta tixorbu b’tifkira tiegħi’”. U Pawlu jikkonkludi hekk: “Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi”. Din hija xi ħaġa li aħna nfakkruha f’kull quddiesa wara l-Ewkaristija u aħna nisselfu t-tagħlim tal-Appostlu Missierna meta ngħidu: “Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja”. Kull meta tieklu dan il-ħobż u nixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

Imma għaliex Pawlu jħoss il-bżonn li jfakkar lill-Korintin it-tagħlim li hu kien għadda lilhom? “Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom”. Din hija xi ħaġa li jista’ jgħidha wkoll lilna l-Maltin għax mhux biss daħħal il-fejqan ta’ Ġesù fid-djar fejn ikun hemm il-mard, imma tana wkoll l-akbar teżor li seta jagħtina: laqqagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, fl-ikla li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa li twettaq il-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien ta’ Ġesù sa meta jiġi.

Pawlu qed jilmenta għall-firda, għad-diskriminazzjoni bejn il-fqir u s-sinjur, għal min hu bil-ġuħ u għal min hu fis-sakra.

Imma għaliex Pawlu jinsisti mal-Korintin? Ħin minnhom jilmenta ftit. Inħalli f’idejkom tiġġudikaw jekk dan il-kliem jgħoddx għalina wkoll. “Għarblu intom dak li qiegħed ngħid. Dan li se ngħidilkom ma nfaħħarkomx,” jgħid San Pawl lill-Korintin. “Għax intom tiltaqgħu mhux għall-ġid imma għad-deni. Qabel xejn, kull meta tiltaqgħu fil-knisja smajt li hemm firda bejnietkom, u xi ħaġa nemmen. Għandu jkun hemm firdiet, biex jidhru fostkom il-ġusti. Meta tiltaqgħu f’post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu. Għax kull wieħed minnkom iġib jaqbad, jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. M’għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fil-għajb il-Knisja ta’ Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li m’għandhomx? X’ngħidilkom? Infaħħarkom? F’dan ma nfaħħarkomx” (1 Kor 11, 17-22).

Pawlu qed jilmenta għall-firda, għad-diskriminazzjoni bejn il-fqir u s-sinjur, għal min hu bil-ġuħ u għal min hu fis-sakra. Qed jgħid kif aħna nistgħu niċċelebraw l-Ewkaristija u ma mmiddux idejna biex fis-soċjetà tagħna jonqsu dawn l-inġustizzji, jonqsu dawn id-distinzjonijiet bejn min hu bil-ġuħ u min hu fis-sakra?

“Mela kull min jiekol,” jinsisti Pawlu, “il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu,” għax fil-komunità qed iġib il-firda, jew huwa l-awtur tal-inġustizzja, jew ma jimpurtahx mill-proxxmu, “ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi” (1Kor 11, 27-28). Interessanti li hawnhekk, Pawlu, waqt li jirrispetta l-awtonomija, il-maturità u l-intelliġenza tal-komuntà, jgħid: “Għarblu intom dak li qed ngħid”. Imma jgħid ukoll li qabel tersaq lejn l-Ewkaristija: “Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess. Għalhekk ħafna fostkom huma bla saħħa u morda u oħrajn mejta. Jekk aħna ngħarblu lilna nfusna sewwa, ma nkunux ikkundannati” (1Kor 11, 28-31).

Il-fidi vera li ġabilna Pawlu
Għalhekk Pawlu jagħtina wkoll sens ta’ tama. Għax jistmagħna u jħobbna bħalma missier iħobb lil uliedu, jgħidilna li hemm bżonn ngħarblu lilna nfusna, niddixxernu u nagħmlu eżami tal-kuxjenza. “Għalhekk mela, ħuti, meta tiltaqgħu biex tieklu, stennew lil xulxin. Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ ħa jiekol id-dar; biex ma tkunux iltqajtu għall-kundanna tagħkom” (1Kor 11, 33-34) Pawlu qed jgħidilhom li aħna niċċelebraw l-Ewkaristija imma l-Ewkaristija trid twassalna għall-ġustizzja u għall-karità ta’ bejnietna. Meta s-saċerdot jgħidilna “morru fil-paċi ta’ Kristu” qed jgħidilna biex dak li rċevejna mill-Ewkaristija u mill-quddiesa, aħna nkompluh fil-ħajja tagħna. Hemm min jgħid il-quddiesa trid tgħixha fil-ħajja ta’ kuljum. Ħafna drabi l-fidi li ġabilna San Pawl saret jew libsa li nxiddu fl-okkażjonjiet importanti jew kwistjoni ta’ folkor, jew inkella garzella li nużaw meta nidħlu f’dawn l-imkejjen imqaddsa li aħna kburin bihom li nsejħuhom il-knejjes tagħna.

Imma Pawlu, li laqqagħna ma’ Ġesù fil-Magħmudija tagħna u li qasam magħna l-ikbar teżor li hu l-Ewkaristija, jgħallimna li l-Ewkaristija u l-quddiesa tal-Ħadd—u għal min hu ffortunat ta’ kuljum—hija l-laqgħa ma’ Kristu, ix-xirka mad-demm u mal-ġisem tiegħu, imma hija wkoll il-kriterju tal-imħabba tagħna. Hija stimolu, xprun, biex aħna nkissru l-firda ta’ bejnietna, naħdmu għal soċjetà iżjed ġusta, u niġġieldu kull diskriminazjoni bbażata fuq il-faqar jew inkella r-regħba.

Kulħadd jgħix ir-responsabbiltà tiegħu!

Jiena nbierek lil kull min fis-soċjetà tagħna dan qiegħed jagħmlu; kull min bil-poter u r-responsabbiltà li għandu, imma kull wieħed u waħda minna aħna responsabbli, l-aħwa. Ma nippuntaw subgħajna lejn ħadd! Kulħadd jgħix ir-responsabbiltà tiegħu! Pawlu lill-Korintin kellimhom ċar u lilna wkoll qiegħed ikellimna ċar. Hu f’idejna li ngħarblu dak li qed jgħidilna. Iċċelebrawha l-Ewkaristija, fittxuha l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, imma għejxuha biex il-laqgħa tal-Ewkaristija mal-poplu u tal-poplu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija ġġib barka u mhux kundanna.

Il-poeta nazzjonali bħal-lum kien iħobb jiċċelebra l-laqgħa ta’ Pawlu ma’ Publiju u ma’ Malta u aħna din it-tradizzjoni minn dejjem ħaddannieha u nibqgħu nħaddnuha. Ma nagħmlux mill-knejjes tagħna mużewijiet tal-irħam u tal-kristalli u tal-pitturi famużi. Imma nkomplu nagħmlu mill-knejjes tagħna dak il-maqdes ħaj li fih niltaqgħu ma’ Kristu ħaj. Dan hu li jixtieq Pawlu għalina. Dak li ġabilna mhux folklor ta’ missirijietna, imma huwa don u rigal li magħhom iġibu responsabbiltà kbira. X’se ngħaddu lil uliedna? Mużewijiet jew fidi ħajja? “Għarblu dak li qed ngħidilkom”. Meta Ġesù staqsa: “Bin il-bniedem, meta jiġi fuq l-art, isib il-fidi?” Hu li kien jaf kollox, ma rrispondiex għax ir-risposta hija f’idejna. Għax ir-risposta tal-fidi hija l-għarfien li Alla jħobbni u li jien nirrispondih b’imħabba lejh u lejn ħuti, lejn il-proxxmu tiegħi.

Illum, waqt li f’din il-ġurnata sabiħa Pawlu jgawdi l-mixja tradizzjonali mal-Belt għażiża tagħna, il-Belt Valletta, permezz tal-istatwa sabiħa tal-Gafà, nitolbuh biex ifakkarna kemm iħobbna u kemm iridilna l-ġid u jagħmel minna poplu magħqud, poplu fidil lejn Ġesù. Viva San Pawl!

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta