80 sena ilu il-Papa għall-ewwel darba fuq ir-radju


It-Tlieta 12 ta’ Frar 2019: Propju bħal-lum 88 sena ilu, għall-ewwel darba fl-istorja, l-Papa Piju XI inawgura l-istazzjon tar-radju tal-Vatikan, ġojjell teknoloġiku tal-fiżiku ċelebri Taljan, Guglielmo Marconi.  B’hekk il-maġisteru tal-papiet li sa dak iż-żmien kien isir biss bil-kitba, seta’ jasal madwar id-dinja kollha.

F’Ruma bdew jinġabru ħafna nies f’punti tal-belt fejn kien hemm imħejjija t-trombi, kollha ħerqanin bl-istennja ta’ mument verament storiku.  Is-sedi tal-ġurnali u anki l-ħwienet tal-elettronika waħħlu t-trombi li taħthom inġabru n-nies bil-mijiet.

Kien avveniment straordinarju li ġibed l-attenzjoni mhux biss fl-Italja imma madwar id-dinja, mill-Awstralja sal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u bosta pajjiżi oħra.

Fil-binja ta’ ftit kmamar fil-ġonna tal-Vatikan, fuq in-naħa ta’ wara tal-Bażilika ta’ San Pietru, kien hemm folla żgħira b’ilbies eleganti tisma’ ż-żarżir tal-apparat, fosthom bosta ġurnalisti.  Fl-4.20 ta’ waranofsinhar wasal fil-post il-Papa Piju XI.

Iżda l-ewwel persuna li tkellmet kienet l-inventur Guglielmo Marconi li dak iż-żmien kellu 56 sena.  Hu ddikjara li issa l-Knisja kellha l-garanzija li leħinha jasal ukoll minkejja l-propaganda nażifaxxista li kienet diġà tuża din l-invenzjoni marconjana għall-vantaġġ tagħha.

Marconi kien qal li wara għoxrin seklu ta’ maġisteru bid-dokumenti, għall-ewwel darba kulħadd seta’ jisma’ leħen il-Papa fl-istess waqt.

Il-Papa Achille Ratti kien ħejja hu nnifsu l-ewwel messaġġ u fil-ħamsa neqsin disa’ minuti ta’ waranofsinhar Piju XI intona speċi ta’ talba bil-Latin.  L-avveniment kien ġibed l-attenzjoni tal-istampa internazzjonali mill-Ewropa sal-Amerika u lil Marconi ntbagħatulu messaġġi jistqarru kemm kienet ċara t-trażmissjoni.

Rapport mill-Kamra atl-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.