X’post għandu f’qalbna ħuna bil-ġuħ, marid jew fil-ħabs?


It-Tnejn, 18 ta’ Frar 2019: Kif għamel ma’ Kajjin, il-Mulej illum jistaqsi lilna wkoll: Fejn hu ħuk? Fl-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku ħeġġiġna biex nagħtu tweġiba personali iżda mhux bil-kompromessi jew billi naħarbu mill-mistoqsija. Infatti, fakkar Franġisku, qed nitkellmu dwar il-marid, il-ħabsi, l-imġewwaħ, kif jgħidilna l-Vanġelu skont San Mattew, fil-kapitlu 25.

L-istorja ta’ Kajjin u Abel li nsibu fl-ewwel qari kienet il-qofol tar-riflessjoni li għamel il-Papa Bergoglio. Dal-qari, osserva Franġisku, hu ġeneru letterarju li nsibu spiss fil-Bibbja: mistoqsijiet skomdi u tweġibiet ta’ kompromess. Infatti lil Kajjin Alla għamillu mistoqsija imbarazzanti: “Fejn hu ħuk?”

It-tweġiba f’dal-każ kienet waħda ta’ kompromess imma wkoll mod li bih Kajjin ipprova jiddefendi ruħu: “X’għandi x’xaqsam? Forsi jien għassies ta’ ħija? Jien naħsel idejja”. B’hekk Kajjin jipprova jaħrab mill-ħarsa t’Alla, innota l-Papa.

Ġesù, issokta jgħid, jagħmlilna ħafna mistoqsijiet skomdi bħal meta staqsa lil Pietru jekk iħobbux, tant li fl-aħħar Pietru ma kienx jaf x’se jwieġeb aktar. Lid-dixxipli staqsiehom x’jaħsbu n-nies dwaru. Huma tawh diversi tweġibiet. Iżda Ġesù insista: “Imma intom min tgħidu li jien?” Mistoqsija imbarazzanti.

Lil Kajjin Alla stqsieh fejn hu ħuh. Din hi mistoqsija skomda, aħjar li kienu ma ssirx, innota Bergoglio. U aħna għandna diversi tweġibiet: dik ħajtu, jien nirrispettaha imma naħsel idejja minnu… jien ma nindaħalx fil-ħajja ta’ ħaddieħor. B’din l-oservazzjoni l-Papa ried jagħti eżempju kif fil-ħajja ta’ kuljum, għal dawn il-mistoqsijiet skomdi li jagħmlilna l-Mulej inwieġbu bi prinċipji ġeneriċi li ma jfissru xejn imma fl-istess waqt jgħidu ħafna, juru dak li hemm fi qlubna.

Illum il-Mulej jistaqsi lilna wkoll: “Fejn hu ħuk?” Ifisser fejn hu ħuk bil-ġuħ, marid, fil-ħabs, ippersegwitat minħabba l-ġustizzja? Forsi qiegħed għand il-Caritas għax hemmhekk ituh jiekol. U bi tweġiba bħal din aħna jidhrilna li salvajna ġildna. Il-marid? Għalija jieħdu ħsiebu tal-familja. Il-ħabsi? Dak qed iħallas talli għamel għax iddejjaqna b’tant delinkwenti jiġru mas-saqajn!

Imma inti qatt m’int se tisma’ tweġiba bħal din ġejja minn formm Alla, osserva l-Papa.

Imma fejn hu ħuk sfruttat, li jaħdem bla ktieb disa’ xhur fis-sena u mbagħad jerġgħu jimpjegawh wara li jgħaddi s-sajf? Ngħidu lil llum xejn mhu żgur, illum aħdem, ħu li tista’….. tweġiba oħra ta’ kompromess

B’dawn l-eżempji konkreti l-Papa stedinna biex kull wieħed u waħda minna nħossu li dil-mistoqsija l-Mulej qed jagħmilha lilna personalment: x’post għandu ħuk fil-qalb tiegħek? Hemm post għal min hu marid, bil-għatx, min m’għandux x’jilbes, dak it-tfajjel li ma jistax imur l-iskola, id-drogat, il-ħabsi? Jew aħna paroli biss u nserrħu rasna meta ngħabbu lil ħaddieħor bil-piż għax nagħtu xi ftit flus karità?

Imma aħjar ma nċaqlqux wisq dawn l-affarijiet, issokta l-Papa Franġsiku – għax b’dil-ħidma soċjali l-Knisja tidher qiesha xi partit komunista u dan jagħmlilna l-ħsara. Imma dal-kliem qalu l-Mulej, insista l-Papa, mhux il-partit, il-Mulej. Aħna drajna nagħtu tweġibiet ta’ kompromess, tweġibiet biex naħarbu mill-problema, biex ma narawhiex, biex ma mmissuhiex.

Il-Papa Franġsiku stedinna nagħmlu l-lista ta’ dawk kollha li jsemmielna l-Mulej fil-kapitlu 25 tal-Vanġelu skont San Mattew. Inkella tibda titħawwel fina “ħajja mdella” għax id-dnub jinsab wara biebna. Meta f’ħajjitna ma nagħmlux tagħna dak li għallimna Ġesù, niftakru li wara biebna hemm id-dnub jistenna biex jidħol, biex jeqridna.

Ma ninsewx, temm Franġisku, il-mistoqsija l-oħra li hemm fil-Ġenesi meta Alla staqsa lil Adma: “Fejn int?” Adam kien inħeba minħabba l-mistħija. Mank inħossuha aħna wkoll dil-mistħija! Fejn hu ħuk? Fejn int? F’liema dinja qed tgħejx, ladarba ma tindunax b’dawn l-affarijiet, b’din it-tbatija, b’dan in-niket? Fejn hu ħuk? Fejn int? Tistaħbiex mir-realtà, wieġeb bil-lealtà, anzi bil-ferħ għal dawn il-mistoqsijiet li jgħamillek il-Mulej.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.