Lectio Divina tas-7 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 6, 27 – 38): Il-Ħadd li għadda rajna kif Ġesu’ feraħ lid-dixxipli għax għamlu għażla tajba.  L-aħħar “henjin” kienet għax se jiltaqgħu mal-persekuzzjoni minħabba li l-proposta ta’ Ġesu’ hi differenti minn dak li jiddettalna l-istint tagħna.  Għalhekk ħafna jsibuha iebsa biex jaċċettawha.  Jekk in-Nisrani jirraġuna u jitkellem bħal dawn, ħadd mhu se jkellmu.  Imma jekk jinkarna l-Vanġelu f’ħajtu, se jheżżeż l-ordni stabbilit u l-imġieba ta’ dawk li qatt ma semgħu kliem Ġesu’.  Bil-fors se jiġi kkritikat, emarġinat jekk mhux ukoll ippersegwitat.   Kif se jġib ruħu n-Nisrani f’din is-sitwazzjoni?

  1. “Ħobbu l-għedewwa tagħkom.”  Ġesu’ jagħti lid-dixxipli erba’ kmandi ċari u erba’ eżempji prattiċi.  (a) “Ħobbu..” Mhux użat il-verb filejn (tagħmel ħbieb) imma agapann, i.e. tħobb b’imħabba li mhix ġejja min-natura umana imma mill-ħajja li ġiet mogħtija lilna mill-Missier Etern.  Din hi mħabba bla kundizzjonijiet li tqanqalna biex nagħmlu l-ġid biss, anki lil min weġġagħna u xtaqilna d-deni.  Din l-imħabba  titlob li ngħin anki lill-għadu tiegħi meta jkollu bżonn.  (b)  “Agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom.”  Irrid noqgħod attent biex ma nħallix xi antipatija lejn xi ħadd tinbidel f’mibegħda. Min jobgħodni jkun irid jeqridni u jeħles minni.  Jekk nimxi bl-istint inkun irrid nixtieqlu l-istess.  Ġesu’ qed jgħidli: “Trid tfittex kull okkażżjoni biex tagħmlu ferħan.  Dan ma jfissirx li nfissdu u nagħmel kulma jixtieq.  Anzi l-ewwel ħaġa nurieh bil-ħlewwa kollha imma b’serjeta’ li, biex ikun ferħan u bniedem awtentiku, irid jieqaf jobgħod.   B’hekk nuri imħabbti lejh.  Għandu mnejn ikompli jobgħodni.  Imma jien inkompli nħobbu.  Hekk kif dielja ma tistax tagħmel mod ieħor ħlief tkabbar l-għeneb, bl-istess manjiera,  ulied Alla ma jistgħux  jagħmlu mod ieħor ħlief iħobbu kif iħobb Hu. (ċ) “Bierku ‘l min jisħetkom.”  Min jisħet jixtieq il-mewt  lil dak li jkun.  Min ibierek jixtieqlu l-ħajja.  Aħna nbierku ‘l Mulej għax nagħrfu li minnu tiġi kull ħajja.  Meta nbierek lil xi ħadd jien nixtieqlu li mhux biss jeżisti imma li jgħix ħajtu fil-milja kollha tagħha.  Mhux faċli nbierek lil min jisħetni.  Għalhekk Ġesu’ jżid: (d) “Itolbu għal min iżeblaħkom.”  Itolbu, mhux xi ħaġa bl-amment, imma li nidħlu f’sintonija mal-moħħ, il-ħsieb u x-xewqat tal-Missier, u b’hekk naraw kif Hu xorta jħobb lil min jisħetna u jżeblaħna.  Ma jħobbx l-għemil ħażin tagħhom imma lilhom iva.  Meta nidru quddiemu ma nkunux nistgħu nigdbu – hemm bżonn li nkunu nistgħu ngħidulu: “Mulej, rajnik bil-ġuħ u tmajnik, bil-għatx u sqejnik..”
  2. Ġesu’ jgħaddi biex jispjega l-proposta Tiegħu ta’ dinja ġdida b’erba’ eżempji prattiċi. Dawn huma paradossali, i.e. ma nistgħux neħduhom litteralment: (i) “Offri ħaddek l-ieħor ukoll” ifisser li qatt ma twieġeb għall-vjolenza bi vjolenza oħra.  Ta’ spiss insibu min jittikana fuq ix-xogħol, fit-triq, waqt is-sewqan (road rage).  Ġesu’ jrid li bil-paċenzja kollha ma nwiġbux bi vjolenza.  (ii) “Min jeħodlok il-mantar” u min jisirqek bil-moħbi jew bil-miftuħ –  jekk issib li  dan għamel hekk għax fqir, mela obbligat li ttih il-libsa wkoll, i.e. tgħinu mill-aħjar li tista’.  M’hemmx skużi.  Dan jiħtieġ nagħmluh bit-tattika biex il-karita’ tagħna ma tkunx imbarazzanti jew ta’ mistħija lil min jirċeviha.  Mill-banda l-oħra Ġesu’ ma jridx li nkun ġifa u nħalli min jisraqli ġidi jew l-isem tajjeb tiegħi.  Imma jekk jiġri hekk, l-ewwel ħsieb għandu jkun li ma nagħmilx bħalu, imbagħad  li fejn nista’, nikkoreġieh bil-ħlewwa biex jibdel l-aġir ħażin tiegħu.  Jekk ma nasalx bil-pariri Evanġeliċi, bħala Nisrani għandi nkun lest li nbati ftit inġustizzja.  L-aqwa li ma nweġibx bi vjolenza.
  3. Issa Ġesu’ jipproponi regola tad-deheb: “Kif trid li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.” Kieku kont jien f’dik is-sitwazzjoni, x’nixtieq li xi ħadd jagħmilli?”  It-tweġiba se ttini l-programm li għandi nagħmel jien għalih.
  4. “Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom…”  Ġesu’ jkompli jispjega l-kwalitajiet tal-agapann, i.e. imħabba bla kundizzjoni, bla kieku, bla imma, bla forsi.  F’kelma waħda, imħabba gratuwita, i.e. li ma tistenna l-ebda ħlas jew kumpens lura.  Din hi l-kwalita’ ta’ mħabba li għandu Kristu għalina. Aħna l-Insara jiħtieġ li nħobbu bħalu, u mhux biex nakkumulaw  xi merti jew indulġenzi.  Din l-imħabba tagħmilna tassew dixxipli ta’ Kristu għax minna tibda toħroġ id-dija tad-Dawl Tiegħu: “Intom id-dawl tad-dinja.”
  5. “Ħobbu l-għedewwa tagħkom.”  Dan hu l-qofol tal-ħajja Nisranija għax hawn l-iktar li nistgħu nipprattikaw il-gratuwita.  Fl-Antik Testment insibu ħafna eżempji ta’ dan, e.g.  “Jekk il-ħmar tal-għadu jogħtor taħt it-tagħbija, mur għinu, għax jekk jitlef il-ħmar, hu  se jmut bil-ġuħ.”  Anki fil-kitba ta’ xi pagani: “Jekk trid timita l-allat, agħmel il-ġid anki lill-ingrati, għax ix-xemx titla’ wkoll għall-kattivi” (Seneca).   Għal min jagħmel dan “il-ħlas tagħkom ikun kbir, u tkunu wlied il-Għoli, li hu twajjeb mal-ingrati u mal-ħżiena.”  Il-Għoli  juri l-identita’ Tiegħu ta’ Alla fl-imħabba li juri għall-għadu u għall-ħażin.  Kull iben t’Alla jrid iġib ruħu bħall-Missier, għax l-iben irid ikun xhud tal-ħajja li rċieva minn għandu.
  6. Is-silta tagħlaq b’eżortazzjoni għall-Insara:  (i) “Ħennu…” Il-kelma użata raħum hi femminili għax tiddeskrivi l-ġuf.  Dan ifisser li l-imħabba u l-ħniena t’Alla hi mqabbla ma’ dawk materni ta’ omm li jkollha għat-tarbija fil-ġuf tagħha.  Fil-waqt li Alla jobgħod il-ħażen għax ineżża’ lill-bniedem mill-umanita’ tiegħu, iħobb lil kull bniedem b’mod spontanju.  Din ma tiġrix hekk lilna: “To err is human, to forgive Divine.”  Mela hija l-ikbar dagħwa li tgħid li Alla ma jaħfirx (u jikkastiga) lil min ma jitolbux maħfra.  Aħna ulied Alla, bl-għajnuna Tiegħu, nistgħu u għandna naslu biex nobogħdu d-dnub, iva, imma mhux lill-midneb.  (ii) “Tiġġudikawx..” għax hemm il-Vanġelu li jiġġudika u jikkundanna l-azzjoni ħażina, imma mhux il-persuna.  Jekk jien nikkundanna lil xi ħadd, ifisser li għadni naħseb li Alla jista’ jikkundannani, li kif għidna, din dagħwa.   Id-dnub ta’ min jikkundannah – il-midneb ta’ min iħobbu. (iii) “Aħfru..” Il-kelma użata proprjament tfisser “Ħollu” i.e. tħallix ħabel marbut m’għonq ta’ min żbalja. Jekk nagħmel hekk, jagħmlu l-istess lili, u nerġa’ nikseb il-ferħ.  Irrid ukoll li naħfer lili nnifsi mhux nibqa’ ngħix bir-rimors,  (iv) “Agħtu”  kif qed jingħatalna, i.e. b’abbundanza, u nirċievu r-rigal li kuljum qed insiru nixbhu dejjem aktar lil Misserna li hu fis-sema.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading