L-Ispirtu ta’ Kristu


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Qegħdin fi żmien ir-Randan u għalhekk jixraq li niffukaw ħarsitna fuq Kristu u naraw kif nistgħu nimxu fuq il-passi tiegħu.

Fuq kollox, nistgħu nimitaw lil Kristu billi kull meta nsibu ruħna f’xi ċirkustanza partikulari, nistaqsu lilna nfusna: “Kieku Kristu kien minfloki, x’kien jagħmel?” U r-risposta toħroġ waħidha. Jekk Kristu kien minflokna kien jitlob, jaħfer, jagħder u jagħmel il-ġid.

Nistgħu wkoll niftħu l-Evanġelji biex naraw l-ispirtu ta’ Kristu. L-ewwelnett Kristu ħabb il-faqar. Twieled fqir f’għar tal-annimali u miet fqir fuq is-salib. Inkunu ċari: ma nħalltux il-faqar mal-miżerja, li rridu niġġildulha u negħlbuha. Il-faqar huwa d-diżpożizzjoni tal-qalb li biha ma nkunux marbuta mal-ġid ta’ din l-art.

L-ispirtu ta’ Kristu huwa wieħed ta’ sagrifiċċju. Ma fittixx dawk il-ħwejjeġ li jagħmluh popolari iżda ta ħajtu għall-oħrajn fis-skiet. Anki meta għamel il-mirakli ma għamilhomx biex joqgħod komdu u jidher iżda biex jagħmel il-ġid. Għalhekk l-ispirtu ta’ Kristu huwa li jekk hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċji nagħmluhom. U meta nkunu magħqudin ma’ Kristu nagħmlu bosta u bosta ġid.

L-ispirtu ta’ Kristu kien wieħed ta’ talb. Kien ifittex il-ħin biex joqgħod jitkellem mal-Missier. Avolja kien l-Iben ta’ Alla, bħala bniedem kien iħoss il-bżonn li jitlob.

Għalhekk kieku noqogħdu nirriflettu ftit ngħidu: La Kristu kien iħoss il-bżonn li jitlob, kemm għandna bżonn nitolbu aħna.

Fuq kollox, l-ispirtu ta’ Kristu kien wieħed ta’ maħfra lejn l-għedewwa. Dan narawh tajjeb fuq is-salib. Fost tant uġigħat u insulti, Kristu talab għal dawk li kienu ġegħluh isofri. Skużahom billi qal: “Missier, aħfrilhom għaliex ma jafux x’inhuma jafu” (Lq 23, 34).

Aktar ma nħobbu lil Kristu, u naqraw l-Evanġelji aktar nikxfu l-ispirtu tiegħu bil-mod il-mod.