L-Insara Kopti maqtula mill-Isis qed jingħad li wettqu ‘mirakli’ fil-belt fejn kienu joqogħdu


It-Tlieta 5 ta’ Marzu 2019: L-Insara Kopti maqtula, li l-qtugħ ir-ras tagħhom mill-Isis intwera f’video, issa qed jingħad li wettqu ‘mirakli’ fil-belt fejn kienu joqogħdu. (Minn Samuel Smith, CP Reporter)

Capture

Irġiel f’jumpsuits oranġjo li jaħsbu li huma Insara Eġizzjani maqbudin priġunieri mill-Istat Iżlamiku għarkupptejhom quddiem l-irġiel armati tul bajja ħdejn Tripli. Din l-istampa hi meħuda minn video li ntwera fuq il-media soċjali fil-15 ta’ Frar, 2015. Jidhru militanti lebsin l-iswed imexxu l-priġunieri f’din bajja ħdejn Tripli. Ġegħluhom jinżlu għarkupptejhom, imbagħad qatgħulhom rashom. L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat Eġizzjana, MENA, kkwotat il-kelliem tal-Knisja Koptika li kkonferma li l-21 Kristjan Eġizzjan, x’aktarx li huma miżmuma mill-Istat Iżlamiku, kienu mejta. | (Ritratt: Reuters / Social Media permezz ta’ Reuters TV).
_________
Ktieb ġdid li se joħroġ jagħti ħarsa lejn il-ħajja tal-21 Nisrani li d-dinja rat jinqatlu fil-bajja Libjana fl-2015 u kif il-mewt tagħhom f’idejn l-Istat Iżlamiku wasslet biex tissaħħaħ il-fidi ta’ dawk li jemmnu fil-belt fejn kienu għixu.

Id-dinja nħasdet meta dal-grupp terroristiku brutali ħareġ filmati li juru l-21 raġel, kollha, ħlief wieħed, emigranti mill-Eġittu – meħudin fix-xatt ta’ bajja Libjana ħdejn Sirte lebsin ‘jumpsuits’ oranġjo.

Dan il-video tfaċċa meta r-renju ta’ terrur tal-Istat Iżlamiku kien fil-qilla tiegħu u kkawża ħafna taħwid f’postijiet bħall-Iraq, is-Sirja, l-Afganistan, l-Eġittu u l-Libja u wera kemm jista’ jkun brutali u atroċi l-kult tal-mewt tal-jihadi.

Ritratti emblematiċi u stampi meħuda minn dal-video ta’ propaganda tal-Istat Iżlamiku xterrdu fuq l-internet u juru l-21 raġel għarkupptejhom b’dahrhom lejn il-Baħar Mediterran. Wara kull wieħed mill-21 raġel hemm militant tal-Istat Iżlamiku wieqaf b’sikkina lesta biex tħanxrilhom rashom, u b’hekk tibgħat messaġġ lid-dinja.

Erba ‘snin wara, il-martirju ta’ dawk il-21 raġel ma ntesiex fl-Eġittu ta’ Fuq għax dawn il-21 kollha ġew kanonizzati bħala qaddisin martri mill-Knisja Koptika.

“Fl-Eġittu ta’ Fuq ma tħossokx qed tgħix f’pajjiż Islamiku. Dan huwa pajjiż Nisrani”, qal il-kittieb popolari Ġermaniż Martin Mosebach lil ‘The Christian Post’ f’intervista riċenti bit-telefon. “Hemm soċjetà mħallta li fiha hemm il-Musulmani, imma l-Insara fl-Eġittu ta’ Fuq huma l-maġġoranza.”

Mosebach kien ispirat minn stampa li ra fuq il-qoxra ta’ rivista Kattolika Ġermaniża biex jirrakkonta l-istorja tal-21 martri Koptiku. L-istampa fuq il-magażin kienet turi r-ras ta’ wieħed mill-Kopti maqtulin fil-bajja Libjana, Kiryollos Boushra Fawzy, li twieled fl-1991 fil-belt ta’ l-Eġittu ta’Fuq, El-Aour.

“Din l-istampa laqtitni fl-2016,” qal Mosebach. “Immaġni ta’ wiċċ wieħed ħaddiem migrant li l-ISIS qatgħulu rasu f’bajja fil-Libja.”

Wara li kiteb 11-il rumanz, il-kittieb Ġermaniż kien qed ifittex li jagħmel xi ħaġa differenti minn ta’ qabel sakemm beda jaħdem fuq it-12-il rumanz li kiteb.

Mosebach iddeċieda li jżur El-Aour, il-belt minn fejn ġew it-13-il martri Koptiku. Huwa tkellem ma’ familji tal-irġiel maqtula u sema’ stejjer dwar kif il-martri qed jimgħad li wettqu mirakli fi żmienna.

Il-ktieb il-ġdid, Il-21 – Vjaġġ fl-Art tal-Martri Kopti, huwa rakkont tal-vjaġġ ta’ Mosebach f’El-Aour.

“Huwa raħal maħmuġ, fqir ħafna u primittiv,” hekk fisser Mosebach, u żied jgħid li r-raħħala Kopti huma sodi ħafna fil-fidi tagħhom.

Għalkemm insara fl-Eġittu ta’ Fuq huma dejjem taħt theddida ta’ persekuzzjoni, peress li l-Eġittu ilu taħt il-ħakma Iżlamika għal 1,400 sena, il-fidi tal-Knisja Kopta kif imwaqqfa minn San Mark qatt ma mielet u għadha b’saħħitha sa llum, skont Mosebach.

“Dawn il-komunitajiet u kongregazzjonijiet huma edukati ħafna u l-fidi jħossuha,” tenna jgħid. “Fl-ispiritwalità tal-Kopti, il-mirakli huma ħaġa importanti ħafna.”

F’El-Aour, qal Mosebach, “kulħadd qed jitkellem fuq il-mitrakli”.

Skont Mosebach, f’El-Aour bosta huma l-istejjer dwar mirakli attribwiti lill-21 martri. Xi stejjer jirrakkontaw kif tifel ħelisha ħafif wara li waqa’ minn tieqa, fejqan ta’ nies morda u anke fejqan ta’ mara mill-infertilità.

“Mirakli ma ħelsux lill-21 minn qtugħ ir-ras imma wrew kif is-sagrifiċċju tagħhom għamilhom xbieha ta’ Kristu u għalhekk aċċettawhom bħala tali,” kiteb Mosebach.

Miraklu li ssemma kien dwar iben wieħed mill-martri. Intqal li t-tifel waqa’ fit-triq mit-tielet sular ta’ binja u kiser driegħu f’diversi postijiet. Meta t-tifel reġa’ ġie f’sensih, huwa qal li missieru mejjet qabdu. Jiem wara, intqal li r-raġġi-X tat-tifel ma wrew ebda ksur.

Skond Mosebach, il-kelma “miraklu” tintuża mill-komunità Koptika bħala “l-ispjega ta’ kull fenomenu li jaraw.”

“Dak kollu li ġara huwa skont ir-rieda t’Alla,” qal Mosebach lil CP. “Il-mirakli issa qed jidhru wkoll permezz tal-martri.”

Għalkemm il-komunità Koptika ffaċċjat ħafna persekuzzjoni matul l-istorja tagħha sal-lum, Mosebach spjega li l-Kopti ma jqisux lilhom infushom bħala vittmi u ma jfittux vendetta.

Huwa żied jgħid li r-raħħala f’El-Aour huma kburin bil-martri talli żammew iebes u mietu għall-fidi tagħhom.

Mosebach qal li l-ommijiet li tilfu wliedhom f’idejn l-Istat Iżlamiku jafu li wliedhom issa huma “slaten inkurunati fil-ġenna”.

“Tista’ żżur lil kull familja f’dan ir-reġjun. Huma jgħidulek l-istess ħaġa”, kompla jispjega Mosebach. “Li huma lesti għall-martirju u jistennew il-martirju u huma kburin bil-martri. Huma jgħidu li ‘l-knisja tagħna hija l-knisja tal-martri.’ Martri huma ż-żerriegħa tal-Kristjaneżmu. Sakemm in-nies jiibqgħu lesti li jinqatlu għall-Kristjaneżmu, il-knisja tgħix u mhux se tmut ”

Għalkemm El-Aour huwa raħal fqir u primittiv, issa huwa destinazzjoni għall-Insara Kopti madwar ir-reġjun.

Wara l-martirju tal-21 Kopt, il-President tal-Eġittu Abdel Fattah el-Sisi ordna l-kostruzzjoni tal-Knisja tal-Martri tal-Fidi u Arthom f’El-Aour. Il-knisja saret post tal-pellegrinaġ għaliex hemm indifnul-martri Kopti.

Skond Mosebach, hemmi Insara li jivvjaġġaw sa 350 mil biex imorru jaraw il-knisja.
“Issa sar ttassew villaġġ tal-pellegrinaġġi, b’lukanda u memorji tal-martri,” qal Mosebach ta ‘Al-Aour

Filwaqt li l-persekuzzjoni kontra l-Insara għadha sseħħ fl-Eġittu u hija l-ikbar 16-il nazzjon fid-dinja meta niġu għall-persekuzzjoni nisranija, Mosebach qal li l-Insara ġeneralment iħossuhom sikuri taħt it-tmexxija politika ta’ Sisi, li bdiet fl-2014

Mosebach stqarr li d-dittatorjati huma aktar favorevoli għall-Insara fil-Lvant Nofsani mid-demokraziji.

“Din hija ħaġa importanti ħafna li wieħed irid jitgħallem bħala Nisrani mid-dinja tal-Punent. Id-demokrazija, għall-Insara, mhix favurhom fl-Iraq, fis-Sirja, fl-Eġittu”, qal Mosebach. “Huma mħarsa mid-dittaturi. Din hija lezzjoni ħarxa. L-Insara għandhom aktar sigurtà, iktar protezzjoni meta l-istat ikun immexxi minn dittatur qawwi. ”

“Dan kien il-każ meta kien hemm Saddam Hussein fl-Iraq. Assad għadu hemm fis-Sirja. Għadu hemm Al-Sisi fl-Eġittu, “żied jgħid. “Hija ħaġa sempliċi ħafna. Għax il-minoranzi, huma qatt ma jistgħu jkunu b’saħħithom f’demokrazija”.

Il-ktieb ta’ Mosebach kien oriġinarjament ippubblikat bil-Ġermaniż is-sena l-oħra. Kellu joħroġ bl-Ingliż għall-ewwel darba nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Frar 2019.

Rapport bil-Malti minn Louis Spiteri.