Via Lucis – It-Triq tad-Dawl fil-knisja tal-Kuċizzjoni, l-Ħamrun.

Print Friendly, PDF & Email
It-Tlieta 16 ta’ April 2019: Dan l-aħħar, il-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun inawgurat Via Lucis ġewwa l-Knisja Parrokkjali. Il-Via Lucis tbierket mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi.

Il-Via Lucis (It-Triq tad-Dawl) tikkonsisti f’erbatax-il pittura li jwasslulna erbatax-il mument differenti mill-Qawmien ta’ Ġesu’ sa Pentekoste. Bħalma hemm erbatax-il stazzjon tal-Via Crucis (it-Triq tas-Salib), hemm ukoll erbatax-il waqfa fil-Via Lucis. Dawn huma d-diversi dehriet ta’ Kristu Rxoxt u mumenti oħra, inklużi t-Tlugħ ta’ Ġesu’ fis-sema, l-istennija tal-Ispirtu s-Santu u Għid il-Ħamsin.
 
L-erbatax-il pannell huma minquxa fl-injam u mpittra. Dan ix-xogħol artistiku sar mill-bottega ta’ Stuflesser f’Ortisei (Bolzano). Kull pannell huwa xogħol oriġinali. Dan il-proġett sar biex ifakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-parroċċa Immakulata Kunċizzjoni fl-1968.
 
Biex jitfakkar dan l-avveniment, il-parroċċa ppubblikat ktejjeb bix-xbihat tal-Via Lucis, akkumpanjati b’siltiet mill-Kelma t’Alla fit-Testment il-Ġdid u talbiet, miktubin minn Mons. Hector Scerri.
 
Żmien il-Għid huwa l-perjodu ideali biex wieħed jitlob din il-Via Lucis. Il-parroċċa tal-Kunċizzjoni, fil-Ħamrun, qed tistieden lil kull min jixtieq jixtri kopja (jew aktar), biex jikkuntatta l-Uffiċċju Parrokkjali fuq 21 23 2643.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading