Omelija tat-Tielet Ħadd tal-Għid. Sena A

Minn D. Edward Vella

Il-ħajja hija vjaġġ: vjaġġ li mhux dejjem huwa mdawwal. Ilkoll kemm aħna nafu xi tfisser li tħossok fid-dlam tal-ħajja, ikun bin-nhar iżda qalbek, moħħok u forsi anke ruħek tkun mudlama. Forsi wkoll ġieli ntlifna f’dan il-vjaġġ, spiċċajna ma nafux minn fejn ġejjin, u agħar ma nafux fejn sejrin, u għalhekk bħal bniedem mitluf terraqna triqat żbaljati, triqat mudlama u li ma għamlulniex ħlief ħsara; hekk jaf jagħmel il-bniedem mitluf.

Fl-Evanġelju tal-lum żewġ dixxipli, wieħed minnhom jismu Kleofa, kienu wkoll sejrin fi vjaġġ minn Ġerusalemm għal Emmaws. Kien bin-nhar, iżda qalbhom kienet fid-dlam; dak li għalih kienu ddedikaw ħajjithom, Ġesù kien falla, kien maqtul, l-agħar mewt possibli. Issa sejrin lura lejn il-ħajja ta’ qabel. Iżda ‘Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.’ Interessanti li l-Evanġelista Luqa ma jgħidilniex x’kien jismu d-dixxiplu l-ieħor; dan biex jistieden lili u lilek inkunu dak id-dixxiplu l-ieħor u nagħmlu aħna wkoll din l-esperjenza straordinarja.

Tgħid għaliex ma għarfuħx? ‘Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta…’ Huma kienu għadhom ma għarfux min hu tassew Ġesù; għalihom kien profeta, bħal ħafna oħrajn: kien għadhom ma emmnux li Ġesù huwa Alla magħmul bniedem għalina u allura l-mewt ma kella l-ebda setgħa fuqu. Kienu tilfu kull tama, ‘Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael

Kien għalxejn li Ġesù kien preżenti, hu stess spjegalhom l-Iskrittura u x’kienet tgħid fuqu, għaliex dan xorta ma kellux il-ħila jkeċċi d-dlam li kellhom ġo fihom. Iżda l-esperjenza tagħhom ma’ Ġesù, dik il-Kelma li kienu inżergħet f’qalbhom minnu, kienet diġa ġabet fihom bidla mportanti. ‘Ibqa’ magħna,…’ Huma fetħu qalbhom u darhom għal stranġier u mingħajr ma ntebħu laqgħu lill-Mulej li mbagħad għarfuħ fil-qsim tal-ħobż.

Dan ir-rakkont fih it-tliet elementi l-aktar importanti tal-Ewkaristija: ix-Xandir tal-Kelma, il-Qsim tal-Ħobż u l-Karità. Ħafna drabi aħna nirriflettu fuq l-ewwel tnejn, iżda ma tantx nagħtu każ tal-aħħar wieħed, jiġifieri li l-Ewkaristija trid twassal għall-Karità: anżi l-Ewkaristija li ma twassalx għall-Karità tkun gidba. Dawn id-dixxipli jgħallmuni li mhux biżżejjed li nisimgħu Kelmtu, mhux biżżejjed li niġu għall-quddies, għaliex jekk dan ma jwassalniex biex niftħu qalbna għall-proxxmu tagħna, hu min hu, u fih naraw lil Ġesù stess, nibqgħu ma niltaqgħux miegħU.

Forsi anke int u jien għadna fl-ewwel vjaġġ li għamlu dawn id-dixxipli jiġifieri minn Ġerusalemm għal Emmaws, vjaġġ bin-nhar iżda fid-dlam, Ġesù miexi magħna fil-ħajja iżda għadna ma għarafniħx. Illum Huwa qed jistedinna biex niltaqgħu miegħu fil-Kelma, Qsim tal-Ħobż u l-Karità jew fl-Ewkaristija. Jekk niftħulu qalbna, moħħna u nilqgħuh f’ħajjitna, allura bħal dawn id-dixxipli fit-tieni vjaġġ tagħhom, minn Emmaws għal Ġerusalemm, anke jekk ikun id-dlam, qalbna tkun mimlija dawl għax Ġesù huwa ħaj, inkunu ltqajna miegħu, u Hu jkun dawwal ħajjitna.

Mulej Ġesù nitolbuk għinna ħalli nagħmlu l-esperjenza tad-dixxipli ta’ Emmaus; għinna ħalli aħna wkoll niltaqgħu miegħek fl-esperjenza tal-ħajja; kun int li ddawwal ħajjitna u tkeċċi d-dlam tagħna, kun int ħaj f’qalbna, moħħna u ħajjitna biex hekk mhux biss iddawwal lilna, iżda permezz tagħna ddawwal lil ħafna oħrajn li jinsabu fid-dlam tal-ħajja. Ammen.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading