Ġwanni Pawlu II fl-Epifanija tal-Mulej

QUDDIESA GĦALL-ORDINAZZJONIJIET EPISKOPALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità tal-Epifanija tal-Mulej
Il-Ħadd, 6 ta’Jannar 1985

1. Ġerusalem . . . “id-dawl tiegħek wasal” ( 60, 1).

Il-Knisja fil-liturġija tas-sollennità tallum issegwi l-passi tat-tliet Maġi. Tirreġistra bi preċiżjoni l-istadji tal-mixja tagħhom, li twassalhom mil-Lvant għal Ġerusalem.

Huma jistaqsu: fejn twieldet it-tarbija? (cf. Mt 2, 2). Jistaqsu dwar is-sultan, li t-twelid tiegħu kien rivelat lilhom fil-Lvant minn kewkba, Din il-kewkba hija sinjal li jmexxihom: is-sinjal tal-Epifanija.

Fil-qorti ta’ Erodi, għall-mistoqsija: “Fejn twieled? Jirċievu, skont l-Iskrittura, it-tweġiba: “F’Betlem tal-Lhudija, għaliex hekk hemm miktub permezz tal-profeta: . . . Betlem, minnek se joħroġ . . . mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi, Iżrael” (Mt 2, 5-6).

Il-Maġi imxew lejn Betlem, immexxija mill-kewkba tagħhom u mill-kelma tal-profeta: il-kelma għall-Epifanija. F’Betlem sabu t-tarbija: “Daħlu fid-dar u raw lit-tifel ma’ Marija Ommu” (Mt 2, 11).

2. Illum il-Knisja timxi fil-liturġija tagħha t-triq tal-Maġi.

Imma din hija, fl-istess ħin triq interna. Din hija t-triq tal-fidi tagħna. L-Epifanija tfisser il-wirja ta’ Alla lil-qalb umana: ir-rivelazzjoni mogħtija lill-bniedem intern, Din hija is-sors tal-fidi.

Permezz tad-dawl ta’ kewkba mhux tas-soltu, permezz tal-kelma tal-profeta l-bniedem huwa milħuq mil-leħen ta’ Alla, mis-sejħa ta’ Alla: qum u aqbad triqtek! Il-bniedemli jsegwi din is-sejħa jidħol fil-mixja tal-fidi. Hekk kien mexa, darba waħda Abraham; hekk Mosè meta ra s-siġra taqbad; hekk daħlet f’din it-triq Marija fil-waqt tal-Annunzjazzjoni. Hekk ukoll imxew il-Maġi mil-Lvant.

It-triq tagħhom ma twassalx Ġerusalem, Betlem, din twassal għand Alla, dak Alla li huwa nviżibli, għalkemm jirrivela ruħu permezz ta’ dak li hu viżibli. It-tliet Msaġi kienu msejħa biex isiru xhieda ta’ dan li fir-rivelazzjoni tal-inviżibli huwa l-quċċata u l-limitu: Alla huwa rivelat bħala tifel f’idejn Ommu.

Hawn il-mixja nterna tat-tliet Maġi tilħaq il-punt fundamentali. Reġgħu lura lejn pajjiżhom, iġorru fil-qalb tal-fidi propja il-milja tar-rivelazzjoni divina: “magnalia Dei”.

3. Il-Knisja, waqt li llum tiċċelebra s-sollennità tal-Epifanija, takkumpanja lit-tliet Maġi tal-Lvantu mal-profeta Iżaija (kif smajna fl-ewwel qari) tħares lejn il-multitudnijiet kbar u n-nazzjonijiet kollha, li jmorru Ġerusalem:

“Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, / is-slaten għad-dija ta’ sbiħek. / Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: / ilkoll miġbura ġejjin għandek / Uliedek ġejjin mill-bogħod . . . / il-għana tal-ġnus jiġi għandek . . . / kollha jiġu . . . / ixandru t-tifħir tal-Mulej” ( 60, 3-6).

Il-profeta Iżaija juri d-dimensjoni universali tal-Epifanija. Il-Maġi tal-Lvant saru il-preannunzjazzjoni ta’ din id-dimensjoni.

4. F’dan il-jum sollenni, hawn maġemb il-qabar ta’ San Pietru, l-Isqof ta’ Ruma isellem lill-magħżula eletti għall-ordni tal-episkopat:

1) monsinjur Bernard Patrick Devlin, nominat isqof ta’Ġibilterra;

2) monsinjur Kazimierz Górny, nominat isqof awżiljarju ta’ Krakovja;

3) monsinjur Aloysius Balina, nominat isqof ewlieni ta’ Geita, fit- Tanzania;

4) monsinjur Afonso Nteka, nominat isqof ewlieni ta’ Mbanza Congo, fl-Angola;

5) monsinjur Pellegrino Tommaso Ronchi, nominat isqof tad-dijoċesi i suburbikarja ta’ Porto u Santa Rufina;

6) monsinjur Fernando Sáenz Lacalle, nominat isqof awżiljarju ta’ Santa Ana, f’El Salvador;

7) monsinjur Jorge Medina Estévez, nominat isqof awżiljarju ta’ Rancagua, fiċ-Ċili.

Il-fatt li nsemmi isimkom biss, għeżież ħuti, huwa sinjal tal-kattoliċità tal-Knisja.

Għalhekk, waqt li nħares lejkom, nixtieq nirrepeti l-kliem tal-profeta: “Surge, illuminare, Jerusalem”: il-kliem tal-ferħ tal-Epifanija. Infatti fil-preżenza tagħkom nara l-irradjazzjoni tal-istess misteru, li kellu l-bidu tiegħu fit-triq tat-tliet Maġi.

Billi ġejjin min-nazzjonijiet differenti, bħala wlied u presbiteri tal-Knejjes, li f’dawk in-nazzjonijiet tefgħu għeruqhom, iġġorru magħkom dawk id-doni mistiċi, li tant jixxiebħu, fl-elokwenza tagħhom, ma dawk li ġarrew it-tliet Maġi! Id-doni li huma rikkezza tal-komunità universali tal-Knisja. Kunu, bħat-tliet Maġi, qaddejja tal-Epifanija ta’ Alla.

5. Insellmilkom fit-triq, li għaliha sejħilkom il-Mulej. Nixtieq  inqiegħed fuqkom idejja, kif l-appostli kienu jqegħduhom fuq is-suċċessuri tagħhom. Nixtieq inwettaq fir-rigward tagħkom, permezz tal-grazzja tal-Ispirtu Santu, il-ministeru tal-Ordinazzjoni episkopali, sabiex tkunu tistgħu tmorru lura fil-Pajjiżi tagħkom b’missjoni ġdida, bi dmir ġdid.

Quddiem dawk li jdawrukom – fosthom hemm bla dubju l-persuni li huma l-iktar qribkom – nirrendi grazzi llum, flimkien magħkom, għall-kewkba li dehret fit-toroq ta’ ħajjitkom. Fit-triq interna tagħkom, Fil-glorja ta’ din il-kewkba ilqgħu ir-rikkezza kollha tal-Epifanija ta’ Alla. Intom stess siru il-qaddejja tiegħu quddiem il-bnedmin, li għalihom Kristu qiegħed jibgħatkom.

“Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek . . .” ( 60, 5).

Nawguralkom din il-viżjoni! Il-viżjoni tal-fidi. Nawguralkom din l-irradjazzjoni! L-irradjazzjoni tal-Vanġelu. Nawguralkom  l-interess pastorali u l-wisgħa tal-qalb, li jitnisslu mill-Epifanija, mill-misteru ta’ Alla-bniedem, mill-misteru tat-tifel f’dirgħajn Ommu.

Irċievu s-sagrament tal-Ordinazzjoni episkopali u siru t-triq għal dawk kollha li għandkom tiggwidaw!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading