Lejl Mudlam. Poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib

Kitba ta’ Glen Attard

Darba waħda f’lejl mudlam,
 anzjuża, bi mħabba taħraq,
 oh xorti gawdjuża,
 ħriġt mingħajr ħadd rani,
waqt li dari kienet ġa tistrieħ.

Fid-dlam u fiż-żgur,
 fuq sellum sigriet, moħbija,
oh xorti gawdjuża,
fid-dlam u b’ħeġġa taħraq,
waqt li dari kienet ġa tistrieħ .

B’dawn il-versi sbieħ li jiftħu l-poeżija Lejl Mudlam, Ġwanni tas-Salib mhux biss jirrakkonta l-lejl attiv, kif diġà rajna fit-Telgħa tal-Għolja tal-Karmelu, imma jirrakkonta wkoll il-lejl passiv tar-ruħ. Wara li fl-ewwel parti tal-vjaġġ tagħha, ir-ruħ tagħmel minn kollox biex tħejji lilha nnifisha għall-għaqda ma’ Alla, issa tirċievi żjara speċjali mill-Għarus Divin għaliex il-Mulej jagħżel li jżurha b’modi li madanakollu mhux dejjem tifhem jew tipperċepixxi. Wara li tgħaddi minn fażi attiva fejn ir-ruħ bil-mod il-mod tikber fil-virtujiet il-kbar tal-ħajja spiritwali, ir-ruħ tidħol f’fażi oħra, aktar perikoluża u delikata, il-fażi passiva.

Għaliex perikoluża? Għaliex faċli li tintelaq fl-għażż, tabbanduna dak li ħadmet fuqu s’issa, waqt li tistenna sinjali li ma tifhimx. U għaliex delikata? Għaliex, biex dan ma jseħħx, ir-ruħ jeħtiġilha issa tkun aktar attenta (ara Il, 15: l).

Għalkemm dawn iż-żewġ fażijiet il-Qaddis jispjegahomlna wara xulxin, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li realment dawn iseħħu flimkien, fl-istess ħin. Il-grazzji li nirċievu mingħand Alla u l-grazzji li naħdmu għalihom aħna interjorment biex ir-ruħ tagħna timxi ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali jaħdmu id f’id flimkien. Alla u l-bniedem jikkoperaw flimkien biex filwaqt li Alla jieħu l-inizjattivi tiegħu, il-bniedem iwieġeb għalihom b’qalbu kollha.

Tisfija tas-sensi u l-ispirtu

Aktar minn kollox, il-lejl mudlam ifisser it-tisfija tas-sensi u l-ispirtu, tisfija li għalkemm għall-ewwel tbeżżagħna, ‘il quddiem timliena bil-ferħ. Hemm tisfija li l-bniedem jagħżel li jwettaq minn rajh, bħal ngħidu aħna eżerċizzji interjuri biex wieħed jikber fil-prudenza, fl-imħabba safja, u fil-fidi. Imma mbagħad hemm tip ta’ tisfija oħra, aktar radikali, li tista’ tiġi biss bl-inizjattiva ta’ Alla. Din it-tieni tisfija tolqot il-parti l-aktar intima tagħna, l-identità tagħna bħala bnedmin. F’din it-tisfija passiva, il bniedem jistħajjel lilu nnifsu f’nofs lejl mudlam, fejn xejn ma jara u xejn ma jifhem. L-akbar eżerċizzju hawn mhuwiex dak tal-virtujiet, imma pjuttost li jħalli r-riedni, jikkwieta, jidħol f’silenzju qaddis quddiem Alla, u jitgħallem issa mhux aktar jirrelata miegħu bil-kliem u x-xewqat imma fil kwiet u l-paċi tar-ruħ.

Ta’ bnedmin li aħna, huwa diffiċli li nassoċjaw il-lejl mudlam mat-trankwillità. Spiss meta naħsbu fil-lejl naħsbu fil-kriżijiet u fis slaleb tal-ħajja. Imma s-sigriet tal-lejl mhumiex il-problemi. Is-sigriet tal-lejl huwa dan il-wiċċ ġdid li Alla qiegħed jagħżel li juri lilu nnifsu, wiċċ ġdid li għalkemm għall-ewwel ma nagħrfuhx, bil-mod il-mod, aktar ma r-ruħ tikkalma, tagħraf li tinsab f’din il-fażi passiva, tilqa’ dan iż-żmien bħala żmien ta’ grazzja, u tintefa’ b’qalbha kollha fid-dlam tal lejl, biex ngħidu hekk, aktar issib li l-Għarus Divin tagħha mhux talli ma telaqhiex imma talli jinsab iktar viċin tagħha minn qatt qabel (ara l, 9-10).

Jien min jien?

Forsi l-aktar riżultat importanti ta’ dan il-lejl passiv hija l-mistoqsija li tiġina spontanja fuq fommna: jien min jien? Quddiem dan il-misteru ġdid li Alla qiegħed jurini billi jinħeba minni, jien min jien?

Bil-mod il-mod, ir-ruħ tibda ssib tweġibiet dejjem aktar profondi. Jien m’iniex dak li jgħidu n-nies li jien. Jien m’iniex lanqas dak li nippossedi, il ġid li jien inġorr miegħi . Jien lanqas ma jien dak li nagħmel, il-ġesti tiegħi. Imma jien aktar minn hekk. Jien iben u bint ta’ dan Alla li tant ħabbna li li ħa sura ta’ bniedem għalina. Ġwanni jgħidilna dak li minn barra jidher bħala nixfa spiritwali, għar-ruħ kontemplattiva jservi biex issir taf iżjed lilha nnifisha u lil Alla fiha. F’dan il-lejl qaddis, essenzjalment ir-ruħ tagħraf li mingħajr Alla ma hija xejn. (ara l, 12:3-5).

Sellum sigriet

Il-lejl mudlam huwa pinġut anke f’din il-poeżija bħala sellum sigriet . ls-Salmista jiġbor fi ftit kliem is-sens mistiku ta’ dan is-sellum. “Henjin dawk li jgħammru f’darek; huma jfaħħruk għal dejjem. Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, li għandhom għal qalbhom il-pellegrinaġġ għat tempju. Huma u għaddejja minn wied niexef, ibiddluh f’nixxiegħa ta’ ilma; u x-xita bikrija tbiddlu f’għadajjar. Jimxu u aktar jissaħħu, sa ma jidhru quddiem Alla f’Sijon fuq l-allat” (S 84:5-8).

Ġwanni huwa konxju li f’dawn il-qċaċet għolja tal-għaqda ma’ Alla, ir-ruħ tinsab verament viċin tiegħu, u l-istess turġien li jitilgħu ‘l fuq jinżlu ‘l isfel ukoll. Fi kliem ieħor, dan is-sellum li jgħolli lir-ruħ lejn Alla, ibaxxiha wkoll u jkabbar fiha l-umiltà. Fil-fatt, bħal fil-każ tar-Regola Monastika ta’ San Benedittu, dan is-sellum nistgħu nsejħulu wkoll is-sellum tal-umiltà b’tali mod li jissejjaħ l-akbar fis-Saltna tas-smewwiet dak li l-aktar ibaxxi lilu nnifsu (ara 2 Kor 12:10; Fil 2:6-7) u jiżvojta lilu nnifsu billi jilqa’ kollox bħala grazzja minn Alla (ara Il, 18: 1 2).

Is-sellum huwa msejjaħ ukoll is-sellum tal imħabba. Minn ċerta tbatija minħabba x-xewqa għal Alla, ir-ruħ tasal biex bil-mod il-mod tistrieħ fih. Dan is-serħan, jgħidilna Ġwanni, għandna nifhmuh fid-dawl ta’ dak li jgħallimna l-Appostlu San Pawl dwar l-imħabba, jiġifieri li “kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti” (1 Kor 13:7; ara Il, 19-20).

Fl-aħħar nett, dan is-sellum jissejjaħ ukoll sellum sigriet għaliex ir-ruħ li ssir taf lil Alla tagħmel dan fil-moħbi. Fil-moħbi mhux għax tingħalaq weħidha, jew għax tiġi mħarsa mid dnub, imma għaliex sakemm għadha tgħix f’din l-art, sakemm għadha tara lill-Għarus Divin taħt xbihat u sinjali li jidhru kullimkien f’din id-dinja, it-tisfija tagħha ma tista’ qatt tkun sħiħa. Huwa sellum sigriet għax fl-istess ħin juri, imma jaħbi wkoll, il-wiċċ misterjuż ta’ Alla. Resqet kemm resqet ir-ruħ lejn Alla, ir-ruħ li tħobb, tagħraf f’dan il-lejl mudlam qaddis, li l-imħabba ma tintemm qatt, u allura lanqas ma jintemm il-vjaġġ lejn l-għaqda u t-trasformazzjoni sħiħa f’Alla, l-Għarus Divin (ara Il, 20:6).

Fl-aħħar mill-aħħar, Ġwanni jiġbrilna dan il-vjaġġ kollu fil-kliem ta’ San Mattew l-Evanġelista, “Henjin dawk ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw ‘l Alla” (Mt 5:8).

Meħud mir-Rivista, Il-Karmelu Apiil -Ġunju 2019


Aktar dwar San Ġwann tas-Salib …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading