Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea.
Żmien ta’ Tranżizzjoni
Kif diġa’ rajna, Kostantinu ġab rivoluzzjoni fl-Imperu Ruman. Huwa ta bidu għal proċess ta’ Kristjanizzazjoni, iżda b’daqshekk ma jfissirx li l-paganiżmu kien spiċċa, jew li issa l-Knisja ma’ kellhiex problemi. L-Insara xorta kien għadhom f’minoranza filwaqt li minħabba l-għadd ta’ ereżiji li kienu qed iqumu, bosta drabi kienu mifrudin bejniethom. Se naraw kif fil-perjodu bejn it-tmexxija ta’ Kostantinu u dik ta’ Teodosju, l-imperatur li għamel ir-Reliġjon Nisranija dik uffiċjali, il-Knisja kibret fl-importanza. Se naraw x’relazzjoni kellha mal-Imperaturi u x’tip ta’ mġieba kien hemm bejn l-Insara u l-pagani. Se nsemmu l-Arjaniżmu wkoll, iżda m’aħniex se nidħlu f’ħafna dettalji. Dan għaliex duq dan is-suġġett nitkellmu f’aktar dettal aktar il-quddiem.
Ulied Kostantinu
Mal-mewt ta’ Kostantinu, it-tliet uliedu qatlu lill-familjari l-oħrajn, barra lil wieħed min-neputijiet iż-żgħar jismu Ġuljanu, li se nsemmuh aktar ‘l isfel. Qasmu l-Imperu bejniethom, hekk li Kostantinu II ħa l-Punent, Kostanzju ħa l-Lvant filwaqt li Kostanz ħa l-Italja, il-Balkani u l-Afrika ta’ Fuq.
Kostantinu II u Kostanz kienu jxaqilbu lejn il-Kredu ta’ Niċea fil-waqt li Kostanzju kien tistà tgħid Arjan (dwar din l-ereżija ser nitkelmu aktar il-quddiem). Kostantinu II ħakem sas-sena 340 meta huwa miet f’taqbida kontra ħuh Kostanz. Kostantinu II kien wera simpatija ma’ San Atanasju u kien strumentali biex jeħilsu minn wieħed mill-bosta eżilji li bata dan il-qaddis. Min-naħa l-oħra, Kostanz, wara l-mewt ta’ ħuh ħa dak kollu li kellu. Kostanz wera ħila fil-kamp militari.

InjazjuKif semmejna qabel, Kostanz kien lejali lejn it-tagħlim Ortodoss/Kattoliku. Huwa projbixxa s-sagrifiċċji publiki tal-pagani, ħadha kontra Donatisti u ta appoġġ lil San Atanasju. Iżda fis-sena 350 qamet rewwixta kontrieh u matulha ġie assasinat. Dan wassal sabiex l-aħħar iben ta’ Kostantinu, Kostanzju laħaq mexxej tal-Imperu magħqud.
Kostanzju wera ħila kbira biex joħodha sew kontra r-ribelli kif ukoll jiddefendi l-Imperu mill-attakki tal-Persjani u l-Barbari. Iżda hu kien fuq kollox Arjan u għamel min kollox biex dan it-twemmin jissaħħah u nistgħu ngħidu li prova jiddomina l-Knisja billi għamel pressjoni u eżilja lil dawk l-Isqfijiet li kienu żammew mat-twemmin ta’ Niċea. Fuq hekk sab oppożizzjoni min San Atanasju. Fi żmien Kostanzu, li dam imperatur mit-337 sat-361, komplew ir-restrizzjonijiet fuq is-sagrifiċċji tal-pagani, l-istess bħalma kienu għamlu missieru u ħuh qablu. Nistgħu ngħidu li fi żmienu donnha d-dinja kienet saret Arjana, kieku mhux għall-ħidma qalbiena ta’ San Atanasju.
Pagani u Nsara
Nistgħu ngħidu li l-Insara u l-pagani f’dawn iż-żminijiet kienu jgħixu fl-istess ambjent, iżda l-attitudnijiet lejn xulxin kienu jvarjaw. Xi uħud mill-Insara kienu jħarsu lejn il-pagani bħala nies li għadhom qed jistennew id-dawl jew għadhom fl-injoranza, u li bil-paċenzja dawn għad iduru lejn it-twemmin Nisrani.
Oħrajn bdew iħarsu lejn il-Pagani bħala dawk li għandhom jiġu konvertiti akkost ta’ kollox. Dan kien ifisser pressjoni psikoloġika, insulti kif ukoll vjolenza hekk li naraw attakki fuq tempji pagani, propjetà, kif ukoll u saħansitra vjolenza fiżika li ġieli wasslet għal mewt.
Tajjeb li nifhmu li l-fatt li l-Imperaturi kienu jiffavorixxu lil Insara (Kattoliċi jew Arjani) fisser li kienu bosta dawk li ħaddnu r-reliġjon Nisranija għal raġunijiet mhux tant spiritwali. Bosta drabi żieda fil-kwantità mhux dejjem fissret żieda fil-kwalità.
Tajjeb li naraw daqxejn min kienu il-pagani f’dan iż-żmien ta’ tranżizzjoni. Nistġhu ngħidu li l-aktar żewġ sezzjonijiet li kienu marbuta mat-twemmin tal-qedem kienu n-nies tal-kampanja. Il-kelma wżata fil-Latin għalihom, Pagani, saret tfisser nies li ma humiex Insara u mhux in-nobbiltà Rumana jew dik Patrizja. Tajjeb li ngħidu li bosta drabi l-għalliema tal-għorrief Insara kienu pagani.
L-istudju tal-klassiċi, letteratura, retorika u filosofija kienu frott tal-għerf tad-dinja pagana. Kienu bosta dawk li meta bħal Santu Wistin ta’ Ipona qabblu l-kitba ta’ Omeru jew Virġilju mat-Testment il-ġdid ħassew li tal-aħħar kien nieqes fl-istil. L-għalliema u filosofi pagani baqgħu jgħallmu u l-istudenti tagħhom kienu jkunu fost l-Insara. Barra minn hekk, il-fatt li issa l-konverżjonijiet kienu qed isiru bil-folol fisser illi s-sitwazzjoni kienet fluwida b’nies li jaqilbu faċilment. Iżda għal persunaġġ partikulari, din is-sitwazzjoni kellha twassal sabiex jibqa magħruf sa żmienna. Dan kien Ġuljanu, magħruf bħala Ġuljanu l-Apostata.