F’Dun Mikiel Attard ma kienx hemm qasma bejn kontemplazzjoni u azzjoni


It-Tlieta, 16 ta’ April 2019: Fuq il-qabar tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, l-għada tas-sittin anniversarju presbiterali tiegħu (is-Sibt 13 ta’ April 2019), l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ippropona lil dan is-saċerdot Għawdxi bħala “kontemplattiv fl-azzjoni”. Huwa stieden lis-saċerdoti preżenti “biex l-eżempji tiegħu, jekk ma jċanfruniex, almenu jistimulawna ħalli nirrevedu ftit il-ħajja Nisranija u ministerjali tagħna billi nerġgħu niskopru l-kordinati tal-ministeru saċerdotali li huma l-kontemplazzjoni u l-ħajja attiva”.

62 (1)

L-Isqof Grech qal li “dak li spiritwalment jiddistingwi lil Dun Mikiel ma humiex biss il-virtujiet umani, Insara u anki saċerdotali, imma fuq kollox il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fih – saċerdot sempliċi, b’formazzjoni teoloġika ordinarja, u fuq kollox dgħajjef u marid imma fl-istess waqt intuwittiv, profetiku, kuraġġjuż, jissogra, skomdu (anki għall-ġerarkija), u kreattiv”.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Grech ikkwota kemm-il darba mill-kitbiet tal-Qaddej ta’ Alla, li juruh bħala bniedem tassew kontemplattiv li “letteralment kien jgħix fil-kumpanija ta’ Ġesù”. Qal li Dun Mikiel mhux biss “kien jaf dwar Ġesù, imma kien jaf lil Ġesù, u dan frott tar-relazzjoni intima li kellu miegħu”.

“Ix-xewqa ta’ Dun Mikiel kienet li jkun ħaġa waħda ma’ Ġesù kemm biex tikber fih ‘is-sura ta’ Kristu’, biex jagħmel ‘ir-rieda tal-Missier’, kif ukoll biex jikseb ‘frott sopranaturali u psikoloġiku’”. Dan għamlu billi għex fl-attwalità ta’ ħajtu l-Misteru tal-Għid.

Dwar il-ħajja ta’ talb ta’ Dun Mikiel, l-Isqof ikkummenta li “ħajtu kienet talba bla waqfien”, u “waħda mill-għejun ewlenin li minnhom kien jixrob kienet il-liturġija tal-Knisja”, imma “kitbietu juru li f’ħajtu ma kienx hemm qasma bejn il-liturġija ċċelebrata u dik mgħixa”.

Dun Mikiel Attard ġie ordnat saċerdot fl-1959. Hu miet f’Lulju 2004, fl-età ta’ 71 sena, wara snin twal mixħut fis-sodda minħabba l-mard, fejn għaqqad ħajtu mas-Salib ta’ Kristu. Il-qabar tiegħu jinsab fiċ-Ċimiterju l-qadim tad-Duluri fin-Nadur, raħal twelidu.