QUDDIESA GĦALL-FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TA’ ĠESÙ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Sistina, 13 ta’ Jannar 1985
1. “Mis-sema semmajt leħnek”.
Dan il-kliem, li l-prefazju tal-liturġija tallum jindirizza lil Alla l-Missier, jiġbor fil-qosor, sa ċertu punt, il-manifestazzjoni tal-ħniena divina lejn il-bnedmin, li attwat ruħha fil-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù, li fosthom illum infkkru il-Magħmudija tiegħu fix-xmara Ġordan .
Il-kliem misterjuż tal-Missier ċelesti, li jinstemgħu minnufih wara li Ġesù joħroġ mill-ilma, jikkostitwixxi wieħed mill-ewwel “sinjali mirakulużi” – kif jerġà jgħid il-prefazju – li bih il-Missier ried jiggarantixxi l-missjoni divina tal-Iben għażiż għas-salvazzjoni tagħna.
Li jiġi mgħammed minn Ġwanni. Ġesù, għalkemm ħieles minn kull dnub, ried jaqsam il-kondizzjoni tagħna ta’ krejaturi feruti u umiljati mid-dnub u fil-bżonn ta’ purifikazzjoni. B’dan il-ġest, Ġesù, Verb inkarnat, ried jurina l-qawwa tal-azzjoni feddejja u “battiżimali” tiegħu, propju billi jinqeda b’ġisem debboli, sabiex tkun tistà titwettaq, fih u bih, is-salvazzjoni tagħna.
2. Is-subien u l-bniet, li llum se jirċievu l-Magħmudija jikkostitwixxu x-xhieda ta’ din l-azzjoni purifikatriċi ta’ Ġesù fil-qawwa tal-Ispirtu Santu.
Huma jintlaħqu minn ħamla ta’ grazzja li, waqt li toħroġ mill-pjagi ta’ Ġesù msallab, tespandi benefika biex issaqqi d-deżert ta’ din id-dinja, biex tfejjaq il-feriti u l-miżerji, biex taħsel id-dnubiet tal-bniedem.
Ukoll dawn il-krejaturi żgħar, minn hawn u ftit ieħor, se jintlaħqu minn dan l-ilma tas-saħħa, ikunu meħlusa mid-dnub oriġinali u mill-iskjavitù tad-demonju, ikunu mqaddsa u magħmula “wlied Alla”, xbiha tal-Iben divin, immexxija mill-Ispirtu Santu, u werrieta tal-ħajja eterna.
3. “Hawn hu l-qaddej tiegħi li jien insostni, l-għażiż tiegħi li bih nitgħaxxaq. Jien qgħedt l-Ispirtu tiegħi fuqu”.
Dan il-kliem tal-ewwel qari, li jipprofetizza l-misteru ta’ Ġesù salvatur, jistgħu jkunu applikati, kemm biss bħala sehem, ukoll għal dawn il-krejaturi li se jkunu mgħammda. Huma wkoll, fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu, se jkunu mdaħħla f’intimità speċjali ma’ Alla, li se jgħinhom jegħlbu l-kondizzjoni nfisha ta’ krejaturi, biex ikunu mgħollija għall-ordni soprannaturali tal-filjolanza divina. Hekk huma jkunu “ġġenerati” mill-Missier għal twelid ġdid, dak li Ġesù jsejjaħ: “twelid mill-għoli” (cf. Ġw 3, 7).
U intom, għeżież ġenituri, li ġġenerajtu fiżikament lil dawn uliedkom, kunu dejjem konxji, flimkien mal-parrinijiet, ta’ din il-ġenerazzjoni spiritwali tal-krejaturi tagħkom. It-twelid fiżiku huwa ta’ karattru temporali: it-twelid għall-ħajja tal-grazzja iva se jseħħ għall-korsa kollha tal-eżistenza terrena, u jitwettaq biss fil-ħajja eterna.
Ftakru mela dejjem, għeżież ġenituri, għeżież parrini, f’din ir-responsabiltà: “tiġġeneraw” dawn il-krejaturi għall-ħajja ta’ wlied Alla. Dan għandkom tagħmluh, dan tistgħu tagħmluh bħala membri tal-komunità ekkleżjali. Il-maternità tal-Knisja trid tgħaddi permezz tagħkom. Bla dubju, tali maternità se tesprimi ruħha wkoll, sa ċertu punt, permezz tal-preżenza tas-saċerdot, tar-reliġjuż u tar-reliġjuża. Imma tinsew qatt il-funzjoni insostitwibbli, eżerċitata minn ambjent san familjari, dak li ġustament u ripetutament huwa msejjaħ il-Knisja domestika. Il-familja hija l-ewwel skola għall-formazzjoni morali u reliġjuża u għat-trażmissjoni tal-valuri l-iktar għeżież.
Din, għeżież ħuti, hija l-wegħda tiegħi; din ix-xewqa tiegħi. Id-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu, l-għajnuna tal-Beata Verġni Omm Alla u tal-Knisja jgħinukom tmexxu lil uliedkom – dawn l-insara ġodda – għall-milja tal-grazzja batteżimali u għall-qdusija.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb