Il-Papa Beneditt XVI fuq il-qabar ta’ Santu Wistin f’Pavia

Mogħti merħba mill-Pirjol Ġenerali tal-Agostinjani, Patri Robert Francis Prevost, li llum, 2026, huwa l-Papa Ljun XIV.

ŻJARA PASTORALI F’VIGEVANO U PAVIA
ĊELEBRAZZJONI TAL-VESPRI FLIMKIEN MA’ SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI U SEMINARISTI TAD-DJOĊESI,
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI
Bażilika ta San Pietro in Ciel d’Oro, Pavia
Il-Ħadd, 22 ta’ April, 2007

Għeżież ħuti!

F’dan il-waqt konklussiv, iż-żjara pastorali tiegħi f’Pavia tikseb il-forma ta’ pellegrinaġġ.  Hu l-mod li bih kont tħejjejt għaliha bix-xewqa li niġi nqim il-fdalijiet mortali ta’ Santu Wistin, sabiex nesprimi kemm il-qima tal-Knisja Kattolika kollha lejn wieħed mill-akbar “missirijiet” tagħha kif ukoll id-devozzjoni personali tiegħi lejn dak li kellu impatt kbir fuq ħajti bħala teologu u ragħaj, imma nżid ukoll, qabel kollox, bħala bniedem u saċerdot.  B’għożża nġedded it-tislima tiegħi  lill-Isqof Giovanni Giudici u b’mod speċjali lill-Pirjol Ġenerali tal-Agostinjani, Patri Robert Francis Prevost, lill-Ministru Provinċjali u l-komunità Agostinjana kollha kemm hi.  Bil-ferħ insellem lilkom ilkoll, għeżież saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi konsagrati u seminaristi.

Il-Providenza riedet li dal-vjaġġ tiegħi jieħu xejra ta’ żjara pastorali.  Għalhekk, f’dan il-mument ta’ talb, nixtieq, hawn, ħdejn il-qabar ta’ Doctor gratiae, inwassal messaġġ rilevanti għall-mixja tal-Knisja.  Dal-messaġġ jaslilna mil-laqgħa bejn il-Kelma t’Alla u l-esperjeza personali tal-kbir Isqof ta’ Ippona.  Waqt is-sekondi Vespri tat-tielet Ħadd tal-Għid, smajna silta qasira mill-Bibbja (Lhud 10, 12-14): l-ittra lil-Lhud poġġiet quddiemna lil Kristu bħala s-Saċerdot il-kbir u etern li tela’ fil-glorja tal-Missier wara li offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju perfett u waħdieni tar-Rabta l-Ġdida, li biha waslet għall-milja tagħha l-opra tar-Redenzjoni.  Santu Wistin waħħal ħarstu fuq dal-misteru u fih sab il-Verità li tant kien ifittex: Ġesù Kristu, il-Verb inkarnat, il-Ħaruf issagrifikat u rxuxtat, hu r-rivelazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla-Mħabba għal kull persuna riesqa lejn l-eternità mal-mogħdija taż-żmien.  F’silta li nistgħu nqisuha parallela ma’ dak li hemm fl-ittra lil-Lhud, l-Apposltu Ġwanni jikteb: “U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4,10).  Dan hu l-qofol tal-Evanġelju, in-nukleju ċentrali tal-Kristjaneżmu.  Id-dawl ta’ din l-imħabba fetaħ għajnejn Wistin u laqqgħu “mas-sbuħija antika u dejjem ġdida” (Stqarrijiet X,27) li fiha biss issib il-paċi l-qalb tal-bniedem.

Għeżież ħuti, hawn, quddiem il-qabar ta’ Santu Wistin, nixtieq idealment irrodd lura lill-Knisja u lid-dinja l-ewwel Enċiklika tiegħi, li fiha propju dal-messaġġ ċentrali tal-Evanġelju: Deus caritas est, Alla hu mħabba (1 Ġw 4,8.16).  Din l-Enċiklika, partikolarment fl-ewwel parti, midjuna bil-kbir lejn il-ħsieb ta’ Santu Wistin li kien innamrat mill-Imħabba ta’ Alla, għanniha, immeditaha, ipprietkaha fil-kitbiet kollha tiegħu, u fuq kollox, ta xhieda tagħha fil-ministeru pastorali tiegħu.  B’rabta mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II u mal-meqjuma Predeċessuri tiegħi Ġwanni XXIII, Pawlu VI, Ġwanni Pawlu I u Ġwanni Pawlu II, jien konvint li l-umanità kontemporanja għandha bżonn dal-messaġġ essenzjali, inkarnat fi Kristu Ġesù: Alla hu mħabba.  Kollox għandu jibda minn hawn u kollox għandu jerġa’ jwassal hawn: kull azzjoni pastorali, kull diskussjoni teoloġika.  Kif jgħid San Pawl: “Kieku ma kellix l-imħabba, xejn ma kien jiswieli ta’ ġid” (cfr 1 Kor 13,3): il-kariżmi kollha jitilfu s-sens u l-valur tagħhom jekk neqsin mill-imħabba, li bis-saħħa tagħha lkoll kemm aħna nagħtu sehemna biex nibnu l-Ġisem mistiku ta’ Kristu.

Dan għalhekk hu l-messaġġ li llum ukoll Santu Wisitn għadu jtenni lill-Knisja kollha u, partikolarment, lil dil-komunità djoċesana li b’tant qima tindokra r-relikwiji tiegħu: l-Imħabba hi r-ruħ tal-ħajja tal-Knisja u tal-azzjoni pastorali tagħha.  Smajna dan dalgħodu fid-djalogu bejn Ġesù u Xmun Pietru: “Tħobbni?….Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (cfr Ġw 21,15-17).  Dawk biss li jgħixu l-esperjenza personali tal-imħabba tal-Mulej jistgħu jwettqu l-missjoni li jiggwidaw u jakkumpanjaw lil oħrajn fit-triq tas-sekwela ta’ Kristu.  Hawn, fl-iskola ta’ Santu Wistin intenni dil-verità lilkom bħala Isqof ta’ Ruma, filwaqt li b’ferħ dejjem ġdid, nilqagħha flimkien magħkom bħala nisrani.

Li taqdi lil Kristu huwa l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ mħabba.  Għeżież ħuti, jalla s-sħubija tagħkom fil-Knisja u l-appostolat tagħkom jiddu dejjem għax meħlusin minn kull interess personali u marbutin bla riżervi mal-imħabba ta’ Kristu.

Biex naqdu lil Kristu l-ewwel u qabel kollox ifisser li nħobbu.  Għeżież ħuti, jalla s-sħubija tagħkom fil-Knisja u l-appostolat tagħkom jiddu dejjem għax ħielsa minn kull interess individwali, u mir-rabta bla ebda riserva tagħkom mal-imħabba ta’ Kristu.  B’mod partikolari ż-żgħażagħ għandhom bżonn jirċievu l-aħbar tal-libertà u tal-ferħ li s-sigriet tagħhom jinsab fi Kristu.  Huwa Hu l-veru tweġiba għall-istennija ta’ min hu qalbu mħawda minħabba tant mistoqsijiet li jitturmentawh.  Fih biss, Kelma li wasslilna l-Missier, insibu dik l-għaqda bejn il-verità u l-imħabba li fiha t-tifsira sħiħa tal-ħajja.  Wistin għex personalment u stħarreġ bis-sħiħ il-mistoqsijiet li l-bniedem iġorr f’qalbu, u stħarreġ il-ħila li għandu l-bniedem li jkun miftuħ għall-infinit ta’ Alla.

Fuq il-passi ta Santu Wistin kunu intom ukoll Knisja li twassal bil-verità “l-aħbar it-tajba” ta’ Kristu, il-proposta tiegħu għall-ħajja, il-messaġġ tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni u maħfra.  Osservajt li l-ewwel għan pastorali tagħkom hu li tmexxu lill-bnedmin lejn il-maturità nisranija.  Napprezza dil-prijorità marbuta mal-formazzjoni personali għax il-Knisja mhix sempliċi organizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet kollettivi u lanqas, bil-maqlub, ġabra ta’ individwi li jgħixu reliġjożità privata.  Il-Knisja hi komunità ta’ persuni li jemmnu f’Alla ta’ Ġesù Kristu u huma impenjati li fid-dinja jgħixu l-kmandament tal-karità li ħallielna Hu.  Għalhekk, hi komunità li teduka għall-imħabba, u din l-edukazzjoni sseħħ mhux minkejja, iżda permezz, tal-ġrajjiet tal-ħajja.  Hekk kien Pietru, għal Wistin u għall-qaddisin kollha.  L-istess jgħodd ukoll għalina.

Il-maturazzjoni personali, imħeġġa mill-karità ekkleżjali, hi mezz ta’ tisħiħ tad-dixxerniment komunitarju, jiġifieri l-ħila li wieħed jaqra u jinterpreta ż-żmien ta’ issa fid-dawl tal-Evanġelju, biex ikun tweġiba għas-sejħa tal-Mulej.  Inħeġġiġkom  biex tissaħħu fix-xhieda personali u komunitarja tal-imħabba operuża.  Is-servizz tal-karità, li intom bir-raġun tifhmuh dejjem b’rabta mat-tħabbir tal-Kelma u maċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, fl-istess ħin hu sejħa u stimolu biex tkunu attenti għall-ħtiġijiet materjali u spiritwali ta’ ħutna.  Inħeġġiġkom biex tfittxu “l-għola livell” tal-ħajja nisranija, li fil-karità ssib ir-rabta perfetta li għandha tissarraf ukoll fi stil ta’ ħajja morali mnebbaħ mill-Evanġelju, inevitabbilment kontra l-kurrent vis à vis l-kriterji tad-dinja, imma li dejjem għandna nagħtu xhieda tiegħu bi stil umli, rispettuz u kordjali.

Għeżież ħuti, għalija kien don, verament don, li naqsam magħkom dil-waqfa qrib il-qabar ta’ Santu Wistin: lill-pellegrinaġġ tiegħi, il-preżenza tagħkom għanietu b’sens ekkleżjali aktar konkret.  Nerġgħu nibdew minn hawn billi fi qlubna nġorru l-ferħ li aħna dixxipli tal-Imħabba.  Tkun magħna dejjem il-Verġni Marija, li fil-ħarsien matern tagħha jiena nafda lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkom, waqt li b’għożża kbira intikom il-Barka Appostolika.

***

Meta ħareġ mill-Bażilika ta’ San Pietro in Ciel d’Oro, il-Qdusija Tiegħu hekk sellem lill-fidili ta’ Pavia u, b’mod partikolari, lill-għadd kbir ta’ tfal preżenti:

Għeżież tfal, hu ta’ ferħ kbir għalija li jien u nħalli dil-belt meraviljuża ta’ Pavia nista’ nara lit-tfal, lill-adoloxxenti u liż-żgħażagħ.  Intom partikolarment qrib tal-Mulej.  Imħabbtu hi partikolarment għalikom.  Inkomplu mexjin fl-imħabba tal-Mulej!  Itolbu għalija, jien nitlob għalikom.  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading