Is-saċerdot jittrasmetti l-preżenza ta’ Alla


Il-Ħamis, 18 ta’ April 2019: Ħamis ix-Xirka. Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Quddiesa taż-Żjut, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

IS-SAĊERDOT JITTRASMETTI L-PREŻENZA TA’ ALLA

Għal-Lhud il-jum tax-Shabbath huwa jum iddedikat lil Alla, u għalhekk imorru fis-sinagoga biex ibierku lil Alla. Ġesù wkoll kien ifittex is-sinagoga. Fil-Vanġelu smajna lil Luqa jgħidilna li kienet id-drawwa ta’ Ġesù li kull nhar ta’ Sibt imur fis-sinagoga ta’ Nazaret (4:16). F’San Mattew naqraw li Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom (4:23). U f’San Ġwann, Ġesù stess jgħid: “Għallimt dejjem fis-sinagogi u fit-Tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha” (18:20). Dawn ir-riferenzi flimkien ma’ dawk il-passaġġi li jitkellmu dwar l-għadd ta’ drabi fejn Ġesù mar fit-Tempju ta’ Ġerusalemm huma xhieda li Ġesù kien ifittex jingħaqad mal-ġemgħa li titlob. Imbagħad għandna waqtiet fejn f’jum is-Sibt filgħodu hu mar is-sinagoga ta’ Kafarnahum, imbagħad l-għada filgħodu kmieni qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob (Mk 1:35).

Matul il-ministeru pubbliku tiegħu Ġesù kien sikwit jirtira waħdu, b’mod partikulari billejl jew maż-żerniq, biex jitlob u jidħol f’relazzjoni intima mal-Missier, tant li jsejjaħlu Abbà. It-talb ta’ Ġesù huwa rabta umli u kollha fiduċja tar-rieda tiegħu ta’ bniedem mar-rieda kollha mħabba tal-Missier. Għal Ġesù t-talb ma kien xi ħaġa optional (fakultattiva), imma kien dak li żammu ħaġa waħda mal-Missier.

Lilna s-saċerdoti l-Mulej sejħilna u fdalna missjoni li la nimmeritaw u lanqas nippretendu li nistgħu nwettquha bil-ħila tagħna waħidna. Għalkemm aħna ġarar tal-fuħħar, qegħdin inġorru misteru kbir. Biex niftakru x’wirt messna dakinhar tal-Ordinazzjoni tagħna meta l-Mulej ħatarna għas-saċerdozju, biżżejjed intenni xi espressjonijiet tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard:
– Is-saċerdot Kattoliku huwa sagrament personifikat ta’ Ġesù Kristu, il-mexxej tal-Knisja fid-dinja. Is-saċerdot hu l-ħin kollu (sagrament li ma jiqafx) ir-rappreżentant ħaj ta’ Ġesù fid-dinja; sinjal ħaj u strument (responsabbli) dirett u immedjat ta’ Ġesù Kristu.
– Huwa alter Christus (aktar b’differenza sostanzjali minn kull Kristjan); identifikazzjoni sagramentali ma’ Kristu – in persona Christi. Huwa Homo Dei – qaddej ta’ Alla li jaqdi lil ħutu l-bnedmin f’ismu.
– Huwa l-kontinwazzjoni tas-Saċerdozju ta’ Kristu u tkomplija tax-“xogħol” – salvazzjoni, co-redemptor, prinċipalment bil-Misteru Paskwali fis-sens at the cost of the suffering of the foolishness of the Cross.

Fi ftit kliem, aħna mibgħuta biex nittrasmettu l-esperjenza ta’ Alla. Jekk nagħmlu ħidma oħra li toħroġ ’il barra minn dan il-qafas, inkunu nittradixxu l-ministeru saċerdotali. Imma dan il-mandat nistgħu nwettquh biss jekk aħna s-saċerdoti nkunu f’Alla – jekk ngħixu f’Alla. Kif jinnota Von Balthasar, “illum in-nies qegħdin ifittxu bil-fanal f’idejhom irġiel li kapaċi jarmu xi ftit minn dak id-dawl u l-prossimità ta’ dak li huwa l-Bidu ta’ kollox – ta’ Alla”. Hekk biss jagħmel sens il-ministeru tagħna kemm f’soċjetà fejn hemm l-ekklissi ta’ Alla u kemm fi Knisja li bħalissa qed tagħmel tranżizzjoni diffiċli imma importanti.

Jekk Ġesù, l-Iben ta’ Alla, kellu l-bżonn li “joffri talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ” (Lhud 5:7) biex fl-uffiċċju tiegħu ta’ saċerdot seta’ joffri lilu nnifsu bħala vittma, kemm aktar aħna l-presbiteri ma nistgħux inżommu wieqfa jekk ma nkunux nies tat-talb! Jekk ma jkollniex pedament spiritwali sod, ma nkampawx fil-ministeru. Saċerdot li jittraskura l-ħajja tat-talb huwa, fi kliem Dun Mikiel, “a man with authority or do-gooder”. Kif josserva Enzo Bianchi, “waħda mill-kawżi tal-malessere fil-ħajja ta’ ħafna saċerdoti hi l-fatt li ħafna saċerdoti jitolbu ftit jew saħansitra qatt ma jitolbu”.

Ħafna drabi niċċantaw it-talb għaliex inħallu x-xogħol jirkibna. L-isfida biex insibu l-bilanċ bejn il-ħidma u t-talb mhix xi ħaġa tagħna llum. Anki l-Appostli kellhom din id-diffikultà meta l-ministeru tagħhom kien mhedded mix-xogħol; dakinhar l-għażla kienet ċara: “Aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma” (Atti 4:4). Għażla tixxiebah kellu jagħmel Mosè meta ħatnu gergirlu: “‘Għaliex qiegħed bilqiegħda waħdek u l-poplu wieqaf quddiemek minn filgħodu sa filgħaxija?” U Mosè qal lil ħatnu: “Għax il-poplu jiġi għandi jaraw xi jgħid Alla. U ngħallimhom id-deċiżjonijiet u t-twissijiet ta’ Alla” (Eż 18:15-16).

Ma nistax nippretendi li ngħin lill-oħrajn jagħmlu d-dixxerniment dwar ir-rieda ta’ Alla għalihom jekk ma nkunx ngħix b’mod abitwali fil-preżenza ta’ Alla. Min ma għandux ħin għat-talb qed jeskludi lilu nnifsu milli jakkumpanja spiritwalment lill-oħrajn. U min ma jitlobx, imbagħad xorta waħda jiżżattat jiggwida l-kuxjenzi, ikun qed jirriskja li jagħmel dannu kbir lill-kuxjenza. Kif josserva l-Papa Franġisku, “ma nistgħux ma nfittxux is-skiet tat-talb fit-tul biex fih nifhmu aħjar dan il-lingwaġġ (ta’ Alla), biex ninterpretaw it-tifsira vera tat-tnebbiħ li naħsbu li kellna, biex nikkalmaw l-ansjetajiet tagħna u nħarsu lejn il-ġabra sħiħa ta’ ħajjitna għad-dawl ta’ Alla” (Gaudete et exsultate, 171). Fi kliem Iviron ta’ Monte Athos, “l-esicasta (dak li jgħid it-talba tal-qalb) huwa dak li jitkellem waħdu ma’ Alla waħdu u jitolbu mingħajr serħan”. U Santa Tereża ta’ Avila tikteb illi “t-talb mentali huwa relazzjoni intima ta’ ħbiberija li wieħed spiss igawdi waħdu ma’ Alla waħdu – ma’ dak li nafu li jħobbna”.

Għeżież saċerdoti, ċerti ħidmiet nistgħu u għandna niddelegaw lill-oħrajn, imma ma nistgħux niddelegaw it-talb. San Bernard darba qal lill-Papa: “Isserraħx ħafna fuq il-grad ta’ talb li għandek, għax lura tista’ tmur… Ikun aħjar jekk tnaqqas mill-impenji tiegħek qabel ma dawn l-impenji jeħduk fejn ma tridx tmur, u twebbes qalbek. Jekk ma tagħmilx ħin għalik innifsek, l-impenji tiegħek isiru xkiel għalik”.

It-talb huwa neċessarju għax huwa l-wiċċ l-ieħor tal-medalja tal-fidi. Jekk titlob, temmen, u jekk temmen, titlob. It-talb huwa l-elokwenza tal-fidi. Il-fidi tagħna titkejjel skont kemm u kif nitolbu. Anzi, il-mod kif nitolbu jikxef jekk nemmnux jew le. Ftit ilu persuna qaltli: “It-tali saċerdot iqaddes qisu anġlu, kemm jitlob bil-galbu u l-ġabra!”. Kulħadd għajnejh f’wiċċu u jaf jiddistingwi bejn saċerdot li jitlob għax huwa bniedem ta’ fidi jew għax hu purament funzjonarju tas-sagru retribwit. Min telaq it-talb forsi ma jasalx biex iħalli s-saċerdozju, imma jgħix ħajja ta’ kompromess.

Nitqarrqu jekk naħsbu li huwa faċli li wieħed jinġabar u jkun assidwu fit-talb, u għalhekk ġieli wara l-ewwel tentattivi naqtgħu qalbna u ma nipperseverawx. Kif josserva Dimitri minn Rostovo, “biex wieħed jikseb il-memoria Dei, it-tifkira kostanti ta’ Alla, jeħtieġ determinazzjoni kbira. Ħafna ma jafux kemm wieħed irid ibati biex ikollu din il-memoria Dei. Abba Agotone, wieħed mill-Missirijiet tad-deżert, jgħid li meta kienu jistaqsuh dwar liema virtù titlob l-aktar impenn (taħbit), kien jgħidilhom: ‘Aħfruli, imma naħseb li ma hemmx battikata ikbar minn meta titlob lil Alla. Għax kull darba li l-bniedem ikun irid jitlob, l-għedewwa kollha jippruvaw ifixkluh, għax jafu li xejn ma jista’ jagħmlilhom ħsara daqs it-talb lil Alla’”.

Barra t-talb personali, aħna l-presbiteri għanda wkoll it-talb liturġiku. Il-Liturġija Ewkaristika u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti ma humiex biss servizz lill-komunità, imma huma wkoll talba li jagħmel is-saċerdot innifsu. Nirrakkomandalkom biex meta tiċċelebraw is-sagramenti, titolbu, għax inkella dawn aktar ikollhom minn tal-maġija milli laqgħa ma’ Kristu.

Ma’ dawn inżidu wkoll il-Liturġija tas-Sigħat, li barra li hija actio ecclesiæ, hija neċessarja biex tagħti ritmu liż-żmien u biex tkebbes fina l-memorja ta’ Alla. Il-Liturġija tas-Sigħat mhix biss opus Dei imma locus Dei.

Nikkonkludi din il-meditazzjoni bi ftit indikazzjonijiet li jagħtina l-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel biex ngħixu l-ħajja tat-talb:
1. Ikseb familjarità. Kun fiduċjuż u fuq kollox kun doċli/ubbidjenti għall-Kelma ta’ Alla li tisma’ (għall-inqas) waqt il-quddiesa. Staqsi: X’qalli llum il-Mulej?
2. Kun riflessiv u ttrenja għal temperament kontemplattiv u reliġjuż – mhux aljenat. Kif Marija, Omm Ġesù, kienet toqgħod taħseb x’setgħet tfisser “dik it-tislima”, int “aħseb” x’qallek il-Mulej fil-Liturġija tal-Kelma u xi tfisser għalik fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-jum.
3. Ittallab mingħand Ġesù memorja (mhux biss psikoloġika) Pnewmatika. L-Ispirtu s-Santu “jfakkrek” u “jfehemek il-verità kollha, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kuljum (…).
4. Akkwista t-tielet għajn: faith vision. Din l-għajn tal-fidi tkun qisha (a) aerial sabiex jaqbad iċ-ċirkustanzi madwarek; (b) booster li jispottja dik il-verità tal-Kelma ta’ Alla li biha tiddawwal u tapplikaha għall-ġrajjiet ta’ kuljum. Għal ħaddiehor (bla faith vision) hija “qoffa tielgħa – qoffa nieżla”, għalik tkun “annunzjazzjoni kontinwa” u għal ieħor kwotidjanità monotona.
5. Offri disponibbiltà konxja, safja (selfless) u kontinwa għat-twettiq tar-rieda ta’ Alla li tagħrafha b’reasonable conviction permezz tad-dixxerniment akkwistat fl-erba’ (4) eżerċizzi li jissemmew fuq.
6. Titgħallem xi “kantaliena”, xi talba spontanja ta’ offerta, professjoni tal-fidi – l-Iva (tal-Ordinazzjoni Sagra), “Hawn jien il-qaddej tal-Mulej; ikun minni skont ‘Kelmtek’” – proprju dik il-Kelma li tkun “ħaddimt”, “ipproċessajt”, “imxejt”, “għext”… fl-istages li ssemmew f’Nri 1, 2, 3, 4, fuq. Eżempji oħra tal-kantaliena ssibhom fil-Liturġija tas-Sigħat, ir-Rużarju, u ġakulatorji favoriti tiegħek – “Ħa nisma’ kelmtek, Mulej”, “Urini lilek innifsek”, “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”, “Jien kollni tiegħek, o Marija”, “Ikun li trid int”, “F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi”.

Illum ħassejt li għandi naqsam magħkom dawn il-ftit riflessjonijiet dwar it-talb, għax it-talb tagħna mhux biss huwa elokwenza tal-fidi imma wkoll elokwenza tal-ministeru. Huwa t-talb li jagħmilna qassisin; jekk ma nitolbux, forsi nkunu funzjonarji tas-sagru, imma ma nkunux qassisin. Nippreferi li nissagrifikaw il-ħidma biex ikollna ħin għat-talb milli bil-kontra. Inżommu quddiem għajnejna li d-dgħajsa ta’ Pietru (il-Knisja) ma timxix għax għandha ħafna fuq l-imqadef jaqdfu, imma għax l-Ispirtu s-Santu bir-riħ tiegħu jimla l-qlugħ tagħha – it-talb huwa l-qlugħ ta’ din id-dgħajsa.

Poplu ta’ Alla, sostnuna biex nibqgħu fidili għal din is-sejħa biex inkunu kontemplattivi, għax kif jikteb San Ġwann Kriżostmu, “it-talb huwa dawl għar-ruħ, għarfien veru ta’ Alla, medjazzjoni bejn Alla u l-bniedem”. Huwa biss meta jitlob li s-saċerdot ikollu jdejh fuq it-tmun tal-istorja.