Il-Ħamis, 18 ta’ April 2019: Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria saret it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej. Matul din il‑Quddiesa, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Isqof Mario Grech ħasel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il‑Quddiesa, l-Isqof wassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni, għall‑qima tal‑Insara.
Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej – Fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
IMĦABBA FERUTA
Dak li seħħ dakinhar tal-Aħħar Ċena jgħinna nixtarru xi jrid ifisser l-Evanġelista meta jgħid li “hu li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1).
Ġesù kien jaf li dawk li kellu madwar il-mejda ma kinux persuni gwappi. Kien jaf li Ġuda kien ser jittradih; kien jaf li Pietru kien ser jiċħdu; kien jaf li ma kinux ser jishru miegħu; fuq kollox kien jaf li fis-siegħa tal-prova, xħin l-aktar kien ser ikollu bżonnhom, kienu ser iparpru u jitilquh!
Minkejja dak kollu, Ġesù ħabbhom għall-aħħar, fis-sens li tant kien mitluf warajhom li saħansitra kien lest li jikolha minħabba fihom – tant kien iħobbhom li ma beżax jiġi ferut minnhom stess! L-imħabba wasslitu biex mhux biss jirriskja li l-Lhud “jaqbduh” u “jgħadduh proċesss”, imma wkoll li dawk stess li kienu fuq il-mejda jferuh u jweġġgħuh. Imma din hija l-imħabba: min iħobb tassew jibqa’ jħobb anki jekk il-maħbub iġagħlu jbati. Ġesù jħobbna bi mħabba feruta.
Waħda mill-għafsiet ta’ qalb li Ġesù ġarrab f’dik il-lejla kienet id-delużjoni kbira li tawh l-Appostli meta, minkejja li kien ilu tant jiftaħ qalbu magħhom, baqgħu ma aċċettawhx! Għax meta ġie biex jaħslilhom riġlejhom Ġesù ma ferragħx l-ilma fil-lenbija sempliċement biex ifarfrilhom riġlejhom mit-trab. Huwa wettaq dan il-ġest qawwi biex jgħinhom jaċċettaw li Alla mhux dak li jinqeda bil-bniedem, imma dak li jaqdi lill-bniedem.
Ġesù ried ifissrilhom li l-ħbieb ta’ Alla ma humiex dawk li huma “puri” u ndaf (spiritwalment), imma dawk li huma mdennsin u impuri. Ġesù jaċċettahom kif inhuma, ma jistmerr xejn fihom u xejn ma jnaffru milli joqrob lejhom.
Ġesù ried jurihom li mhux il-bniedem biss jinżel għarkupptejh fil-preżenza ta’ Alla, imma li anki Alla jitbaxxa u jagħmel reverenza quddiem il-bniedem, anki quddiem il-bniedem li mhux nadif u li riġlejh kollha ġrieħi u nfafat għax dejjem iterraq u jfittex.
Ġesù ried iwassalhom biex jemmnu li Alla mhux dak li huwa mlibbes bis-setgħa u l-glorja, imma dak li “neża’” d-divinità tiegħu u sar wieħed bħalna f’kollox minbarra fid-dnub.
Ġesù xtaq jgħinhom jifhmu li Alla ma jħobbhomx għax huma jħobbuh, imma huwa jħobbhom bit-tama li huma jħobbuh lura – anzi, aktar minn hekk, huwa jħobbhom anki jekk ma jħobbuhx!
Dan kollu kien diskors skandaluż għall-Appostli tant li rreżistewh u opponewh (u ma nistagħġibx li llum fostna hawn min jitfixkel jisma’ dan kollu!). Ġuda għamel ta’ rasu. Xħin Ġesù ġie biex jaħsel riġlejn Pietru, dan irrifjutah: “Int, Mulej, taħsilli saqajja? Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja”. B’din ir-reazzjoni Pietru kien qed jgħid lil Ġesù li hu ma jemminx li Alla jitbaxxa, li Alla huwa daqshekk viċin tiegħu, li Alla huwa l-ilsir tiegħu, li Alla ser iħammeġ idejh bil-ħmieġ tiegħu.
Kemm-il darba aħna nġibu ruħna bħal Pietru! Nirrifjutaw l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla. Mhux għax ma nirrispettawhx, imma għax “nirrispettawh” iżżejjed; mhux għax ma nafux li huwa l-Għoli, is-Setgħan u l-Qaddis, imma għax ma nafux li minkejja l-miżerja u t-taħwid ta’ ħajjitna Alla jibqa’ l-Missier li jħobbna u li Ġesù sar bniedem biex jgħinna nqumu fuq riġlejna.
Fil-fatt, għaliex Ġesù jaħsel saqajn l-Appostli? Ir-riġlejn huma parti importanti ħafna tal-ġisem. Weġgħa żgħira f’riġlejna żżommna milli nimxu sew. Biżżejjed riġlejna jogħtru u naqgħu żorba fl-art. Bl-Ingliż hemm l-espressjoni “Achille’s heel” użata biex tindika l-aspett vulnerabbli u dgħajjef tal-bniedem normalment b’saħħtu! L-istorja tgħid li meta Akille kien żgħir, marad serjament u biex ifiq ommu qabditu minn għarqubu u niżżlitu fix-xmara. Akille fieq, imma dik il-parti minn fejn qabditu ommu (għarqubu) ma xxarbitx u baqa’ suġġett għaliha, tant li darba kien fil-gwerra ta’ Troja, laqtuh bi vleġġa f’għarqubu u Akille miet.
Anki fil-ktieb tal-Ġenesi nsibu li serp jipprova jirbaħ lil “mara” billi jisħqilha għarqubha (Ġen 3:18).
Għalhekk ir-riġel għandu tifsira simbolika: ifisser li l-bniedem huwa kapaċi jieqaf dritt u jżomm wieqaf, waħdu mingħajr bżonn ta’ ebda appoġġ, u hekk huwa ħieles li jmur fejn irid.
Meta Ġesù joffri li jaħsel riġlejn l-Appostli għalhekk ifisser li ried jgħinhom biex ma jogħtrux, biex il-muskoli ta’ riġlejhom ma jċedux, biex ikollhom il-qawwa li jimirħu u lil dawk li huma mitluqa mal-art għax riġlejhom bla saħħa, anki jekk ilhom hekk is-snin bħal dak il-magħtub ta’ ħdejn il-pixxina ta’ Betzata (Ġw 5), jgħinhom iqumu.
Issa meta Pietru jirrifjuta lil Ġesù, Pietru jrid jibqa’ wieqaf waħdu. Pietru jemmen li hu għandu l-qawwa li jżomm dritt u ħieles. Pietru ried jibqa’ awtonomu mill-bnedmin u minn Alla. Huwa konvint li waħdu jista’ jkampa u għalhekk ma jaċċettax l-għajnuna ta’ Ġesù! Kemm huwa minnu li aktar huwa diffiċli li taċċetta li xi ħadd iħobbok milli li tħobb!
Huwa għalhekk li Ġesù mbagħad jgħidlu: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollox x’taqsam miegħi”, fis-sens illi jekk ma tħallinix ngħinek, jekk ma tkunx f’għaqda miegħi, mhux ser jirnexxilek iżżomm wieqaf u ser tieħu waħda kbira għal rasek. Jekk Ġesù ma jaqbadniex minn riġlejna, ħa nibqgħu dgħajfin u faċli ninqalbu ma’ kull buffura riħ. Il-bniedem ma jista’ qatt isalva lilu nnifsu, imma għandu bżonn ta’ Ġesù, għax kif jgħid Santu Wistin, “int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik”.
Bħala mediċina u sostenn għalina, dment li għadna nterrqu fid-dinja, Ġesù ħallielna Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb. Ma nibqgħux lura milli nieħdu sehem fl-Ewkaristija. L-Ewkaristija mhix lussu! Immorru żmerċ jekk naħsbu li l-Ewkaristija hija xi treat għal nhar ta’ Ħadd biss! L-Ewkaristija hija l-ħobżna ta’ kuljum. Fil-preżenza tagħha waqt l-adorazzjoni qalbna tfur bl-imħabba ta’ Ġesù, u meta naqsmu l-Ħobż u nixorbu mill-Kalċi niksbu s-saħħa biex nibqgħu wieqfa fuq riġlejna.