IT-TAMA FIT-TIĠRIB

3. It-Tlieta tal-Ottava tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex (Ġw 20, 15).

F’din is-silta naraw lil  Marija ta’ Magdala tibki għax ħasbet illi kienu serqu lil  Ġesù, iżda fl-istess ħin kienet qiegħda titkellem miegħu. U proprju din hija l-esperjenza ta’ ħafna Nsara. Iħossuhom imbegħdin minn Ġesù għaliex ma jħossuhx iżda jkomplu jitolbu u mingħajr ma jindunaw, ir-relazzjoni ma’ Kristu tkun qiegħda tikber.

Il-bniedem jitlef il-grazzja ta’ Alla biss permezz tad-dnub il-mejjet. Nistgħu niddeskrivuh bħala ksur tar-relazzjoni ma’ Alla. Iżda meta wieħed ma jħossx l-esperjenza sensibbli ta’ Ġesù ma jfissirx li qiegħed fit-triq il-ħażina. Infatti l-grazzja ta’ Alla  mhux dejjem tinħass u għalhekk wieħed jista’ jaħseb li tilef lil Ġesù, iżda fil-fatt ikun qiegħed joqrob lejh.

Qaddisin kbar, bħal Santa Tereża ta’ Avila, għaddew minn dawn l-iljieli mudlama fir-ruħ tagħhom. Iżda ma qatgħux qalbhom. Komplew jitolbu avolja ma kienu jħossu xejn iżda fl-aħħar, Ġesù reġa’ tfaċċa b’mod sensibbli jiġifieri bdew iħossuh aktar ċar, għax ikunu għaddew mill-prova.

U dan jista’ jiġri lilna wkoll. L-iskop tat-talb huwa li wieħed ifittex lil Alla u mhux li jitlob  biex jieħu gost. U għalhekk meta ma nibqgħux inħossu l-gost tat-talb inkomplu nitolbu xorta waħda, konvinti li Ġesù huwa dejjem magħna.

Il-fidi tagħna tista’ wkoll tgħaddi minn provi fejn ġie  li nistaqsu: Imma Alla fejn hu?! F’dawn il-mumenti għandna nġibu quddiem għajnejna din is-silta. Marija ta’ Magdala tfittex lil Ġesù u taħseb li serquh filwaqt, li mingħajr ma kienet taf, kienet qiegħda titkellem miegħu. Dan jgħallimna li Alla huwa dejjem magħna, anke jekk ma nindunawx jew ma nħossuhx.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading