Ftit ħsibijiet fuq il-ħajja u l-esperjenza mistika


Kitba ta’ Joe Zammit

Matul il-kors tat-Teoloġija jiġu trattati diversi materji fundamentali u sekondarji għall-formazzjoni tas-saċerdot, imma ftit li xejn fuq il-ħajja u l-esperjenza mistika.

Li naf hu li Ruma kultant ikun hemm kors għas-saċerdoti fuq it-Teoloġija Mistika imma ftit huma s-saċerdoti li jħossu l-ħtieġa li jattendu għalih. Għalhekk, ħafna saċerdoti huma kompletament sajmin mit-tagħrif fuq il-ħajja u l-esperjenza mistika u dan jirriżulta f’indifferenza kbira min-naħa ta’ xi saċerdoti, biex ma ngħidx ukoll li whud jistgħu jkunu ukoll ostili, meta jisimgħu fuq persuni mistiċi.

theresa avila
Santa Tereża ta’ Avila

Għalkemm il-Knisja tafferma li r-Rivelazzjoni Pubblika ingħalqet mal-aħħar appostlu, qatt ma tiddisprezza fenomini mistiċi ġenwini, anzi ġieli teżaminahom bid-dettalji kollha tagħhom.

Hu neċessarju li s-saċerdoti, jew almenu xi wħud minnhom, ikollhom tagħrif dettaljat tal-ħajja u l-esperjenza mistika, xejn xejn biex ikunu jafu jiddistingwu il-vera mistika minn dik falza. Li jgħidu biss x’jaħsbu huma fuq il-ħajja mistika mingħajr il-konoxxenza neċessarja u l-istruzzjoni meħtieġa f’dan il-kamp faċli li jagħmlu aktar ħsara milli ġid għalkemm il-mistiku ġenwin qatt mhu se jkun influwenzat b’mod negattiv meta l-ħajja mistika tiegħu tkun ġenwina. Nista’ ngħid li Alla jaf jiggwida l-mistiku fis-sigurtà.

Id-direttur spiritwali huwa dejjem meħtieġ biex nimxu ‘il quddiem fil-ħajja spiritwali tagħna, speċjalment biex ngħixu dejjem fil-grazzja ta’ Alla u nirbħu kull tentazzjoni li jkollna malajr, dejjem u b’ħeffa kbira. Imma, meta jkun hemm ħajja mistika, jew ħajja mistika u esperjenza mistika fin-nofs, mhux kull saċerdot jista’ jkun direttur tajjeb. Għalhekk in-neċessità li jkollna saċerdoti mogħnija b’tagħrif sod fuq x’titlob il-ħajja mistika ġenwina. Fl-istorja tal-Knisja f’kull żmien kellna bnedmin mistiċi ġenwini, ukoll fi żmienna għandna minnhom u jibqa’ jkollna sa l-aħħar taż-żminijiet. Jekk id-direzzjoni ta’ ruħ hija dejjem diffiċli, aktar u aktar tkun diffiċli meta r-ruħ ikollha sejħa minn Alla biex tgħaddi minn toroq mhux komuni, toroq li jkunu jenħtiegu attenzjoni kbira u mifhuma tajjeb.

Saċerdot li jkollu d-direzzjoni spiritwali ta’ persuna li qed tgħix ħajja u esperjenza  mistika għandu jsaqsi lil din il-persuna x’missjoni partikulari Ġesù jrid jagħtiha u x’kategorija ta’ persuni huma afdati f’idejha permezz tat-talb u t-tbatijiet tagħha. It-tweġiba tista’ tkun, per eżempju: “Ħajti hija ikkonsagrata għas-saċerdoti. Inbagħti għalihom, biex inpatti għall-infedeltà tagħhom, biex naqla’ minn għand is-Santissima Trinità il-grazzja tal-konverżjoni tagħhom u jerġgħu jibdew igħixu ħajja fil-grazzja ta’ Alla, biex ninkuraġġihom igħixu ħajja qaddisa, biex l-appostolat tagħhom iħalli frott abbundanti.”

Kif Alla jsejjaħ bniedem għas-saċerdozju jew għall-ħajja kkonsagrata, hekk ukoll ikun Alla stess li jsejjaħ bniedem għall-ħajja mistika jew għall-ħajja mistika u għall-esperjenza mistika. U kif Alla jsejjaħ bniedem għas-saċerdozju u ma jsejjaħx ieħor, hekk ukoll fil-każ tal-ħajja mistika u l-esperjenza mistika: hu jsejjaħ lil A u ma jsejjaħx lil B.

U peress li dawn il-mistiċi jkollhom missjoni kbira u diffiċli xi jwettqu, fil-privat jew fil-pubbliku, skond il-pjan ta’ Alla, ġeneralment Alla jagħżilhom minn fost bnedmin ta’ bla importanza fil-ħajja jew ta’ intelliġenza fqira jew b’kapaċitajiet modesti ħafna. Per eżempju, Santa Tereża ta’ Lisieux u Santa Margerita Marija Alacoque kienu kkunsidrati bħala reliġjużi ta’ bla importanza fil-monasteru tagħhom. Is-soru Josepha Menendez, mistika oħra, kienet taħdem fil-kċina tal-monasteru.

Sakemm jibqgħu ħajjin, l-erwieħ mistiċi, bħala regola, għandhom igħaddu ħajja moħbija. Ġesù jirsisti ħafna fuq dan. Kienu eċċezzjonijiet li Ġesù ħalla li xi mistiku jgħix ħajja fil-pubbliku u dan ippermettieh sabiex juri t-tjubija, il-ħniena u l-imħabba tiegħu f’dinja materjalista fejn għaliha Alla huwa żero kbir. Nista’ nsemmi, per eżempju, lil Teresa Neumann, li mietet fl-1963, li l-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha ġa nfetħet uffiċjalment. Hemm ukoll il-Beata Elena Aiello, il-mistika bil-pjagi ta’ Cosenza. U dan biex ma nsemmix ukoll lil mistiċi ġganti bħal Santa Tereża ta’ Ġesù (ta’ Avila), San Ġwann tas-Salib u San Piju ta’ Pietrelcina.

Ġeneralment, il-mistiċi jiġu magħrufin bħala tali wara mewthom permezz, ngħidu aħna, ta’ kitba li tiġi ppubblikata mid-direttur spiritwali ta’ dak li jkun jew permezz tal-istess Awtorità Ekkleżjastika li tibda’ l-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ xi persuna mistika. Imma, il-parti l-kbira tal-persuni mistiċi jibqgħu moħbija u mhux magħrufa mill-pubbliku, la jiġu kkanonizzati u lanqas ibbeatifikati.

Kultant Ġesù stess igħid lir-ruh mistika għand liema saċerdot għandha tmur biex tiftaħ qalbha fid-direzzjoni spiritwali tagħha. Dan jista’ jiġri fil-bidu tal-ħajja mistika jew aktar ’il quddiem. Santa Margerita Marija Alacoque, per eżempju, wara n-nuqqas kbir ta’ komprensjoni min-naħa tas-superjura tagħha u ta’ numru ta’ tejologi li ġew imsejha biex jiġġudikawha, Ġesù nnifsu qallha biex tiftaħ qalbha fuq il-ħajja mistika tagħha ma’ saċerdot li nzerta kien għaddej minn dawk in-naħiet: il-Patri Giżwita San Claude de la Colombière. L-istess ħaġa ġrat fil-każ ta’ Santa Ġemma Galgani li rrikorriet għand Padre Germano Ruoppolo.

L-akbar salib tal-mistiċi huwa n-nuqqas ta’ komprensjoni minn dawk li jkunu jgħixu magħhom. Il-mistiku spiss ma jkunx mifhum minn min igħix miegħu. Jekk tkun soru, ma tkunx mifhuma minn xi sorijiet jew mill-komunità kollha. Jekk wieħed ikun igħix ġo familja, ma jkunx mifhum minn xi membru tal-familja tiegħu jew minn xi ħadd jiġi minnu, jekk ukoll ma jkunx ippersegwitat.

Ġesù jagħti ħafna grazzji lil dawn l-erwieħ mistiċi, imma jistenna minnhom ħafna wkoll. Jesiġi li jaħdmu bis-serjetà għall-perfezzjoni tagħhom. Jistenna minnhom li jogħġbuh f’kollox, ukoll fl-inqas affarijiet, u li jagħmlu r-rieda tiegħu akkost ta’ kull tbatija. U jekk jonqsuh b’xi mod, jagħmlu penitenza serja bħala tpattija.

Kulħadd jista’ jsib ruħu fi stat mistiku: irġiel u nisa, verġni u miżżewġin, sekulari u konsagrati, saċerdoti u lajċi, imma mhux kulħadd huwa msejjaħ biex jasal fi stat ta’ ħajja mistika b’esperjenza mistika. Din hija vokazzjoni li Alla jagħtiha lil min irid hu.

Il-ħajja mistika b’esperjenza mistika tista’ tibda meta wieħed ikun għadu zgħir imma tista’ tibda wkoll meta wieħed ikun avvanzat fl-età.

L-ewwel kuntatti mas-sopranaturali huma varji, diversi wieħed mill-ieħor. Dawn il-kuntatti juru l-varjetà infinita ta’ Alla.

Per eżempju, jistgħu jibdew b’xi feriti misterjużi fl-idejn jew fil-kustat, dan isir f’daqqa waħda, mingħajr ma wieħed ikun qed jistennihom u ġieli jibqgħu jirrepetu ruħhom. Mod ieħor jista’ jkun għaraq tad-demm f’ġismek kollu. Jista’ jinbeda wkoll b’mod, biex ngħid hekk, sempliċi, fis-sens li jinbeda b’sempliċi lokuzzjoni interjuri. U fil-fatt dal-kuntatt mas-sopranatural spiss jinbeda b’din il-vuċi interjuri f’mument ta’ kwiet. Vuċi bħal din tismagħha ġo fik, tkun ċara, tkun taf li hija vuċi mhux ħsieb jew ispirazzjoni u taf li din il-vuċi mgħaddietx minn ġo widnejk imma smajtha ġo fik (vuċi intellettwali). Naf li min qatt ma kellu xi lokuzzjoni interjuri ma jistax jifhem kif issir eżattament. Jien ippruvajt nispjegaha mill-aħjar li nista’. Ma neskludix il-possibilità li l-mistiku jista’ jisma’ vuċi li tiġih minn barra u tgħaddi minn widnejh (vuċi awrikolari).

L-inizjattiva dejjem jeħodha Alla jew xi qaddej ta’ Alla bħal Madonna, xi qaddis jew anġlu. Dil-vuċi tista’ tkun ġejja minn Ġesù stess, per eżempju, “Aħseb fija u ħobbni kif jien naħseb fik u nħobbok!” “Jien offiż ħafna! Trid tikkunslani?” “Neħtieġ xi ħadd li jissagrifika ruhu għall-erwieh.” “Tiċħadli xejn minn kulma nitolbok!” “Jiena tajt ruhi kollni kemm jien lilek; issa rrid li inti tagħti ruhek kollok kemm int lili.” Dil-vuċi sopranaturali tista’ tkun ġejja minn xi qaddis, per eżempju: “Int qatt mhu se toffendi ’l Alla aktar”, kif qal fil-jum tal-beatifikazzjoni tiegħu, fit-2 ta’ Mejju 1999, Padre Piju ta’ Pietrelcina lil xi ħadd li nafu sew.

Meta wieħed jisma’ vuċi d-dar, il-knisja jew f’xi post ta’ rakkoljiment, mgħandux jiddisprezzaha jew jinjuraha. Jiftaħ qalbu ma’ saċerdot li jaħseb li jista’ jgħinu biex jiġi aċċertat fl-ewwel lok jekk il-vuċi hiex ġejja minn Alla jew mix-xitan. Għalhekk jenħtieg li jkun hawn saċerdoti infurmati sewwa fuq il-ħajja mistika u l-esperjenza mistika biex ikunu kapaċi jiddiriġu sewwa, kif irid Alla, lil dawn l-erwieħ mistiċi.

Jien nissuġġerixxi lil min jisma’ xi vuċi, barra li jikkonsulta d-direttur spiritwali tiegħu, jgħid lil min qed ikellmu f’dawn il-vuċijiet biex ilissen il-kliem: “Viva Ġesù!” Jekk il-vuċi ġejja minn Ġesù jew minn xi anġlu jew qaddis fis-sema, kemm Ġesù, kemm l-anġlu u kemm il-qaddis igħidu b’mod ċar il-kliem: ‘Viva Ġesù!” Jekk ikun ix-xitan, dan żgur li qatt mhu se jgħid dan il-kliem. Dan is-suġġeriment ingħata minn Ġesù nnifsu lil Santa Ġemma Galgani meta darba x-xitan irnexxielu jqarraq biha. Ġieli, f’lok jirrepeti “Viva Ġesù”, jekk ikun Ġesù stess li qed jitkellem, igħid: “Jiena Ġesù, bin Marija Vergni”.

Nissuġġerixxi wkoll li min jirċievi dawn il-vuċijiet jiktibhom malajr kemm jista’ jkun u jurihom li xi saċerdot li jkun jista’ jgħinu. Għalkemm ċerti vuċijiet tibqa’ tiftakarhom eżattament kif smajthom, biż-żmien faċli li tibda tinsa xi partijiet minnhom.

Don Giuseppe Tomaselli, Sależjan, li miet fl-1989, kellu udjenza privata mal-Papa Beatu Pawlu VI fit-23 ta’ Mejju 1964, u lil Papa qallu preċiżament dak li Ġesù nnifsu riedu jgħidlu. Il-Papa baqa’ meraviljat u ferħan meta sema’ minn għand Don Giuseppe li “fl-Italja hemm 33 saċerdot stigmatizzat u fid-dinja hawn 154 saċerdot bil-pjagi”. Issa dan barra nies oħra li għandhom il-pjagi, u oħrajn, saċerdoti, reliġjuzi u lajċi li, għalkemm mhumiex stigmatizzati, huma mistiċi.

Il-ħajja mistika tibda wara l-aħħar stadju tal-ħajja axxetika. Hawn nixtieq nenfasiżża li wieħed jista’ jkun mistiku mingħajr ma jkollu esperjenza mistika, f’kelma oħra, ikollu ħajja mistika mingħajr esperjenza mistika. B’esperjenza mistika nifhem li wieħed ikollu xi slaleb u/jew kariżmi straordinarji.

Is-slaleb jistgħu jkunu, per eżempju, il-pjagi, kuruna tax-xewk, flaġellazzjoni mix-xitan, dmugħ u/jew għaraq tad-demm.

Il-kariżmi straordinarji jistgħu jkunu, per eżempju, id-don tal-mirakli, viżjonijiet sopranaturali, profeziji, lokuzzjonijiet interjuri, kontemplazzjoni infuża tal-misteri ta’ Kristu, jerognożi igifieri il-konoxxenza ta’ ħwejjeg sagri, eż. jekk ostja hiex ikkonsagrata jew le, osmoġeneżja (meta toħroġ fwieha misterjuża u sopranaturali mill-mistiku), xamma tinten meta l-mistiku jkun ħdejn xi ħadd fid-dnub il-mejjet, nar qawwi tal-imħabba ta’ Alla fir-ruh li ġieli jkollu wkoll effetti fiżiċi, aġilità korporali fejn il-mistiku jmur fiżikament minn post għall-iehor f’ħakka t’għajn jew fi żmien relattivament qasir, sottiljezza fejn il-mistiku jidħol f’post bil-bibien magħluqa jew igħaddi minn qalb in-nies mingħajr ma jiġi innutat, luminożità (meta dawl qawwi u straordinarju jkun jidher madwar wiċċ il-mistiku), bilokazzjoni, qari tal-qlub, id-don tal-lingwi, għixien fiżiku bl-Ewkaristija biss, servizz ta’ anġli, speċjalment tal-anġlu kustodju tiegħu, li jvarja minn kant sa twassil ta’ messaġġi, estasi, levitazzjoni, trasverberazzjoni u tiġdid jew tibdil tal-qalb. L-ogħla grad ta’ ħajja u esperjenza mistika huwa proprju ż-żwieġ mistiku li esperimentawh ftit qaddisin.

Nixtieq ninnota li wieħed jista’ jkun mistiku mingħajr dawn il-kariżmi straordinarji imma wieħed ma jistax ikun mistiku mingħajr l-għaqda intima mas-Santissima Trinità.

Il-preżenza ta’ Alla kontinwament quddiemek b’ċerta intensità (kontemplazzjoni ta’ Alla) biex togħġob lil Alla f’kollox – allura taħrab dejjem id-dnub il-mejjet u d-dnub venjal deliberat u tagħmel kontinwament ir-rieda ta’ Alla għall-glorja tiegħu – kif ukoll għatx kbir ta’ għaqda aktar intima ta’ mħabba ma’ Alla u distakk komplet minn dak kollu li mhuwiex Alla huma tliet kwalitajiet tal-ħajja mistika. L-għatx ta’ Alla ikun tant qawwi li jkollok xewqa kbira li jaslu dawk il-ħinijiet fejn issib ruhek waħdek mitluf  fil-preżenza ta’ mħabba perfetta ma’ Alla. Fl-istess ħin l-imħabba tal-proxxmu tkun tant qawwija fik li marbut mal-ħsieb ta’ Alla ikun hemm kontinwament il-ħsieb tal-bnedmin kollha sa l-aħħar taż-żminijiet u l-erwieh tal-Purgatorju kollha u hekk dal-ħsieb ikun talba kontinwa għall-bnedmin kollha. F’dan is-sens ngħid li kulħadd  jista’ jasal għall-ħajja mistika. Hu jkollu bżonn ta’ direttur spirtiwali kwalifikat biex imexxih ’l quddiem fil-ħajja mistika tiegħu.

Il-mistiku huwa appostlu tal-grazzja ta’ Alla fost il-bnedmin.

Alla ma jħalli qatt id-dinja nieqsa mill-mistiċi.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.