L-IMPORTANZA TAL-EWKARISTIJA

Print Friendly, PDF & Email

16. It-Tnejn wara t-Tielet Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Aħdmu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Inkunu nfissru ħażin il-Vanġelu jekk ngħidu li Kristu qiegħed jikkundanna x-xogħol ta’ kuljum. Huwa nnifsu ta importanza u qaddes ix-xogħol billi sakemm ħareġ għall-ħajja pubblika kien jaħdem bħala mastrudaxxa flimkien ma’ San Ġużepp. Niftakru li fil-ħolqien tad-dinja Alla bierek xogħol il-bniedem.

Iżda jiżbalja dak il-bniedem li jagħti importanza żejda lix-xogħol u lill-qligħ materjali b’konsegwenza li jittraskura l-ħajja spiritwali. Fil-fatt għandu jkun hemm ħin għax-xogħol, għall-mistrieħ u r-rikreazzjoni u għat-talb liturġiku u personali.

Inżommu li x-xogħol u l-Ewkaristija ma jeskludux lil xulxin. Mhux biss ma jeskludux lil xulxin iżda għandhom rabta bejniethom. Meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija bierek xogħol il-bniedem billi għażel li jibqa’ magħna taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid. U dawn huma “frott tal-art u xogħol il-bniedem.”

L-Ewkaristija għandha tkun forza biex intejbu d-dinja u nġibu aktar ġustizzja. Inkunu niżbaljaw meta naħsbu li ser nimxu ‘l quddiem personalment jekk inħallu barra l-Ewkaristija, il-ħajja spiritwali u l-liġi ta’ Alla mill-programm regolari ta’ ħajjitna.

Għandna wkoll niftakru dak li qal Ġesù li l-bniedem ma jgħix biss bil-ħobż iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. Il-materjal huwa importanti iżda jekk dan ikun ta’ detriment għall-ħajja spiritwali mhuwiex ser jagħmilna kuntenti, anzi jħallilna vojt u dalma f’qalbna.

Niftakru li l-Ewkaristija hija l-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem. Din id-dinja tgħaddi għalina wkoll, u l-Ewkaristija hija dak l-ikel li bih Kristu jsaħħaħna fit-triq lejn l-eternità.

One thought on “L-IMPORTANZA TAL-EWKARISTIJA”

  1. Ezatt hekk hu jien nhossi vojta kul fejn nmur irid niehu Gesu mighie minghajr Gesu ma nkunx komda fkas mhux mistenni najt Tqarbina taxewqa

    Grazzi Gesu li hallejtilna dal wirt prezzjus
    Amen

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading