L-AQWA GARANZIJA


22. Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Matul ħajjitna nittamaw f’diversi persuni, iżda meta niġu bżonnhom forsi ftit li xejn insibu l-għajnuna tagħhom. Iżda min jemmen fi Kristu jkun jemmen fis-sod, ma jitqarraqx.

Il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu huwa l-akbar garanzija. Ifisser li la huwa qam mill-mewt, għandu s-setgħa li jqajjimna mill-mewt. Dan jgħidhulna Hu stess: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu fl-aħħar jum” (Ġw 6, 54).

Nirraġunaw ftit. Kif Kristu seta’ jwegħidna li ser iqajjimna minn bejn l-imwiet kieku huwa baqa’ taħt is-setgħa tal-mewt? San Pawl stess jgħidilna li kieku Kristu ma qamx, fiergħa hija l-fidi tagħna.

Meta ngħidu li Kristu jagħtina garanzija ta’ salvazzjoni ma għandniex nifhmu li ma għandniex nagħmlu l-parti tagħna. Issa Alla jagħti l-grazzja lil kulħadd biex isalva. Min jintilef mhuwiex tort ta’ Kristu iżda tiegħu nnifsu għax ma jkunx ikkopera mal-pjan ta’ Alla għalih jew għaliha.

San Pawl ifisser il-mixja Nisranija permezz tal-figura tal-atleta u jgħidilna: “Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna mitbiela, imma aħna, waħda li ma titbielx” (1 Kor 10, 25). U proprju din hija l-garanzija ta’ Kristu: li jekk nimxu l-mixja Nisranija fl-aħħar ser insibu l-kuruna tal-glorja. Din il-wegħda mhijiex biss li mmorru ngawdu lil Kristu iżda wkoll li fl-aħħar jum inqumu b’ġisem glorjuż bħal tiegħu.

Għalhekk ir-reliġjon Nisranija hija l-Bxara t-Tajba. Jekk inħarsu lejn l-Atti tal-Appostli nsibu li l-bażi tal-messaġġ Nisrani huwa li Kristu li ġie mislub, qam minn bejn l-imwiet. Din hija aħbar ta’ ferħ fil-ħajja tal-bniedem iżda li fiha s-salib ma jonqos qatt. Għalhekk Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16, 24). Hawn jinsab il-qofol tal-aqwa garanzija!