Inwegħedkom il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu


Il-Ħadd, 12 ta’ Mejju 2019: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Ordinazzjoni Djakonali li fiha ħames seminaristi ġew ordati djakni, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Ħames seminaristi huma: Osmar Baldacchino, David Borg, Christopher Bugeja, Jonathan Debattista u Tony Pace.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Intom ċapċaptu bil-qalb imma għaliex? Għaliex aħna qegħdin nilqgħu rigal kbir li qed jagħtina l-Mulej: ħamest irġiel, uħud iżgħar mill-oħrajn, li qed jagħtu ħajjithom b’servizz totali lil Alla, u li jridu jidħlu fl-avventura li jkunu ragħajja tal-poplu qaddis tal-Mulej.

Għezież uliedi u ħuti, il-Knisja mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu tintroduċikom fl-ewwel grad tal-Ordni Sagri billi tagħtikom il-qawwa u l-profezija tas-servizz. Illum tordnakom għall-qadi, ad ministerium. Il-quddiem, il-Mulej jagħtikom il-grazzja li tkunu ordnati għas-saċerdozju, ad sacerdotium. Imma l-ewwel bieb, anzi l-bieb għall-Ordni Sagri li hu ta’ tliet gradi, huwa l-qadi u dan il-bieb ma jingħalaqx, din it-tarġa ma tittieħidx. Isejħilkom fejn isejħilkom il-Mulej il-quddiem, kemm bl-ubbidjenza lejn l-Isqof tagħkom u s-suċċessuri tiegħu, jew inkella b’ubbidjenza lejn il-Papa, ir-ragħaj suprem, intom tibqgħu qaddejja.

Imma l-ewwel bieb, anzi l-bieb għall-Ordni Sagri li hu ta’ tliet gradi, huwa l-qadi u dan il-bieb ma jingħalaqx…

Jekk bil-Latin ‘qaddej’ huwa minister jew servus, bil-Grieg huwa diaconos jew dulos. L-isem tad-djakonat ifisser il-qadi, li tkun qaddej, qaddej fl-ispirtu ta’ Ġesù li jagħti ħajtu għalina u għaliex jagħti ħajtu bir-raġun jista’ jseħilna in-nagħaġ tiegħu, ‘in-nagħaġ tiegħi’. In-nagħaġ li aħna naqdu, il-poplu ta’ Alla, mhuwiex tagħna, huwa ta’ Ġesù. Aħna afdati lill-poplu biex il-poplu jkollu qaddejja. Ixxammar il-kmiem u tinżel għarkobbtejk taħsel ir-riġlejn, tmidd għonqok biex terfa’ fuq spallejk in-nagħġa l-mitlufa bħalma ried ifisser David b’din il-pittura sabiħa.

David, impressjonani l-fatt li inti lil Ġesù għamiltu bil-kuruna tax-xewk, ma għamiltux bil-kuruna tad-deheb u d-djamanti u l-ħaġar prezzjuż. Għax il-glorja ta’ Ġesu hija t-tbatija tiegħu li permezz tagħha jagħti ħajtu għalina. Aħna mixtrija bi prezz għoli li huwa d-demm ta’ Ġesù. U meta jgħid “in-nagħaġ tiegħi”, jgħid hekk għaliex konna mitlufa u sabna, konna lsira u fdiena, ħallas għalina bid-demm tiegħu. Il-prezz tal-fidwa tagħna li jfisser il-ħelsien mill-iskjavitù, minn kull skjavitù, huwa d-demm ta’ Ġesù.

Intom u ssiru qaddejja tal-popli tinsewx li tibqgħu nagħaġ mhux bdabat, nagħaġ. Nagħaġ ta’ Ġesù mhux tal-Isqof. Meta jitkellem fuq in-nagħaġ tiegħu, Ġesù jgħid hekk: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jiena nagħrafhom, jimxu warajja. Jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 10: 27). B’xi mod b’dawn l-erba’ verbi hemm żewġ atteġġjamenti li jixtieq minna l-Mulej u żewġ wegħdiet solenni, għaliex Alla ma jitlob xejn minna jekk ma jkunx ikkonfermat minn wegħda solenni. Hu qed jgħidilna “jisimgħu leħni, jimxu warajja”, imma qed jgħidilna wkoll: “Jiena nagħrafhom jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem”.

Il-prezz tal-fidwa tagħna li jfisser il-ħelsien mill-iskjavitù, minn kull skjavitù, huwa d-demm ta’ Ġesù.

Mela l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel id-djaknu, u kull qaddej tal-Mulej, kull Nisrani, imma b’mod speċjali aħna li quddiem il-poplu nagħtu ħajjitna lil Alla, qabel niftħu ħalqna rridu niftħu widnejna. Qabel nitkellmu f’isem il-Mulej – illum qed tingħata lilkom il-qawwa li tipprietkaw f’ismu, li l-Evanġelju tħabbruh wara li tkunu għextuh – imma qabel dan kollu l-Mulej jitlob minna li niftħu widnejna u nisimgħu leħnu, li fina sseħħ il-Kelma qawwija tal-Missier fuq ibnu fuq il-muntanja qaddisa: “Dan hu ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi: isimgħu lilu” (Mt 17: 5). Li aħna nisimgħu leħen il-Mulej hija l-ewwel sejħa fundamentali, u aħna nafu għaliex il-lingwa tagħna tgħinna, li min jisma’ jobdi. Min jaf kemm-il darba ommijietna qalulna: ‘isma’ minni ibni, tkunx iblah, isma’ minni’. U ma kienx biss li jiena nisma l-leħen ta’ ommi, imma li nobdieha: ‘isma minni’. U meta tisma’ l-leħen tal-Mulej mhix biss perċezzjoni awditiva, li tisma’, imma hija kwistjoni tal-qalb: li inti tobdi minkejja d-dgħufija u l-miżerja tagħna.

“Jiena nagħrafhom” (Ġw 10: 27); anke hawnhekk, li jagħrafna Ġesù mhux biss perċezzjoni fiżika għax il-Mulej jara kullimkien. Imma l-Mulej qiegħed iwegħedkom li jidħol f’intimità magħkom bħalma diġà għamel fis-sejħat li għamlilkom fit-talb tagħkom. Qed jitlobkom tħalluh iħobbkom, qed jitlobkom tħalluh jagħrafkom, għaliex intom u tħaddnu ċ-ċelibat għas-Saltna t’Alla llum m’intomx qed tagħżlu ħajja mingħajr imħabba, m’intomx qed tagħżlu kundanna stupida u belgħa għas-solitudni sterili u vojta, imma qed tiftħu l-qalb tagħkom għal kulħadd, kullimkien, u fuq kollox għall-imħabba tal-Mulej li ħerqan li jagħrafkom bħala l-qaddejja tiegħu. “Fejn inkun jien hemm ikun il-qaddej tiegħi”. U l’intimità tagħkom miegħu tikkonferma din il-kelma li qal meta tkellem fuq il-ħabba tal-qamħ li ma tibqax weħidha imma taqa’ fl-art, tmut u tagħmel ħafna frott. “Fejn inkun jien hemm ikun il-qaddej tiegħi”.

Intom u tħaddnu ċ-ċelibat għas-Saltna t’Alla llum m’intomx qed tagħżlu ħajja mingħajr imħabba, m’intomx qed tagħżlu kundanna stupida u belgħa għas-solitudni sterili u vojta, imma qed tiftħu l-qalb tagħkom għal kulħadd…

Mela inti trid tkun miegħu, ħallih ikun miegħek, taħrablux, tippruvax tevitah bl-aljenazzjonijiet ta’ din id-dinja, bil-frugħat ta’ din id-dinja. Imxi warajh għaliex veru li l-Mulej qiegħed iwiegħed li jkun hemm fejn tkun inti, imma jixtieqek ukoll tkun hemm fejn ikun hu. Imxi warajh, imxi warajh. Din hija l-kelma li Ġesù jgħidha lil Pietru, jgħidha lil kull appostlu, u qed jgħidha lilkom ukoll. Jgħidha lil kull wieħed u waħda minna bħalma jgħidha lill-ġenituri tagħkom u b’mod speċjali llum lill-ommijiet, jimxu warajh.

“Jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 10: 28). L-aħwa, jiena nilqagħkom bħala kjeriċi inkardinati fl-Arcidjoċesi tagħna, ta’ Malta. Intom qed tidħlu f’serje ta’ kjeriċi li jagħmlu unur lill-Evanġelju ta’ Kristu. Anke fl-isbah ġisem ikun hemm xi għazza ’l hawn u xi tebgħa ’l hemm, ma niċħadx. Imma llum nilqagħkom f’serje ta’ persuni, matul is-sekli, li fis-skiet mingħajr ħafna kjass taw ħajjithom lill-Mulej. Kunu ta’ glorja lill-poplu t’Alla fil-qadi tagħhom. Tippretendux li tafu kollox, agħmluli pjaċir. Għax inkella anke meta nkellimkom lanqas tagħtuni ċans niftah ħalqi: naf naf, naf. Meta tisimgħu lil ħutna l-Insara tippretendux li intom għandkom bilfors l-aħħar kelma. Qatt tużaw it-tagħlim tal-Knisja bħala ġebel biex tgarawh lil min hu dgħajjef, qatt. Kull meta tiltaqgħu ma’ xi ħadd, hu min hu, qisu li anke jekk ma tinżilx fiżikament, qed tinżel għarkobbtejk biex taħsel saqajn id-dixxipli bħalma għamel Ġesù: “Bħalma għamilt jien, hekk għamlu intom lil xulxin” (Ġw 13: 14).

Illum il-Knisja qiegħda tgħallimkom li jekk ma tkunux qaddejja, ma tistgħux tkunu evanġelisti. Jekk ma tkunux qaddejja, ma tistgħux tkunu ragħajja. Jekk ma tkunux qaddejja, il-kelma t’Alla fuq il-fomm tagħkom tkun vojta, anzi karikatura, twaqqagħkom għaċ-ċajt u intom twaqqgħu għaċ-ċajt l-Evanġelju. Il-Knisja llum qiegħda tistedinkom biex ma tibżgħux tħallu kollox u tagħtu ħajjitkom, u taf kif tagħmluha din? Billi tobdu, mhux lili u mhux għal wiċċi, imma meta nitolbok tagħmel xi ħaġa agħmilha, u jekk għamilt żball, itlob lil Alla imqar jolqotni b’ġebla ħa niġi f’sensiha. Tkellem, imma kun leali.

Illum il-Knisja qiegħda tgħallimkom li jekk ma tkunux qaddejja, ma tistgħux tkunu evanġelisti.

Illum il-Mulej jilqa’ l-offerta tagħkom quddiem il-poplu qaddis tiegħu, quddiem il-familji tagħkom, anke dawk li qegħdin isegwu din il-ħaġa mill-ġenna. Is-sema jifrah illum bl-għotja tagħkom, u itolbu miegħi għall-vokazzjonijiet biex il-Knisja jkollha futur fis-sagramenti li jibnu l-komunità: l-ewwel iż-żwieġ imbagħad l-Ordni Sagri. Illum m’għadux l-istaġun li nitolbu biss għal sagrament wieħed li jibni l-komunità, dak tal-Ordni Sagri. Illum meta nitolbu għal vokazzjonijiet hemm bżonn nitolbu għaż-żewġ sagramenti li jibnu l-komunità: is-sagrament taż-żwieġ Nisrani li minnu lkoll kemm aħna ħadna l-fidi tagħna, mill-ġenituri tagħna, min-nanniet, u s-sagrament tal-Ordni Sagri. Inti, Tony, ovvjament doqthom it-tnejn illum.

Ħuti, l-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tant sabiħa tagħkom hawnhekk, li lil dawn l-irġiel tagħmlilhom kuraġġ kbir, u jiena nitlobkom biex nitolbu għall-vokazzjonijiet. Nitolbu biex il-Knisja tkompli tinbena f’dar li tagħti glorja lil Alla.

Kollox se jkun faċli? Le! Inkun qed nidħak bikom, inkun qiegħed ningannakom jekk inwegħedkom ħajja bla xkiel u bla taħbit. Taf x’inwegħedkom? Il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu. Jekk intom taqraw il-Qari minn Kapitlu 13 tal-Atti tal-Appostli, tirrealizzaw li Pawlu, l-Appostlu Missierna, u Barnaba l-kollega tiegħu – imbagħad jiġġieldu dawn għax vecchia storia – għaddew ukoll minn taħbit kbir: l-għira, it-tixwix, xejn ġdid fid-dinja, xejn ġdid. Imma fost dan kollu Luqa jitkellem ċar u tond u jsemmi “persekuzzjoni” jgħid: “id-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 13: 52). Dan nista’ nwegħdkom jien f’isem il-Mulej: il-ferħ ta’ min qed jaqdi u jagħti ħajtu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li llum tnissel fikom l-ispirtu qaddis tal-qadi.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta