ĠESÙ JIEĦU ĦSIEBNA


23. It-Tnejn wara r-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (Ġw 10,11).

F’dan il-vers Ġesù jqabbel lilu nnifsu mar-ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, jiġifieri l-bnedmin.

Ġesù jgħidilna wkoll fil-parabbola tar-ragħaj, li Hu jieħu ħsieb il-merħla tiegħu tant li jasal biex iħalli d-disgħa u disgħin nagħġa biex ifittex lil dik il-mitlufa; hekk ukoll Alla jieħu ħsiebna, jipprovdilna dak li neħtieġu kuljum u jagħtina l-qawwa biex nitħabtu mal-ħajja.

Iżda l-aqwa providenza ta’ Alla narawha fil-fidwa li wettaq Kristu. Alla bagħtu fid-dinja biex isalva l-bnedmin kollha permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu. Il-mewt ta’ Kristu ma ġratx b’kumbinazzjoni iżda, kif naqraw fil-Vanġelu tal-lum: “Għalhekk iħobbni Missieri, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ma jeħodhieli ħadd, imma jiena stess nagħtiha minn rajja” (Ġw 10, 17-18).

Ġesù mar għall-passjoni minn rajh u fit-tielet jum reġa’ ħa ħajtu b’mod glorjuż. Għalhekk ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li Ġesù qam mill-mewt bil-qawwa tiegħu nnifsu għax huwa Alla, jew li l-Missier qajmu minn bejn l-imwiet. Iż-żewġ affermazzjonijiet huma tajba, u huma mod differenti kif naraw il-qawmien ta’ Kristu, għax Ġesù qal: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30).

Aħna bħala n-nagħaġ tal-merħla tiegħu għandna naraw lil Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb, li mhux biss tana ħajtu iżda li huwa ħareġ rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt. Huwa ragħaj li fuqu għandna nafdaw ħajjitna. U r-rebħa ta’ Ġesù hija garanzija li huwa veru ragħaj li jħobbna, li jieħu ħsiebna u li għandu s-setgħa fuq kollox, anke fuq ħajjitna.

Aħna nagħaġ tal-merħla tiegħu u xejn ma jista’ jagħmlilna ħsara jekk inżommu lil Ġesù bħala r-Ragħaj u s-Sid tagħna, filwaqt li nwarrbu dak it-tagħlim li jmur kontra l-ispirtu tiegħu. Għalhekk inkantaw: “Ir-Ragħaj u s-Sid tiegħi kun Int, Mulej.”