Ġesù jirbaħ lid-dinja


44. It-Tnejn wara s-Seba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom ħalli jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb! Jiena rbaħtha d-dinja (Ġw 16, 33).

Dan huwa kliem ta’ kuraġġ ta’ Ġesù qabel ma mar għall-passjoni. Jgħid lill-Appostli li huwa rebaħ id-dinja. U forsi nistaqsu: imma kif Ġesù rebaħ id-dinja? Fil-milja taż-żminijiet Ġesù ġie fid-dinja imma d-dinja warrbitu u għadha twarrbu sal-lum.

Ma ħadhiex kontra l-ordni pubblika iżda għallem ċar u tond li kull ħażen joħroġ mill-qalb tal-bniedem. Uriena wkoll li l-ħelsien veru jiġi filli wieħed jaċċetta s-saltna ta’ Alla f’qalbu u jitbiegħed mill-egoiżmu, u li jħobb lil Alla u lill-proxxmu kollu.

Ġesù kien sultan fil-veru sens tal-kelma. Iżda ma għamilx bħas-slaten billi pprova jibni imperu f’din id-dinja jew billi juża xi armata u jibda jirbaħ belt wara belt. It-tron tiegħu kien is-salib. Permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu huwa rebaħ id-dinja, ħaġa li ebda sultan ma joħlom li jagħmel biex jirbaħ, anzi din tfisser telfa kbira …

Imma Ġesù ħareġ rebbieħ fuq l-egoiżmu tal-għedewwa tiegħu li ppruvaw jeħilsu minnu darba għal dejjem, fuq id-dnub u fuq il-mewt. Tant Ġesù ħareġ rebbieħ u mhux tellief fuq is-salib, li dan sar simbolu tal-Kristjaniżmu.

Matul l-elfejn sena ta’ storja l-Insara ma stħawx mis-salib ta’ Kristu. Kif Mosè għolla s-serpent fid-deżert biex min iħares lejh ifiq, l-Insara poġġew f’postijiet ta’ importanza s-salib. Dan sar simbolu ta’ rebħa, u mhux ta’ telfa.

Min jaf kemm persuni li kienu għaddejjin minn xi tbatija ħarsu lejn il-kurċifiss u minnu kisbu hena mill-aktar kbir! U dan huwa dovut għal raġuni waħda: li Kristu fuq is-salib rebaħ id-dinja u mhux tilef. Għalhekk kull min iħares lejn is-salib għandu jara l-istrument li bih saret il-paċi bejn is-sema u l-art. Iva, Kristu rebaħ u għadu jirbaħ … bis-salib!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.