Il-Missjoni ta’ Ġesù u r-rieda tal-Missier


44. It-Tlieta wara s-Seba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Jien sebbaħtek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel (Ġw 17,4).

Dan il-vers huwa meħud mit-talba ta’ Ġesù għad-dixxipli li hija msejħa it-talba saċerdotali, u jurina li Ġesù qiegħed jgħid lill-Missier li huwa temm ix-xogħol tiegħu fuq l-art u hekk tah glorja. Imma kif? Bl-ubbidjenza!

Ġesù ġie fid-dinja mhux biex jagħmel ir-rieda tiegħu iżda dik tal-Missier. L-awtur tal-ittra lil-Lhud ipoġġi dawn il-kelmiet fuq fomm Kristu meta ġie fid-dinja: “Jien imbagħad għidt: ‘Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla, kif fil-ktieb hemm miktub fuqi’” (10, 7).

L-awtur tal-ittra lil Lhud jgħidilna wkoll: “Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni , sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu, wara li Alla għamlu l-qassis il-kbir skont l-ordni ta’ Melkisedek” (5, 9-10).

U aħna bl-ubbidjenza rridu nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù. Kif huwa ta glorja lill-Missier billi għamel ir-rieda tiegħu, hekk l-għażliet ta’ ħajjitna jridu jkunu ggwidati mir-rieda ta’ Alla, billi nbaxxu rasna u nobdu.

Meta nidhru quddiem Alla rridu nagħtu kont ta’ kemm tassew għamilna r-rieda Tiegħu. M’aħniex ser niġu ġġudikati fuq kemm ksibna ġid u unuri, kemm kellna suċċessi jew kemm għaddiet tagħna iżda kemm ħabbejnieh billi għamilna r-rieda tiegħu, kemm obdejna.

Mhux faċli li dejjem tagħraf ir-rieda ta’ Alla. Iżda permezz ta’ xi parir u t-talb naslu biex nagħrfu u nagħmlu tagħna r-rieda tiegħu. Fuq kollox l-iskop ta’ ħajjitna għandu jkun it-tielet talba tal-Missierna jiġifieri: “Ikun li trid int, fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6, 10).

Noqogħdu attenti li ma nkunux biss Insara tal-isem u ninsew dak li Ġesù jgħidilna: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 7, 21).