Iktar minn 670 tabib iffirmaw dikjarazzjoni li fiha stqarrew li huma favur il-ħajja. Dan qalu fi stqarrija grupp ġdid li twaqqaf il-Ħadd bl-isem ta’ Tobba Favur il-Ħajja. Skont l-istqarrija maħruġa l-Ħadd, il-maġġoranza ta’ dawn it-tobba għażlu li isimhom jista’ jixxandar.
Is-sit newsbook.com.mt qal li fl-istqarrija t-Tobba Favur il-Ħajja sostnew li huma se jkunu qed jimpenjaw ruħhom biex jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-veritajiet xjentifiċi fuq il-ħajja qabel it-twelid, filwaqt li saħqu li kull ħajja hija prezzjuza.
Id-dikjarazzjoni li huma ffirmaw tistqarr li kull ħajja umana għandha titħalla tilħaq il-milja tagħha sakemm titwieled jew sakemm iċ-ċirkostanzi naturali jwasslu għat-telfien tagħha. Huma rrikonoxxew wkoll sitwazzjonijiet li ddeskrivewhom bħala straordinarji fejn interventi mediċi intenzjonati biex isalvaw il-ħajja tal-omm jistgħu jwasslu għat-telf tat-tarbija.
It-Tobba Favur il-Ħajja elenkaw tliet punti li huma li jingħaqdu kontra d-diskriminazzjoni jiġifieri li kull ħajja umana tixirqilha tgħix ħajjja ta’ dinjità filwaqt li ċaħdu b’mod kategoriku kull forma ta’ diskriminazzjoni kemm fuq bażi ta’ ġeneru, stadju ta’ żvilupp jew diżabbiltà. Fit-tieni punt huma semmew id-dinjità kemm tal-omm u tat-tarbija fil-ġuf. Filwaqt fl-aħħar punt sostnew li l-missjoni tagħhom bħala tobba hi waħda favur il-ħajja.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija