Il-Konferenza Episkopali Taljana tgħin lis-Sudan


Il-Konferenza Episkopali Taljana għar-raba’ sena konsekuttiva qed tagħti parti mid-dħul mill-fondi tat-tmienja fl-elf biex tingħata għajnuna ta’ emerġenza. Fl-Italja tmienja fl-elf mid-dħul mit-taxxi jitqassmu lil organizzazzjonijiet jew programmi ta’ assistenza soċjali skont kif wieħed jimmarka fid-dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu. Il-Knisja hija l-akbar benefiċjarja minn dawn il-fondi li tuża biex issaħħaħ il-ħidma pastorali, il-qima u l-kawżi li jeħtieġu għajnuna.

sudan

Din is-sena l-Knisja Taljana se tagħti miljun ewro lis-Sudan ta’ Isfel permezz tal-Caritas. Dan il-pajjiż tmien snin wara li ddikjara l-indipendenza tiegħu għadu jbati minn waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji fid-dinja. Seba’ miljun ruħ m’għandhomx ikel u reġjuni sħaħ qed ibatu ġuħ kbir. Minkejja ftehimiet ta’ paċi għadu għaddej ġlied vjolenti f’bosta partijiet tal-pajjiż.

F’April il-Papa Franġisku kien iltaqa’ mal-mexxejja tal-pajjiż – laqgħa li tibqa’ mfakkra għaliex fl-appell tiegħu għall-paċi l-Papa kien niżel ibus saqajn il-mistednin tiegħu u ħeġġiġhom biex jintemmu l-firdiet politiċi u etniċi biex tkun tista’ tinbena n-nazzjon.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija