Direttur ġdid fl-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede


Il-Papa Franġisku ħatar lil Matteo Bruni ta’ 43 sena bħala d-Direttur il-ġdid tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede. Bruni kien ilu jaħdem f’dan l-uffiċċju f’karigi oħra sa mill-2009. Huwa kien jieħu ħsieb jorganizza lill-ġurnalisti li kienu jakkumpanjaw lill-Papa fil-vjaġġi li jagħmel barra mill-Italja. Matteo Bruni huwa miżżewweġ u għandu tifla u minbarra t-Taljan huwa jitkellem tajjeb bl-Ingliż, l-Ispanjol u l-Franċiż.

bruni.png
Matteo Bruni mal-Papa Franġisku

Huwa se jieħu post Alessandro Gisotti li l-Papa kien ħatru Direttur ad interim tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan fit-30 ta’ Diċembru. Intant il-Papa Franġisku ħatar lil Gisotti u lil Sergio Centofanti bħala deputat diretturi tad-Direttorat Editorjali tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Komunikazzjoni. Il-karigi kollha se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Lulju.

 

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija