Il-kalendarju


Il-ħajja ma tifhimhiex. Kif tintiseġ hux minn mument għall-ieħor! U, tintiseġ għal mod tagħha. Kważi kważi tidher li tintiseġ għal riħha! Għalkemm illum, aktar ma nara u nħoss li xagħri qed jeħfifli u rrid ukoll nibda’ nitgħallem l-arti li nissellfu ukoll biex nidhirx li jien qârej, il-Mulej qed jgħallimni li jkun Hu fit-tmun ta’ kollox! Nemmen u ma nemminx! Intant…

Bħalissa qed niftakar f’żewġ esperjenzi li ma ninsiehom qatt. Darba minnhom kelli bżonn nasal wasla f’workshop biex jagħmluli biċċa xogħol. Niftakar li, meta dħalt f’dan l-imbierek workshop, għajnejja mill-ewwel inġibdu. U ħassejthom jinqalgħu xi naqra minn posthom ukoll. U mela x’ġara? Iva ħa nserħilhom raskom ħa! Baqgħu hemm. Imma x’ma jinġibdux x’kull waħda tnejn! Dan l-għaliex, fuq dan l-imbierek ħajt, ta’ kif tidħol, eżattament f’nofsu, praesente vivente, kien hemm hi! Is-sinjorina!…

Ma nafx jekk din l-imbierka ta’ sinjorina għaliha jeżiżtix is-sajf inkella x-xitwa. Inkella l-ħarifa jew ir-rebbiegħa. Alla jbierek, il-baħar li kellha warajha ma kienx jiċċaqlaq! Kien żejt! Mank jaħasra l-baħar li jdawwarni jkun hekk! U nemmen li l-istess tixtieq int fil-baħar li hemm madwarek! Xi tgħid sieħbi? Għax ġieli jkollu aptit jibla’ l-art! U lilna jiblagħna miegħu! Għax ġieli jitfagħlna kull kolp għal fuq xtajtet ħajjitna! Veru? U mhux ħut fit-triq itella’ imma x’ma nafx ma jtellgħax! Tibżax! …

Hekk kif rajtha dort lejn il-ħaddiema u għedtilhom frażi li kien iħobb jgħid wieħed xiħ quddiem ċerti xeni tat-televiżjoni. Alla jbierek! Din qed tħoss is-sħana! Kulħadd infaqa’ jidħak. U magħhom infqajt nidħak jien ukoll. Wara kollox min tridu jilgħabha tad-dejjaq. Meta l-Mulej jaqrana sewwa! Minn barra u minn ġewwa! Mela min jista’ jiġġudika u jissotta lil min! X’taħsbu? Quddiemu kollha qiegħdin tajjeb!

Iżda wara d-daħka, lil dawn il-ħbieb niftakarni ngħidilhom: Issa ħbieb! Ħdejn din, li kuljum tagħtuha xi ħarsa, għax ma nagħmlux inkwatru tal-Ħniena Divina? Xejn xejn, ikollu ħniena minnha, minnkom u minn dawk li jiġu hawn. Fosthom jien! Intom xi tgħidu? Ilkoll tbissmu. Imma ħej il-punt fehmuh! U tant kemm fehmuh li ikoll laqgħuh li l-inkwatru nwaħħluh! Ħdejha! Insomma, wara ftit, kelli l-grazzja li nerġa’ immur s’hemm u nagħtihom inkwatru tal-Ħniena Divina bit-talba tal-Kurunella miegħu. Għal kull persuna tal-workshop.

Kos hux! Kulħadd għandu bżonn il-ħniena ħbieb! Kemm dik tal-kalendarju li, min jaf x’wassallha biex tagħmel dik il-photo shoot u anki min iħalli x-xbieha tagħha fejn jaħdem jew fejn jgħix. L-għaliex, kull kalendarju, hu ta’ xiex inhu, qed ifakkarna li xi darba għad jispiċċa. U ma jkollniex bżonnu aktar. Għax nidħlu fiż-żmien ta’ bla żmien. U fil-ħin ta’ bla ħin. Mela, minflok ma nagħmlu ħafna għagħa u storbju għax dik hekk u l-oħra hekk, ejjew inħallu Dak li ma jgħaddix jibdel lil dak li jgħaddi. U s-sbuħija safja ta’ Min jaf iħobb l-għaliex jagħti lilu nnifsU u mhux għax jagħtina xi ħaġa milli għandu u li tintefa maż-żmien, tibdel il-mod ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja. U, iva, lejn xulxin!

Din l-istorja ħelwa fakkrittni f’kalendarju ieħor! Niftakarni darba minnhom sejjer nara lill-għażiża ommi. U, fit-triq, x’ħin rajtlu l-garaxx miftuħ, fettilli nidħol insellimlu ftit. Meta konna żgħar aqta’ kemm konna nilgħabu l-football flimkien! Hawn Mario! qalli. Għax hekk baqa’ isejjaħli. Għax hekk jafni. Kif int? Ma’ din it-tislima fil-pront weġibtu: Għaddejjin! Nirringrazzja lill-Mulej! Isma’! Tridx inberiklek waħda l-garage? Għal din il-proposta ż-żgħażugħ qalli entużjażt: Isbaħ din! Bierek! Għax aqta’ kemm għandi bżonn! Xejn xejn inneħħi s-seħta li daħlitli hawn ġew! Fil-pront daħħalt idejja fil-but taċ-ċoqqa, f’dak tan-naħa tal-lemin, u għedtlu: Isbaħ din! U mhux anki jien għandi bżonn nitbierek x’kull waħda! Għal dan il-kumment iż-żgħażugħ tbissem.

Mela hekk kif dort ħa nbierek nara lil Ms! Fil-kalendarju! Għall-ewwel iż-żgħażugħ deher ħa jikkonfondi. U jibda’ jistħi. Għandek il-kumpanija sieħbi! weġibtu. Għal dawn il-kelmiet iż-żgħażugħ beda jitbissem u t-tnejn infexxejna nidħku. Imbagħad, bdejt inbierek il-garage. Tridx inbierkuha lil din għax milli jidher għandha bżonn bħalna l-barka tal-Mulej? X’taħseb? Iż-żgħażugħ fehem il-messaġġ. Dħakna għal darb’oħra. Imbagħad tlabna. Tajtu l-Kurunella tal-Ħniena Divina u kulħadd mar għal rasu.

X’inhu l-punt ta’ dan kollu? Fis-soċjetà tallum, hi kif inhi, aħna, il-patrijiet u l-qassisin, nibda’ minni u nispiċċa bija, l-ewwel wieħed, irridu nidħlu fil-kuntest tagħkom. Ta’ fejn qiegħdin tgħixu. Ġesù lili jħallini b’ħalqi miftuħ! L-għaliex kien kapaċi jitħallat ma’ kulħadd! Ma’ kull tip ta’ nies! U, ta’ Alla u bniedem li hu, kapaċi jiżra dak li hu ta’ Alla f’dak li hu tal-bniedem. U jitfa,’ ħelu ħelu, lill-bniedem f’dak li hu ta’ Alla. Għax Ġesù kien jgħallem b’awtorità. Mhux b’awtoritarjaniżmu! Li jġagħlni nobgħod lili nnifsi. Għax minix pur u pura. Le! Kien jgħallem b’imħabba!

Ġesù jfakkarni f’dak il-kumment mill-isbaħ li kiteb Santu Wistin fil-kummentarju tiegħu tal-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, fis-seba’ omelija, meta jgħid: Għalhekk qiegħed jingħatalek kmand darba għal dejjem: ħobb u agħmel li trid; jekk tiskot, iskot għax tħobb, jekk titkellem, tkellem għax tħobb, jekk twiddeb, widdeb għax tħobb, jekk taħfer, aħfer għax tħobb; ħalli jkun hemm ġewwa qalbek il-għerq tal-imħabba, għax minn dan l-għerq ma jista’ joħroġ xejn aktar ħlief il-ġid (10 Omeliji fuq l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann, Omelija 7, 8).

Mela l-imħabba li kien qed jitħaddet fuqha Santu Wistin m’hiex dik tal-ħruq! Lanqas tat-textix! U tal-iżvog! U wisq anqas taż-żlieq! Le! L-imħabba li qed jitħaddet fuqha hi li tant kemm irridlek ġid li nagħtik lil Ġesù! Dak Ġesù li jrid isalva lilek, lili u …. lil tal-kalendarju!

Patri Mario Attard OFM Cap